Legislature:
Category:
Reset
Active:

Memorandum of Understanding — Queen Mary Bart Medical School

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School għadu fil-fażi preliminari u huwa ta’ natura kunfidenzjali, ma huwiex opportun li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #8247 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Memorandum of Understanding — Queen Mary Bart Medical School

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li f’dan l-istadju ma nħossx li għandi nippubblika ċertu dettalji.
Leg 12 PQ #8251 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Siġġiewi – żona ta’ Kirċeppu — żvilupp

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jsir xi żvilupp fl-għelieqi li jinsabu fiż-żona ta' Kirċeppu, Triq in-Nirien fis-Siġġiewi wara l-kappella?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha bżonn iktar dettalji biex tkun tista’ twieġeb aħjar din il-mistoqsija

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema bl-arloġġ tal-ilma u qiegħed jiġiha għoli ħafna u dan minkejja li rrapurtat il-każ lill-ARMS kemm-il darba?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijenta fejn din ġiet infurmata li l-każ huwa marbut ma’ meter tal-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet infurmata sabiex tinsab soluzzjoni adegwata b’effett immedjat. Fl-istess ħin l-ARMS diġa’ irrevediet il-kont tal-klijenta.

PBS pagamenti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li għandu jagħti l-PBS għal programmi li saru fl-aħħar sentejn u li għadhom ma tħallsux? Liema huma l-persuni jew kumpaniji li għandhom jieħdu l-flus u kemm hu l-ammont dovut lil kull persuna jew kumpanija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-PBS topera bħala kumpanija u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Nistieden lill-Onor. Interpellant isaqsi lil eks kollega tiegħu biex jkun jaf dwar pagamenti li ma tħallsux fl-aħħar sena tal-leġislatura ta’ Gvern preċedenti.

Priġunieri — parole

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' min kienu l-priġunieri mogħtija l-parole, u min kienu l-avukati difensuri tagħhom dakinhar tas-sentenza oriġinali u issa li ngħataw il-parole?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa kunfidenzjali.

12-il distrett — rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti speċifiċi li ntbagħtu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali, u li ġew aċċettati mill-Gvern (permezz ta' Transport Malta), u li allura issa se jkunu inkorporati mar-rotot il-ġodda li suppost se jibda jħaddem l-operatur il-ġdid meta jibda jaħdem?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-suġġerimenti speċifiċi li ntbagħtu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett u li qed jiġu proposti fin-network il-ġdid li ġie ppubblikat fl-Expression of Interest li ħareġ il-Gvern (permezz ta’ Transport Malta) huma: Mellieħa: 1. Żieda fil-frekwenzi tar-rotot li jaqdu l-Mellieħa mal-Belt li bħalissa jammontaw għal 4 karozzi fis-siegħa – ser jiżdiedu għal 6 fis-siegha (peak) u 5 (off-peak) 2. Biex ir-Rotta X1 tibda miċ-ċentru tal-Mellieħa minflok mill-bypass. Ir-rotta ġdida X1A ser tibda tgħaddi miċ-ċentru tal-Mellieħa. 3. Ir-rotot 101 u 102 ma jidħlux aktar fiż-żoni residenzjali tal-Mellieħa. Ir-rotot il-ġodda ser jibdew jgħaddu miċ-ċentru tal-Mellieħa. San Pawl il-Baħar: 1. Rotta li sservi n-naħa ta’ Triq Bordin bħalma kienet tagħmel ir-rotta l-antika 49 - Inħolqot rotta ġdida bin-numru 48 li ser tibda sservi l-akwata msemmija kemm minn, kif ukoll lejn il-Belt u fl-istess ħin isservi parti miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Bahar. 2. Rotta li sservi l-Qawra kemm minn, kif ukoll lejn il-Belt għax illum biex jaslu lura mill-Belt l-ewwel iridu jduru d-dawra ta’ bognor u Bugibba biex fl-aħħar jaslu l-Qawra . Il-Qawra ser tkun servuta bir-rotta 45 minn u lejn il-Belt. 3. Żieda fil-frekwenzi tar- rotot li jgħaqqdu ċ-ċentru ta’ San Pawl il-Bahar mal-Belt li bħalissa jammontaw għal 4 karozzi fis-siegħa – ser jiżdiedu għal 6 fis-siegħa (peak) u 5 (off-peak) minn naħa tal-Mellieħa u 3 oħra (Rotta 48) li jkunu ġejjin minn naħa ta’ Triq Bordin, kif spjegat f’punt Nru. 2. 4. Biex ir-Rotta X1 tibda miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar flok mill-By Pass. Ir-Rotta ġdida X1A ser tibda tgħaddi miċ- Ċentru ta’ San Pawl il-Baħar. Naxxar: 1. Biex il-karozzi tal-linja ma jibqgħux jgħaddu minn Triq il-Birguma. Ir-Rotot l-ġodda li jservu din l-akwata ser jiġu estiżi sar-Roundabout ta’ Alla w’Ommu. 2. Biex terġa tiddaħħal rotta simili għar-rotot l-antiki 55/56 biex il-poplu Naxxari jinqeda aħjar – Ser tiġi introdotta rotta ġdida bin-numru 46 mill-Għargħur li sservi San Pawl Tat-Tarġa u ċ-Ċentru tan-Naxxar minn u lejn il-Belt kif ukoll ir-rotta 43 ġiet imdawwra biex isservi ċ-ċentru tan-Naxxar direzzjoni lejn il-Belt. 3. Ir-residenti tan-naħa tas-Salini bħalissa m’għandhom l-ebda servizz tat-trasport Pubbliku. Din l-akwata ser tibda tkun servuta bir-rotta ġdida Nru. 49 minn u lejn il-Belt.

Trasport pubbliku — talba għal iżjed informazzjoni

Question

Billi minn stqarrijiet li ħarġu fil-pubbliku qed jingħad li l-Gvern għandu sal-24 ta' Marzu biex iwieġeb għal xi informazzjoni li fil-fatt seta’ kellhom bżonn dawk li kienu/huma interessati biex jipprovdu t-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm organizzazzjonijiet/persuni li talbu li jingħataw iktar informazzjoni minn dak li kien provdut oriġinarjament? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li talbu iktar informazzjoni ma baqgħux juru interess f'din l-istess informazzjoni li kienet mitluba minnhom, u li kienet għadha ma ngħatatilhomx?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant f’dan l-istadju meta għadha anqas għalqet is-sejħa għall-Expression of Interest hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant għandu jifhem li m’huwiex prudenti li tingħata meta l-proċess ta’ sottomissjonijiet għadu miftuħ.

Pitkalija — riforma

Question

Billi mill-informazzjoni mogħtija qed jirriżulta li qatt ma kien iddikjarat interess fit-tmexxija tar-riforma fil-pitkalija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif saru jafu b'din il-possibilità dawk li magħhom suppost qed isiru diskussjonijiet dwar l-istess riforma? Meta sar l-ewwel kuntatt bejn il-Gvern u dawk li magħhom għaddejjin id-diskussjonijiet bħalissa? Kemm hemm persuni/għaqdiet li qed jieħdu sehem f'dawn l-istess diskussjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-wegħda 131 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, illum fil-Gvern. Għall-kumplament tad-domanda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8174.

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici", jista’ l-Ministru għall-Intern, li hu responsabbli mill-Pulizija jgħid jekk jaqbilx ma' din id-dikjarazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha? Jaqbel li tali dikjarazzjoni tammonta għal bastun fir-rota tal-ħidma tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 3959 li hi fuq l-istess linja u se titwieġeb mill-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #3959 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici.", jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' tali dikjarazzjoni li tammonta għal parir minn membru tal-Gvern lil dawk li jkunu interrogati mill-Pulizija, li jinkludu kriminali magħrufa, bil-konsegwenza li l-Pulizija tkun imfixkla serjament f'xogħolha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Onor. Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ġustizzja ma kien qed jagħti l-ebda pariri lil hadd izda kien qed jiddentifika b’mod car in-nuqqasijiet li jezistu fil-ligi Maltija fejn jidħol id-dritt ghall-assistenza legali, dritt li f’Malta huwa limitat ħafna u ta’ ftit utilita’ ghal persuna arrestata li hija prezunta innocenti. Kien il-Gvern Nazzjonalista li l-istess Onor. Interpellant sa ftit ilu kien jifforma parti minnu, li naqas milli jdahhal dan id-dritt fil-Kodiċi Kriminali tagħna b’mod li jkun verament effettiv u mhux biex ikun qiegħed biss fuq il-karta u li l-ezercizzju tiegħu ftit li xejn ikollu utilita’ għal persuna arrestata. Jidher li l-Onorevoli Interpellant għandu memorja qasira ta’ dak li gara fl-ahhar snin fejn jidħol id-dritt għall-assistenza legali. Id-dritt ghall-assistenza legali gie ntrodott fil-Kodiċi Kriminali permezz tal-Att Numru III tal-2002. Madankollu, għal raġunijiet magħrufa biss ghall-Gvern Nazzjonalista, dan id-dritt dam biex gie fis-seħħ sal-bidu tal-2010, jigifieri tmien snin wara li għaddiet il-ligi mill-Parlament. Minħabba dan id-dewmien biex dan id-dritt monk jigi fis-sehh, il-Gvern tilef numru ta’ kawzi fil-Qorti Kostituzzjonali għax il-ligi ma kinitx tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Konxju tal-fatt illi d-dritt għall-assistenza legali huwa wieħed monk, ineffettiv u anke jista’ jkun ta’ pregudizzju għall-interessi ta’ difiza tal-akkuzat u konxju ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Onorevoli Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ġustizzja immedjatament talab lill-Kummissjoni Holistika għar-Riforma tal-Ġustizzja sabiex fir-rapport finali tagħha tindirizza din il-kwistjoni u tagħti parir lill-Gvern kif dan id-dritt għall-assistenza legali għandu jkun wiehed effikaci, li ma jkunx mazzra ma’ għonq l-akkużati u li jkun jista’ jigi ezercitat fit-totalita’ tiegħu. B’hekk, dak li jistqarr l-Onor. Interpellant li l-Pulizija se tigi mfixxkla serjament f’xogħolha mhu minnu xejn peress dak li jrid il-Gvern huwa illi idejn il-Pulizija tissahhah f’konformita’ mad-drittijiet tal-bniedem.
Leg 12 PQ #3960 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja

Question

Peress li fil-ħarġa ta’ The Times tas-26 ta' Lulju 2013, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja ġie rrappurtat hekk: "Suspects under interrogation should avoid making use of their right to speak to a lawyer because it can work against them, according to Justice Parliamentary Secretary Owen Bonnici.", jista' l-Prim Ministru jikkonferma li dan imur eżatt kontra l-kampanja tiegħu u tal-Oppożizzjoni Laburista fil-leġiżlatura preċedenti biex tali dritt ta' assistenza legali jkun fis-seħħ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba moghtija għall-mistoqsija parlamentari 3959.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – nursing manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mis-sejħa li ħarġet xhur ilu għal servizzi ta’ nursing manager fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra reġa ġie infurmat ħażin. Ma ħarġet l-ebda sejħa għal servizzi ta’ Nursing Manager fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

impjant il-ġdid tal-elettriku — periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset id-ditta ta' periti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'direct order biex għamlet il-pjanti eċċ. b'relazzjoni mal-impjant il-ġdid tal-elettriku f'Delimara?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont imħallas lill-kumpanija iAS huwa ta’ €189,504.28 (mija disgħa u tmenin elf, ħames mija u erbgħa, u tmienja u għoxrin ċenteżmu).
Leg 12 PQ #7289 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — tinda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienet il-kumpanija li tqabdet biex tarma u żżarma t-tinda ħdejn l-Isptar Mater Dei nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar 2014? Jista’ jgħid kif intgħażlet din il-kumpanija u kemm swiet biex intramat u żżarmat it-tinda?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-kumpanija li ġiet inkarigata biex tarma u ż-żarma t-tinda ħdejn l-isptar Mater Dei fid-dati msemmija, ntgħażlet permezz ta’ Direct order mill-amministrazjoni tal-Isptar Mater Dei. Din il-kumpanija hija MFCC u l-ispiża kienet ta’ €7021 Euro.
Leg 12 PQ #7290 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini out-of-stock

Question

B’referenza għall-paġna 21 tal-white paper dwar il-mediċini out of stock jingħad li hemm ħafna ħela ta’ mediċini mill-pazjenti, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika u/jew l-informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-asserzjoni?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #7291 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Investigazzjoni dwar biopsija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-investigazzjoni dwar l-inċident fejn għebet biopsy ta’ pazjent hekk kif kien rappurtat fi stqarrija tal-Gvern fis-7 ta’ Settembru 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Nitlob lill-Onor. Membru sabiex jara r-rapport mitlub minnu fil-privat.
Leg 12 PQ #7292 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Dentistrija — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni li kien hemm fil-unit tad-Dentistrija bejn l-1 u t-2 ta’ Novembru 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li din is-sitwazzjoni ġiet riżolta wara diskussjonijiet bejn il-management ta’ l-isptar Mater Dei u d-dentisti nvoluti. Fil-fatt is-sitwazzjoni msemmija ma kienx hemm ħtieġa li jkun hemm investigazzjoni.
Leg 12 PQ #7293 Sitting 125 2014-02-26 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Dipartiment tad-Dentistrja — appuntamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li għad m’għandhomx appuntament għall-intervent li għandhom bżonn fid-Dipartiment tad-Dentistrja?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li n–numru ta’ pazjenti li għadd m’għandhomx appuntament għal-intervent li għandhom bżonn fid-Dipartiment ta' Dentistrija huma: · 191 adulti għal qlugħ ta’ snien/operazjoni bil-lopju · 78 tfal għal qlugħ ta' snien /operazjoni bil-lopju · 8 għal dentaturi · 44 fixed braces