Legislature:
Category:
Reset
Active:

Att III tal-2014 – rapporti kontra persuni minuri ta’ taħt l-14-il sena

Question

B’referenza għall-Att III tal-2014, l-Att li jkompli jemenda l-Kodiċi Kriminali, jista’ l-Ministru jgħid kemm ir-rapport kien hemm kontra persuni minuri ta’ taħt l-14-il sena u li ma setgħux jittellgħu l-Qorti għaliex ġew eżenti minn responsabbilità kriminali skont l-istess Att, fis-sena 2015 u fis-sena 2016 separatament minn xulxin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #30680 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern — impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati jaħdmu fl-Istamperija tal-Gvern? Jista’ jgħid x’inhu r-rwol u l-grad ta’ kull impjegat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Bħalissa fl-Istamperija tal-Gvern hemm erbgħa u ħamsin (54) ħaddiem li jinqasmu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Ir-rwol ta’ kull grad joħroġ mill-istess nomenklatura. Numru ta’ impjegati Rwol 1 Director (GPP) 1 Chief Printer 3 Assistant Chief Printers 2 Principal 1 Printing Standards Reviewer 5 Inspector (Printing Press) 1 Technical Officer 24 Senior Printer 2 Executive Officers 1 Clerk 1 Officer in Scale 16 6 Printer 4 General Hand 1 Watchman 1 RSS employee on Watchman duties
Leg 12 PQ #30681 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern – Chief Printers

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid bħalissa kemm hemm Chief Printers fl-Istamperija tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30680.
Leg 12 PQ #30682 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern – Chief Printers — responsabilitajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-responsabiltajiet taċ-Chief Printer tal-Istamperija tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-responsabiltajiet taċ-Chief Printer huma kif imqassam hawn taħt: i) ir-responsabilità għat-tmexxija fis-sezzjonijiet tal-produzzjoni; ii) it-tħejjija tad-dokumenti tal-offerta għax-xiri ta’ tagħmir / materjal; iii) iż-żamma tad-dixxiplina u kontroll tal-impjegati; iv) l-ippjanar u t-tmexxija tal-programmi ta’ manutenzjoni fis-sezzjonijiet kollha; v) dmirijiet oħra skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku skont struzzjonijiet mogħtija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Stipendji — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa fl-istipendji fl-2016? Jista’ jgħid ukoll x'kienu l-miżuri ġodda introdotti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

In-nefqa fl-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti għas-sena akkademika 2015/6 kienet ta’ €25,815,788. Fost id-diversi miżuri ġodda introdotti kien hemm: Fis-sena 2015/6 diversi korsijiet ġodda żdiedu mal-lista ta’ dawk eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti inkluż il-Postgraduate Diploma fin-Nutrition u Dietetics li beda jitqies ukoll eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti. F’din is-sena akkademika, il-proġett edukattiv Gem 16+ laqa’ 69 student li kollha tqiesu eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u ħafna minnhom applikaw ukoll għall-ghotja supplimentari. Id-dipartiment irċieva wkoll 108 applikazzjoni mill-Aġenzija Żgħażagħ (Youth Inc.) b’aktar minn 48 minnhom japplikaw għall-ghotja supplimenari. Kien hemm diversi inċentivi oħra fosthom il-ħlas tal-għotja ta’ darba lill-istudenti tat-tieni sena li jkunu qed jagħmlu kors bl-apprentistat fl-MCAST. Din l-għotja tfisser li issa l-istudenti tal-apprentistat fl-MCAST u li qegħdin fit-tieni sena tal-kors tagħhom ser jibdew jirċievu l-għotja inizjali fil-bidu tas-sena akkademika. Fil-fatt 362 student irċieva l-għotja f’Marzu u dan ammonta għal investiment ta’ €42,479.58. Fi Frar 2016 l-istipendji u stipendji supplimentari ġew riveduti b’ammont proporzjonali taż-żieda tal-għoli tal-ħajja (cola) u għaldaqstant l-istipendji u stipendji supplimentari ġew aġġustati b’żieda ta’ 0.93% u din sarrfet f’investiment akbar ta’ madwar €161,405 għas-sena akkademika 2015/6. Inċentivi oħra kienu jinkludu l-klassifikazzjoni ta’ korsijiet li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal stipendju ogħla fosthom il-B.Sc Pharmaceutical Technology li ġie klassifikat bħala kors prescribed għall-fini ta’ stipendju biex hekk dawn l-istudenti bdew jieħdu għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti ħafna ogħla. L-istudenti maturi bdew jitqiesu wkoll awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti minn Jannar 2016 u għaldaqstant ma baqax jintalab rendikont tad-dħul ta’ dawk residenti fl-istess household biex tiġi deteminata l-eliġibbiltà ta’ studenti li jiġu aċċettati għal kors taħt il-klawsola tal-maturità. Tajjeb jingħad ukoll illi fl-2015 il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol investa biex id-Dipartiment għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jkollu sistema onlajn fejn l-istudenti japplikaw kollha f’applikazzjoni waħda li minnha jiġu ġġenerati l-ħlasijiet wara li tiddaħħal l-attendenza fejn applikabbli.

Miżuri favur il-litteriżmu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-miżuri favur il-litteriżmu matul is-sena 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rendikont tal-programmi u l-inizjattivi li ttieħdu b'risq il-litteriżmu fl-2016 qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel u Libreriji – xiri ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq in-numru ta' kotba li nxtraw għall-iskejjel u libreriji fl-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' kotba li nxtraw għall-iskejjel fl-2016 huwa kif se nsemmi: Primarja - 75,049 Sekondarja - 1,433 Infurmat ukoll li fl-2016 l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu xtrat 25,167 ktieb għall-iskejjel.

Qasam tas-Sapport tal-Istudenti — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiema daħlu jaħdmu fil-qasam tas-sapport tal-istudenti fl-iskejjel mill-2013 'l hawn? X'tip ta' xogħlijiet kienu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-qasam tas-sapport tal-istudenti fl-iskejjel, bejn l-2013 u l-2016, fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-Istudent, in-numru ta’ impjegati li ġew ingaġġati kien kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li daħlu fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm iktar persuni b'diżabilità daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni b'diżabilità li daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar ħames snin kien ta’ 1,014.

Persuni ‘l fuq minn 45 sena li daħlu fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm iktar persuni ta’ 'l fuq minn 45 sena daħlu jaħdmu fid-dinja tax-xogħol f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni ’l fuq minn 45 sena li kienu jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni fl-aħħar ta’ Ġunju tas-snin 2012, 2013, 2014, 2015 u 2016 hu kif muri fit-tabella hawn taħt, jiġifieri: Persuni jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni Żieda sena fuq sena Ġunju 2012 63,450 Ġunju 2013 65,360 1,910 Ġunju 2014 68,057 2,697 Ġunju 2015 70,547 2,490 Ġunju 2016 73,432 2,885 It-tabella turi wkoll iż-żieda sena fuq sena.
Leg 12 PQ #30753 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għas-Saħħa

Estimi Finanzjarji għas-sena 2016, Vote XII Capital Item 7215 — Gozo (Construction works and equipment at the Gozo General Hospital

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2016, Vote XII Capital Item 7215 - Gozo (Construction works and equipment at the Gozo General Hospital ) fejn kienu ġew ivvutati miljun ewro, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-finanzi ġewx użati kollha? Jista' jgħid fuq liema xogħlijiet jew apparat intefqu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-figura li qed jagħmel referenza għaliha hu, hija mill-estimi approvati tal-2015 u mhux tal-2016.
Leg 12 PQ #30754 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Diskors tal-Baġit 2016 – twaqqif ta’ fond għall-ħaddiema

Question

B'referenza għad-Diskors tal-Baġit 2016 (Paġna 19) - fejn intqal li l-Gvern, fuq medda ta' żmien raġonevoli, se jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jindirizza l-anomaliji fuq diversi kategoriji ta' ħaddiema, fosthom il-ħaddiema tal-eks-Korpi tax-xogħol, tal-Electricity Board u Sea Malta, - u b'referenza għad-diskors tal-Bagit 2017(Paġna 45) - fejn intqal li ġew allokati €8miljun għat-twaqqif ta' fond li minnu se jsiru l-ewwel ħlasijiet lil ex-ħaddiema tal-korpi, ex-impjegati tal-Malta Electricity Board, il-każ tal-overtime tal-pulizija, u ex-ħaddiema tax-Xatt, jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2017, liema minn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema se jieħdu ħlasijiet minn din l-allokazzjoni ta' €8 miljun u kemm se jkun hemm allokat għal kull kategorija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Waqt li napprezza l-interess li llum qed juri l-Onor. Interpellant f’dak li għidt jien fid-Diskorsi tal-Baġit 2016 u 2017, ma nifhimx kif meta hu stess kien Deputat f’din il-Kamra f’bosta leġislaturi ma wera ebda heġġa biex jinstab tarf l-anomaliji tad-diveri kategoriji ta ħaddiema li issa mistennija jibenefikaw mill-fond imsemmi. Nixtieq madankollu nserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni u t-tqassim ta dan il-fondi lill-ħaddiema eliġibbli se jsiru fil-ħin xieraq u bl-aktar mod ġust u trasparenti.

Għawdex — Grounds tal-futbol – dwal mitfija

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi rrimedjat inkonvenjent li Clubs tal-football qed jesperjenzaw meta d-dwal li hemm fil-ground ta' ħdejn l-Iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex, qed jintfew wara ftit minuti u dan wara li l-clubs kienu ħallsu €25 biex ikunu jistgħu jużaw dan il-ground għal 90 minuta? Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-clubs qed iħallsu l-istess ammont biex jużaw il-ground ta’ ħdejn l-Iskola Primarja tax-Xewkija u d-dwal jibqgħu ma jinxtegħlux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi kienet ittieħdet deċiżjoni interna li t-timer ikopri l-ħin mill-17:00 sad-21:30 fix-xitwa, u bejn is-18:30 sal-22:00 fis-sajf. Dan sar minħabba li kien mifhum li dan l-arranġament kien jissodisfa l-bżonnijiet, u minħabba li ma waslet l-ebda talba lid-Dipartiment tal-Eżamijiet sabiex jiġi mibdul il-ħin tat-timer. Madankollu, id-Dipartiment lest li dan jinbidel jekk hemm il-ħtieġa li dan isir. Nindika wkoll bħala punt ta’ informazzjoni li ġejt mgħarraf li l-ispejjeż tad-dawl qed jitħallsu mid-Dipartiment tal-Eżamijiet.

Il-Qawra – Skola Primarja – sit fejn se tinbena — tabelli

Question

Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30506 dwar l-Iskola Primarja ġdida li għandha tinbena fil-Qawra, fejn ingħadd li t-tabelli nqalgħu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex ikun jista’ jinbidlilhom l-artwork, jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni li għaliha nħasset il-ħtieġa li l-istess tabelli jinqalgħu, kif ukoll meta se jinbeda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-post, kif ukoll jekk hux se jkun hemm tibdil fil-pjanti tal-istess skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-raġuni, li għaliha nqalgħu t-tabelli msemmija, diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30506. Ix-xogħol fuq il-proġett tal-Iskola Primarja tal-Qawra beda u s'issa sar l-iskavar tas-sit. Il-permessi ta' żvilupp li hemm bżonn ħarġu u bħalissa qed ikun evalwat it-tender tal-bini. Il-kostruzzjoni tiddependi minn meta jingħata l-kuntratt tax-xogħlijiet li jista' jkun suġġett għal appelli u proċeduri oħra. Hu ppjanat li din l-iskola tibda topera mis-sena d-dieħla. Ma sar l-ebda tibdil fil-pjanti tal-istess skola.

Kusilli Lokali – dokumenti ta’ tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali hux qed jingħataw xi taħriġ partikulari biex ikunu jistgħu jippreparaw id-dokumenti tat-tenders għal xi xogħlijiet li jkunu se jfasslu u jillestu fil-lokalitajiet tagħhom? Jekk iva, x’inhu dan it-taħriġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali organizza sessjonijiet intensivi ta’ taħriġ dwar il-proċess kollu ta’ akkwist (procurement) kif ukoll waqqaf Support Unit bil-għan li jkun ta’ assistenza għall-Kunsilli Lokali fil-proċess il-ġdid tal-ippubblikar tas-sejħiet għall-offerti fuq is-sistema tal-akkwist elettroniku (ePPS) li ġiet introdotta minn din l-amministrazzjoni. Għal darb’oħra, se jingħata aktar taħriġ hands on, b’kollarborazzjoni mal-Istitute for Public Service (IPS), immirat għas-Segretarji Eżekuttivi dwar kif titħaddem is-sistema elettronika. Barra minn hekk id-Dipartiment qiegħed ukoll jagħti s-sapport kontinwu tiegħu b’mod individwali lil kull min ikollu diffikulta’ biex jimla’ d-dokument jew biex juża s-sistema elettronika. Il-Kunsill Lokali jibqa’ responsabbli tal-informazzjoni li tkun ippubblikata fis-sejħiet għall-kwotazzjonijiet jew offerti. Intant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra żewġ ċirkularijiet: Ċirkulari 42/2016 u Ċirkulari 47/2016, kif ukoll kopja tal-programm ta’ taħriġ li ngħata f’Diċembru.

Korp tal-Pulizija — Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħaddmu sigħat ta’ overtime fil-Korp tal-Pulizija fix-xhur ta’ Ottubru 2016, Novembru 2016 u Diċembru 2016 xahar b’xahar u kemm tħallsu f'overtime fl-istess xhur, xahar b' xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, s-siegħat illi nħadmu f’overtime fil-Korp tal-Pulizija fix-xhur ta’ Ottubru u Novembru 2016 kif ukoll l-ammont li tħallas, kien hekk kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. L-ammont għax-xahar ta’ Diċembru għadu qed jiġi kompilat.

Awtorità tad-Djar – proprjetajiet mikrija lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex proprjetajiet, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali, inklużi garages, li huma mikrija lill-kunsilli lokali? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema proprjetajiet huma hekk mikrija, meta inkrew, u meta għaddew iċ-ċwievet tagħhom għand il-kunsilli lokali konċernati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar għandha 17-il proprjeta` li huma mikrija lill-kunsilli lokali. It-tabella t’hawn taħt tindika l-lista tal-proprjetajiet li huma mikrija u meta bdiet il-kirja. Ngħarraf lill. Onor. Interpellant li, ċ-ċwievet jgħaddu f’idejn il-kerrej/kerejja meta jiġi ffirmat ftehim. Kunsill Lokali Indirizz tal-Post Mikri Lokalita` Kirja Azzjoni Meħtieġa Minn Sa Birżebbuġia Kamra 1 Triq Florence Nightingale Birżebbuġia 01.02.05 31.01.25 Birzebbuġia Kamra 2 Triq Florence Nightingale Birżebbuġia 01.02.05 31.01.25 Furjana Garaxx 3 Plan Livell -2 Triq l-Iljun Furjana 16.12.11 15.12.16 Il-kirja se tiġi mġedda. Ħal-Balzan 153 Triq il-Kbira Ħal-Balzan 01.01.01 Każ miftuħ il-qorti. L-Awtorità tad-Djar qed tistenna li l-Kunsill Lokali jagħti lura ċ-ċwievet. Mosta Ħwienet 1-5 Binja l-Isperanza (Taż-Żokrija) Mosta 21.01.09 20.01.19 Mtarfa Club House Blk A Town Centre Mtarfa 01.12.09 23.03.45 Mtarfa Offices 1-5 Blk C Mtarfa Town Centre Mtarfa 15.09.00 15.09.20 Mġarr Garaxx 53 Livell 1 Binja Skorba Mġarr 02.09.14 01.09.19 San Pawl il-Baħar Garaxx 25 Triq J. Quintinus Qawra Diskussjoni dwar il-kuntratt u l-kirja għadejja mal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #30776 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Enemalta – twaħħil ta’ dawl fit-toroq pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Enemalta għadhiex twaħħal dwal fit-toroq pubbliċi, fuq arbli minflok mal-faċċati tan-nies, fejn tali dawl ma jkunx jista' jitwaħħal mal-istess faċċati? Xi proċedura partikulari qed tapplika l-Enemalta fiċ-ċirkostanzi fejn ma jkunx possibli li tali dwal jitwaħħlu mal-faċċati tar-residenzi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat minn Enemalta plc li l-installazzjoni ta’ dwal ġodda f’postijiet pubbliċi ilha għal diversi snin ma tkunx taħt ir-responsabilita’ ta’ Enemalta plc. Deċiżjonijiet u ppjanar dwar fejn u kif jitwaħħlu dwal ġodda f’postijiet pubbliċi jittieħdu mill-entitajiet responsabbli mill-post fejn dawn ikun meħtieġa. L-għajnuna ta’ Enemalta plc tintalab biss biex dwal ġodda li jkunu saru mill-entitajiet konċernati, fosthom kunsilli lokali, jkun jeħtieġ li jingħataw provvista tal-elettriku mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali. Dan isir billi l-entitajiet konċernati jimlew il-formola u ċ-ċertifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex issir din il-konnessjoni, u jissottomettuha lil ARMS Ltd. Jekk l-applikazzjoni jkollha ċ-ċertifikazzjonijiet kollha li jiżguraw li l-installazzjoni saret b’mod sikur u skont il-prattiċi stabbiliti, Enemalta tkun tista’ tqabbad id-dwal mas-sistema tal-elettriku biex jinxtegħlu.
Leg 12 PQ #30777 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Karin Grech –pagi ta’ Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali fuq pagi tal-ħaddiema u spejjeż oħra relatati mal-pagi (allowances, overtime, National Insurance Contribution) fl-Isptar Karin Grech għas-sena 2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja fis-sena tan-nefqa totali fuq pagi tal-ħaddiema u spejjeż oħra relatati mal-pagi fl-Isptar ta’ Karen Grech bejn l-2013 u l-2016 kienet €8,825,610.50.
Leg 12 PQ #30778 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

ART Clinic – ammont minfuq

Question

B’referenza għar-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari 30380 u 28883, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li tammonta l-ispiża tal-laboratorju għat-testijiet tad-demm, il-ħlas lill-ispeċjalisti li jieħdu sehem fil-proċess u spejjeż relatati ma’ outpatient visits għall-proċeduri li jsiru fl-ART Clinic fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-2016 l-istima tal-ispejjeż tat-testijiet relatati li jsiru fil-laboratorju tal-isptar Mater Dei b’konnessjoni mal-proċess tal-IVF kienet ta €36,324,41, l-istima ta’ ħlas għal konsulenti u speċjalisti li jieħdu sehem f’dan il-proċess kienet €42,030.70 u l-istima ta’ spejjeż oħrajn li jinkludu dawk tal-outpatient visits kienet ta’ €274,886.90.