Jista' l-Ministru jgħid kemm huma d-dixxiplini sportivi differenti li bdew jiġu pprattikati fl-iskejjel primarji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin bikrin (sat-tieni sena tal-Primarja) hemm aċċenn b’saħħtu ħafna dwar il-ħiliet fundamentali li huwa essenzjali għal kull dixxiplina sportiva.
Fis-snin ta’ wara (mit-tielet sena tal-Primarja) isiru wkoll lezzjonijiet ta’ dawn id-dixxiplini: Atletika, Baskitbol, Futbol, Handball, Għawm, Ġinnastika, Golf, Rugby u Żfin.
Il-maġġoranza kbira tal-lezzjonijiet isiru mill-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika filwaqt li minn żmien għall-ieħor isiru żjarat fl-iskejjel minn għalliema speċjalizzati fid-dixxplini msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG sa minn meta din bdiet topera?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li sa’ l-aħħar ta’ Diċembru 2016, l-ammont ta’ vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG huma s-segwenti:
Sena
Ammont
2013
61
2014
306
2015
250
2016
249
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk instabux karozzi fit-toroq Maltin li jaħdmu bl-LPG mingħajr ma kien sar xogħol fuqhom minn Installers awtorizzati? X’passi ttieħdu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabux karozzi fit-toroq Maltin li jaħdmu bl-LPG mingħajr ma sar xogħol fuqhom minn Installers awtorizzati? X’passi ttieħdu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi meta vettura tiġi konvertita biex taħdem bl-LPG minn persuna awtorizzata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), din il-modifika tiġi nnotata fuq iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura maħruġ minn Transport Malta. Ninsab ukoll infurmat illi mill-ispezzjonijiet li twettqu fuq vetturi fit-toroq Maltin mill-uffiċjali ta’ infurzar ta’ Transport Malta, ma nstabu ebda vetturi li ġew konvertiti biex jaħdmu bl-LPG u li ma kellhomx din il-modifika innotata fuq iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħhom.
Malta Enterprise – skemi għall-impjieg ta’ ħaddiema ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi miftuħa mill-Malta Enterprise biex jgħinu fl-impjieg ta' ħaddiema ġodda? Liema huma dawn l-iskemi u kemm tingħata għajnuna fuq il-paga u l-bolla tal-istess ħaddiema ġodda?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Council for the Professions Complementary to Medicine – laqgħat
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30002, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġenda ta' dawn iż-żewġ laqgħat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċeduri ta’ dan il-kunsill huma kunfidenzjali, kif imsemmi fil-Leġislazzjoni Sussidjarja tal-2006, 464.10, preċiżament artiklu 37, li nikkwota “Il-provedimenti kollha tal-Kunsill u tas-sottokumitati tiegħu għandhom jitqiesu li huma kunfidenzjali."
Mistiedna marbuta mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea — lukandi
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30001, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li qed tirreferi għall-ispezzjonijiet tad-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lukandi fejn il-mistiedna marbuta mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea kienu u ser ikomplu jkunu spezzjonati b’mod regolari skont il-ħtieġa. Dawn l-ispezzjonijiet saru: Hotel Kempinski, Corinthia Palace, Corinthia San Gorg, dB San Antonio, Grand Hotel Excelsior, Hilton, Intercontinental, Le Meridien, Radisson Blue Resorts, The Palace, The Victoria Hotel, Westin Dragonara u il-Fortina.
Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali – Spezzjonijiet fuq is-siti marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — spezzjonijiet
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30000, jista' l-Ministru jgħid meta bdew dawn l-ispezzjonijiet u jekk tlestew, meta tlestew?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet f’siti marbutin mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ilhom isiru minn Diċembru tal-2016 u ser ikomplu jsiru tul dawn ix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta sar l-audit tas-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) f'Jannar 2017, kien hemm problemi kbar bis-sistemi tal-IT?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-audit imsemmi minnha sar preċiżament sabiex jikxef problemi potezjali fis-sistema l-ġdida ta' stock management li qed tiġi nstallata mis-CPSU. Fil-fatt l-audit sar mill-iżviluppatur stess sabiex jittieħdu passi korrettivi jekk ikun hemm il-bżonn.
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-kumpanija tal-awditjar li tqabbdet tagħmel l-audit fis-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) f'Jannar 2017? Kien hemm sejħa pubblika għal dan l-audit jew dan ix-xogħol sar permezz ta' direct order?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-audit imsemmi minnha sar mill-iżviluppatur stess.
Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet pendenti quddiem il-Qorti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandu każijiet pendenti quddiem il-Qorti, l-Uffiċċju għall-Affarijet tal-Konsumatur? Tista’ l-Ministru telenka dawn il-każijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li bħalissa hemm tmien (8) każijiet pendenti quddiem il-Qorti inkluzi l-appelli fl-ismijiet segwenti:
· Pulizija vs Marphil Gauci (Qorti tal-Magistrati (Malta) Gudikatura Kriminali)
· Pulzija vs Nazzareno Muscat (Qorti tal-Magistrati (Malta) Gudikatura Kriminali)
· Pulizija vs Mark Andrew Brincat et (Riferena Kostituzzjonali)
· Pulzija vs Mark Andrew Brincat et (Riferena Kostituzzjonali) dawn huma zewg kazijiet bl-istess ismijiet
· Pulizija vs Chalcedon Vella (Qorti tal-Magistrati)
· Pulizija vs Josef Gauci (Qorti tal-Appell Kriminali)
· Melita plc et vs Direttur Generali (Affaijiet tal-Konsumatur) (Tribunal tal-Apelli ghall-Kompetizzjoni u ghall-Konsumatur)
· Benny Borg Bonello nomine vs MCCAA u Direttur Generali (Affarijiet tal-Konsumatur) (Qorti tal-Appell)
Att dwar il-Kompetizzjoni – Direttur Ġenerali — sottomissjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) talabx persuni jew intrapriżi oħra li joperaw fis-suq biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jekk dan ma sarx, tista’ tispjega għaliex dan ma sarx? Jekk dan sar, tista’ tgħid meta d-Direttur Ġenerali ppublika n-notifika u kemm irċieva sottomissjonijiet?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li d-Direttur Ġenerali, fl-investigazzjoni tiegħu, talab informazzjoni mingħand operaturi oħra fis-suq. Id-Direttur Ġenerali mhux obligat li jagħmel l-ebda notifika biex operaturi oħra fis-suq jagħmlu s-sottomissjonjiet tagħhom.
Att dwar il-Kompetizzjoni – każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal fuel
Question
B’referenza għall-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29055 rigward il-każ tas-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal fuel,tista’ l-Ministru tgħid jekk l-organizzazzjoni konċernata tikkwalifikax bħala entità kwalifikata skont l-Att dwar il-Kompetizzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-organizzazjoni konċernata tikkwalifika bħala entità kwalifikata skont l-Att Dwar il-Kompetizzjoni.
Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – ħruġ ta’ ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformità, skont artikolu 13 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, inħarġu mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni minn Marzu 2013 ‘il hawn? Tista’ l-Ministru tgħid meta nħarġu u f’liema settur dawn kienu jikkonċernaw?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-Uffiċċju ma ħareġ l-ebda ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija u ordni ta’ konformita.
Uffiċċju tal-Konsumatur — rapporti fuq kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mill-Qorti b’ġurisdizzjoni ċivili
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġie mitlub jissottometti rapport fuq kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni mill-Qorti b’ġurisdizzjoni ċivili skont artikolu 27 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li kien hemm okkazzjoni waħda fejn l-Uffiċċju ġie mitlub jissottometti dan it-tip ta’ rapport.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – bord ta’ Governanza – każ tal-Federation of Estate Agents
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Bord ta’ Governanza tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ġie infurmat mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali tal-21 t’April 2015 rigward il-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et? Tista’ tgħid x’passi ħa l-Bord appena dan kien infurmat? Tista’ tgħid jekk il-Bord analizzax il-konsegwenzi li din is-sentenza ġġib fuq il-liġi tal-kompetizzjoni f’każ li kellha tiġi kkonfermata, kif fil-fatt ġara? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk il-Bord ma ġiex infurmat, tista’ tgħid x’passi ħa l-Bord biex jindirizza din il-kwistjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li s-sentenza mogħtija mill-Prim Awla Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) tal-21 ta’ April 2015 ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Bord tat-28 ta’ April 2015. Il-membri tal-Bord kienu tal–opinjoni li l-Avukat Ġenerali għandu jiġi infurmat li fl-opinjoni tagħhom is-sentenza għanda tigi appellata.
Ta min jiġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li mhux korrett meta qed jgħid li s-sentenza ġiet konfermata għax fil-fatt Qorti Kostituzzjonali ma qablietx li l-proċeduri kontemplati fl-Att imorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif kienet iddeċidiet l-ewwel Qorti.
Il-minuti tal-Bord jitqiesu li huma dokumenti interni skont Artikolu 28 tal-Att dwar l-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.