B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7546 u W173, jista' l-Ministru jgħid kemm Transport Malta ilha taħdem fuq din il-proposta li ilha tiġi maħruba snin twal? Jista' jgħid ukoll fil-preżent xi pjanijiet qed taħseb fuqhom l-istess awtorità ħalli t-traffiku fiż-Żejtun ikun manniġġjat aħjar billi jitnaqqsu l-karozzi miċ-ċentru u jużaw din it-triq li tkun qed isservi bħala aċċess minn barra ċ-ċentru taż-Żejtun?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, b’referenza rigward Triq il-Falkunier, l-Awtorita tat-Trasport tista’ tifforma toroq hekk kif stipulat fl-iskemi tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar. Il-formazzjoni ta’ toroq oħra ssewgi l-formazzjoni ta’ toroq bil-proċess tal-iżvilupp. Fir-rigward tat-traffiku taċ-ċentru taż-Żejtun, l-awtorita’ ma rċeviet l-ebda talba jew ilment mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun f’dan ir-rigward.
Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market – applikazzjoni għal proġett
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni taħt il-European Social Fund mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-proġett “Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market” li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-MCAST u l-Università ta’ Malta? X’valur għandu l-proġett?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-applikazzjoni għall-proġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant saret fl-2011 għall-valur totali ta’ €312,419.00.
Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market — applikazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni taħt il-European Social Fund mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għall-progett “Better Future: Promoting an Equal and Inclusive Labour Market” li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-MCAST u l-Università ta’ Malta? X’valur għandu l-proġett?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għall-proġett konċernat ġiet sottomessa fl-24 ta’ Settembru 2010 w sussegwentament ġiet approvata nhar il-25 ta’ Ottubru 2011. Il-valur tal-proġett hu ta’ €312,419.
Sptar Mater Dei – stennija għal trasferiment ta’ pazjenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti long-term fl-Isptar Mater Dei jistennew li jkunu trasferiti għal faċilità oħra u għal kull każ (mingħajr ma jagħti l-isem) jgħid x’età għandu l-pazjent u kemm ilu jistenna biex jiġi trasferit?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba
Sptar Mater Dei – kanċellazzjoni ta’ elective surgeries
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm elective surgeries fl-Isptar Mater Dei li ġew ikkanċellati bejn Jannar 2011 u Diċembru 2013 xahar b’xahar u jagħti l-informazzjoni skont id-Dipartiment rispettiv?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura mit-teatri ta’ l-operazzjonijiet, in-numru ta’ operazzjonijiet/interventi li kienu bbukjati b’data u li ma sarietx l-operazzjoni/intervent f’dik id-data jinsab fit-tabellali qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, xahar b’xahar minn Jannar 2011 sa Diċembru 2013.
Ta’ min wieħed jinnota li ir- raġunijiet l-aktar komuni għaliex jitħassru l- operazzjonijiet li jkunu diġa tpoġġew fuq il- lista ta’ l- operazzjonijiet huma:
1. Il- pazjent ma jiġix għall-operazzjoni.
2. Minħabba xi kontraindikazzjoni medika.
3. Il- pazjent irrifjuta l-operazzjoni.
4. Ikun hemm operazzjonijiet fuq l-istess lista li jkunu damu iżjed milli kien mistenni.
5. Il- pazjent ma’ kellux bżonn l-operazzjoni, għaliex il- kundizzjoni tiegħu tkun inbidlet.
6. Minħabba li jkun hemm xi każ urġenti li jkun irid jiġi operat minnufieħ.
7. Il- pazjent ma jkunx ippreparat sew għall-operazzjoni, eż, ma jkunx sajjem.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, ir-raġuni l-għalfejn l-operazzjoni/intervent ma jsirx fid-data bbukjata huwa għaliex il-pazjent ma attendiex jew il-pazjent ma nstabx f’kundizzjoni medika adegwata biex titwettaq l-opearazzjoni/intervent (punti 1 u 2).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess u r-rekwiżiti neċessarji biex tinħareġ liċenzja għall-ispiżerija?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li biex tkun tista tinħareġ liċenzja għall-spiżerija, l-applikazzjoni trid tilħaq u tissudisfa l-kriterji kollha mnżilla u stabilliti fl- Avviż Legali 279/2007 (REGOLAMENTI DWAR IL-LIĊENZI GĦALL-ISPIŻERIJI) kif emendat, ta’ liema kopja qed tiġi mqeda fuq il-mejda tal-kamra ma’ din ir-risposta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-liċenzji ta’ spiżeriji f’kull lokalità f’Malta u Għawdex
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ma’din ir-risposta qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ talbiet li bħallissa hemm pendenti għal-liċenzji ta’ spiżeriji f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-liċenzji ta’ spiżeriji u kemm ilhom pendenti miġburin f’dawn il-kategoriji:
a) 10 xhur jew anqas
b) Aktar minn 10 xhur u anqas minn sentejn;
c) Aktar minn sentejn u anqas minn tliet snin;
d) Aktar minn tliet snin u anqas minn erba’ snin;
e) Aktar minn erba’ snin u anqas minn ħames snin;
f) Aktar minn ħames snin u anqas minn għaxar snin; u
g) Aktar minn għaxar snin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab informat li bħallissa hemm 320 talba pendenti għal liċenzji ġodda ta’ spiżeriji f’Malta u Għawdex u dawn ilhom pendent kif ġej:
a) 10 xhur jew anqas - 10
b) Aktar minn 10 xhur u anqas minn sentejn; - 10
c) Aktar minn sentejn u anqas minn tliet snin; - 5
d) Aktar minn tliet snin u anqas minn erba' snin; - 8
e) Aktar minn erba' snin u anqas minn ħames snin; - 2
f) Aktar minn ħames snin u anqas minn għaxar snin; -29
g) Aktar minn għaxar snin? - 256
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm milli jiġu aċċettati l-kredenzjali tal-Kummissarju Għoli Malti designated għall-Awstralja, u jekk saretx pressjoni - u fil-każ x’tip ta’ pressjoni saret - mal-Gvern Awstraljan sabiex jiġu aċċettati l-kredenzjali tal-istess Kummissarju Għoli Malti?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma li l-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja ppreżenta l-kredenzjali tiegħu fil-25 ta' Settembru 2013. Ma saret l-ebda pressjoni minn naħa tal-Awtoritajiet Maltin fuq il-Gvern Awstraljan sabiex jiġu aċċettati l-kredenzjali tal-istess Kummissarju Għoli Malti.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'każi bħal dawn il-protokoll jeżiġi li mhux talli ma tistax issir pressjoni, imma lanqas biss huwa aċċettat li tibgħat reminder.
Azzjoni bħal din normalment twassal biex il-persuna li tkun qiegħda tiġi rakkomandata, ma tiġix ikkunsidrata aktar mir-receiving state.
Ftehim iffirmat bejn il-Gvern Malti u pajjiżi oħra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ftehim kien iffirmat fl-2013 mill-Gvern Malti ma’ pajjiżi oħra u jagħti lista ta’ dawn? Jista’ jikkonferma li dawn kollha jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru mmexxi minnu?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti ffirma 31-il Ftehim fl-2013 li t-titlu tagħhom huwa mniżżel fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-Ftehim.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li t-test ta' dawk il-Ftehim li diġa daħlu fis-seħħ huwa aċċessibli minn fuq dan is-sit, it-test tal-Ftehim li għadhom ma' daħlux fis-seħħ, jew huma ta' sensittivita' kummerċjali, mhuwiex aċċessibli.
Wara t-tweġiba illi ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6265 u peress illi l-Ministru qal li ngħata parir biex ir-rapport dwar il-bendy buses ma jiġix irrappurtat minħabba sigurtà, jista' l-Ministru jgħid min tah dan il-parir u x'kienu l-punti ta' sigurtà illi ġew imqajma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-parir biex ir-rapport tal-bendy buses ma jiġix irrapportat ingħata mill-esperti li kienu nvoluti fl-investigazzjoni. Fir-rapport jingħad li, l-informazzjoni li fih, tista’ tgħin lil kwalunkwe persuna b’intenzjonijiet ħżiena biex tagħti n-nar magni ta’ vetturi. Fi tmiem ir-rapport, jingħad ċar u tond li l-esperti huma kontra l-pubblikazzjoni tar-rapport.
Għaldaqstant jien ħassejt li ma kellix immur kontra il-pariri tal-esperti u dan biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fuq is-saħħa u s-sigurta’ tal-pubbliku. Wara kollox, ir-responsabbilta għal kull inċident li jinqala’ hija tiegħi u mhux tal-Oppożizzjoni.
Għalhekk, minflok inbeżża’ bħalma qiegħda tagħmel l-Oppożizzjoni, għażilt li nieħu l-prekawzjonijiet kollha biex nipproteġi lill-pubbliku.
Tajjeb jingħad li anke r-rapport li għamlu l-esperti tal-Arriva ma ġiex ippubblikat, fuq parir tagħhom stess. L-istess jista’ jingħad fir-rigward tar-riżultat tal-inkjesta maġisterjali li ukoll ma ġiex ippubblikat fl-intier tiegħu iżda ġew ippubblikati biss siltiet minnu, fuq parir tal-Avukat Ġenerali.
Madankollu, l-aċċess għar-rapport ingħata lil kull min talbu, fosthom lill-midja u lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport li ġie l-uffiċċju tiegħi għal darba darbtejn u kellu l-ħin kollu li ried għad-diżpożizzjoni tiegħu.
Wara t-tweġiba illi ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6265 u peress illi l-Ministru qal illi l-media ġiet mistiedna biex tara dan ir-rapport dwar il-bendy buses, u allura in vista tal-fatt illi l-kontenut tad-dokument qiegħed fid-dominju pubbliku, jista' l-Ministru jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Minkejja li kif diġa’ ntqal, il-midja kif ukoll kull min talab, fosthom il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-trasport, ingħataw aċċess għal dan ir-rapport, dan ma jfissirx li l-kontenut tiegħu qiegħed fid-dominju pubbliku. Għaldaqstant ma nistax nifhem kif l-Oppożizzjoni ma tistax jew ma tridx tifhem li dan ir-rapport ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, għaliex mhuwiex pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex terġa' tibda titħaddem l-Employment Aid Programme? Jista' jgħid kemm se jkun hemm fondi allokati għal dan il-programm u meta l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tibda tilqa' applikazzjonijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għandha pjanijiet biex terġa' tniedi programm simili għall-Employment Aid Programme meta joħorġu l-applikazzjonijiet għall-użu tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2014-2020.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tas-Supervisory Board tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 39 (1), Part VII, tal-Att dwar l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta, Kap. 499 li jgħid:
“39. (1) Il-Ministru jista’, wara konsultazzjoni mal-Awtorità, b’Ordni pubblikata fil-Gazzetta u b’seħħ minn dik id-data jew dati kif jistgħu jiġu stabbiliti f’dik l-Ordni, jaħtar fir-rigward ta’ kull Direttorat li jista’ jkun twaqqaf taħt dan l-Att, Bord ta’ Sorveljanza li jkun magħmul minn Chairperson u dawk il-membri l-oħra msemmija fl-Ordni. Il-Bord ikollu dawk is-segħat eżekuttivi u, jew konsultattivi kif jista’ jingħad fl-Ordni kif jista’ jiddeċiedi l-Ministru wara konsultazzjoni mal-Awtorità.”
Fid-dawl tal-fatt li bħalissa qed issir ħidma dwar it-twaqqif ta’ l-Awtorita’ Maltija tal-Avjazzjoni, il-bord imsemmi ma nħatarx, dejjem skont kif provdut f’dan l-Att.