Legislature:
Category:
Reset
Active:

Jobsplus – nefqa u investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa u investiment mill-Jobsplus f'taħriġ u għajnuna lil dawk li qed ifittxu impjieg jew li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom matul l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li n-nefqa u l-investiment mill-Jobsplus f'taħriġ u għajnuna lil dawk li qed ifittxu impjieg jew li jixtiequ jtejbu l-ħiliet tagħhom matul l-2016 kien ta’ €9,364,289.27 li jikkonsisti minn taħriġ (€227,851.17), inizjattivi favur persuni b’diżabilità (€1,284,876.24) u inizjattivi varji (€7,851,561.86).

Università u MCAST – għajnuna lill-istudenti waqt l-eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi jew titjieb fl-għajnuna li tingħata lill-istudenti waqt l-eżamijiet (access arrangements) tal-Università u l-MCAST matul din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Università ta’ Malta L-Università tagħmel arranġamenti differenti għall-istudenti skont id-diżabilità jew kundizzjoni tagħhom. Dawn l-arranġamenti ilhom isiru u jinstabu fil-ktejjeb: University of Malta Access Arrangements 2013 li jinstab fuq http://www.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0020/204419/accessbooklet2013.pdf L-arranġamenti jiġu deċiżi skont l-individwu u l-ispjegazzjoni li tiġi ċċertifikata mill-ispeċjalista dwar kif id-diżabilità taffettwa kif l-istudent jiffunzjoni fil-kuntest tal-Università. A. Għall-eżamijiet: · Il-maġġoranza tal-istudenti b’diżabilità jibbenefikaw minn ħin miżjud ( extra time). · Għal xi oħrajn ikun hemm arranġamenti minħabba l-kundizzjoni medika partikolari tagħhom eż. · l-istudenti bid-dijabete Type I jingħataw il-ħin biex ipatti għall-ħin li jkunu tilfu jekk ikollhom jiċċekjaw iz-zokkor fid-demm jew jieklu jew għax ikollhom hypo , · l-istudenti b’epilessija jibbenefikaw mill-ħin biex ipatti fil-każ li jkollhom aċċessjoni. jew ħin ta’ serħan fil-każ tal-istudenti b’diżabilità bħal- cerebral palsy jew lupus. · L-istudenti bl-ADHD jingħataw kumpens ta’ ħin biex jistrieħu ( supervised rest breaks ) minn ħin għal ħin. · L-istudenti bin-nuqqas ta’ vista jew għomja jingħataw word processor , software ta’ screen reader , kif ukoll ħin miżjud. · L-istudenti bid- dyspraxia wkoll jibbenefikaw mill- użu tal- word processor u ħin miżjud. · Oħrajn b’kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jingħataw kamra ta l-eżami bi ftit studenti , ħin biex jissetiljaw u ħin miżjud jekk ikunu fuq xi mediċini li jaffettwaw il-ħidma tagħhom. · Kull arranġament li jintalab jiġi kkunsidrat basta jkun relatat mad-diżabilità u ma jtellifx is-serjetà jew l-integrità tal-eżami. B. Għall-kors: · L-Università tagħmel ukoll arranġamenti biex l-istudenti b’diżabilità jaċċessaw il-kors tagħhom, partikolarment il- lectures . Dawn l-arranġamenti jiġu diskussi mal- lecturers individwalment. Xi studenti jibbenefikaw mill-estensjoni tal-kors fuq żmien itwal li b’hekk ikollhom ħin biżżejjed biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-istudji kif ukoll jkollhom ċans biżżejjed biex jippreżentaw l- assignments. MCAST In-numru ta’ studenti bi bżonnijiet partikolari li huma rreġistrati mal-Inclusive Education Unit fl-MCAST matul is-sena akkademika 2016-2017 huwa ta’ 826. Arranġamenti tipiċi waqt l-eżamijiet jinkludu, imma mhux biss, qarrejja, kittieba, prompters kif ukoll ħin addizzjonali. Matul l-ewwel simestru (Settembru – Frar) tressqu 1,657 rikjesta għal arranġamenti waqt l-eżamijiet. Dawn ġew kollha proċessati fil-ħin sabiex l-arranġamenti setgħu jingħataw. Din is-sena ġiet imsaħħa s-sistema ta’ kif jiġi rikjest is-sapport waqt l-eżamijiet partikolarment permezz ta’ titjib fil-kanali ta’ komunikazzjoni bejn id-diversi partijiet involuti kif ukoll immassimizzar tar-riżorsi attwalment disponibbli. L-MCAST ma jipprovdix biss sapport waqt l-eżamijiet iżda wkoll arranġamenti diversi matul is-sena li jgħinu lill-istudenti jilħqu l-miri tagħhom. Għaldaqstant, din is-sena saru diversi laqgħat fejn, bis-sehem tan-nies kollha involuti fl-edukazzjoni tal-istudenti konċernati, ġew imfassla programmi akkademiċi speċifiċi skond il-bżonnijiet u l-potenzjal ta’ studenti partikolari. Din il-ħidma qegħda tagħti opportunità ġdida lil studenti bi bżonnijiet partikolari sabiex jiżviluppaw il-ħiliet speċifiċi tagħhom minkejja d-diffikultà f’oqsma oħra tal-kurrikulu. Numru ta’ assistenti personali ġew ukoll assenjati mill-Kulleġġ sabiex jissapportjaw studenti bi bżonnijiet partikolari jew diżabilità.

Skejjel – klassijiet – investiment fuq teknoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investimenti kollha li saru rigward it-teknoloġija fil-klassijiet f'dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Information Management Unit - Schools li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll mill-Information Management Unit (IMU) tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li fl-2016 inxtraw: - 27 kopja ta’ StaffCover software għall-iskejjel mingħand October ReSolutions Ltd għall-ammont ta’ €11,503.82 inkluż il-vat; - IEP writer software għall-iskejjel kollha - negotiated procedure approvata mill-Ministeru għall-Finanzi (dirct order) ma’ Edukey Education Ltd Provision Map - valur stmat ta’ €80,000 (vat eskluż) fis-sena għal perjodu ta’ ħames (5) snin; - Talking Word Processor software – Write Online – Monpalao Trading Ltd - €120,000; - Talking Word Processor Age Appropriate software – Clicker 7 - Monpalao Trading Ltd - €120,000; - Create symbol-based communication and educational materials software – Board Maker - Monpalao Trading Ltd - €120,000.

Inizjattiva – My Journey/Il-Vjaġġ Tiegħi — rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-inizjattiva My Journey /Il-Vjaġġ Tiegħi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ippubblika ‘Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn toroq differenti’ fit-23 ta’ Novembru, ġie ffirmat Memorandum of Understanding b’rabta mat-taħriġ inizjali u dak kontinwu għall-għalliema bejn il-Ministeru, l-Università ta’ Malta, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-Istitut għall-Edukazzjoni, u Haaga Helia University of Applied Science. Tfasslu u saru 31 laqgħa ta’ informazzjoni għall-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Istat, l-Assistenti Kapijiet, il-Kapijiet tad-Dipartimenti, il-professjonisti fis-servizzi, u għall-ġenituri. Hemm ippjanati wkoll laqgħat għall-għalliema li ser ikunu integrati bħala parti mit-taħriġ u t-tħejjijiet tal-għalliema b’rabta mal-Qafas ta’ Ħiliet fit-Tagħlim (Learning Outcomes Framework). Qed isiru laqgħat bejn id-Dipartimenti u d-Direttorati b’rabta fost l-oħrajn ma’ programmi ta’ tagħlim u modi differenti ta’ assessjar, tħejjijiet meħtieġa fuq loġistika, riżorsi, u servizz nazzjonali marbut mal-karrieri.

Unit Għożża – persuni megħjuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-Unit Għożża u kemm-il persuna ġiet megħjuna b'dan is-servizz matul l-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Servizz Għożża huwa servizz fi ħdan id-Direttorat Għal Servizzi Edukattivi li joffri għajnuna u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u ’l-ġenituri tagħhom. Dan jintlaħaq permezz ta’ diversi programmi li jinkludu: 1. Programm speċifiku għat-tfajla tqila li jiltaqa’ tliet darbiet fil-ġimgħa. 2. Grupp ta’ sapport għat-tfajla omm u t-tarbija li jiltaqa’ darba fil-ġimgħa. 3. Programm ta’ appoġġ għall-ġenituri tal-ommijiet u missirijiet żgħażagħ. 4. Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-Iskejjel Sekondarji kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti. 5. Programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4. 6. Laqgħat ta’ Informazzjoni minn speċjalisti fil-qasam mediku, legali, edukattiv u soċjali. 7. Counselling għat-tfajla tqila/tfajla omm, il-partner u l-ġenituri tagħhom. 8. Żvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni li jirrifletti l-bżonnijiet tat-tfajla omm u tat-tarbija, flimkien ma’ professjonisti oħra. Dan jintlaħaq permezz ta’ networking ma’ entitajiet u aġenziji oħra fosthom, l-Aġenzija Appoġġ, Servizz Benniena, Parentcraft, LEAP u l-Fondazzjoni tal-President għat-Tisħiħ tas-Soċjetà. A. In-numru ta’ tfajliet tqal li ġew megħjuna matul l-2016 kien 52 kif muri hawn taħt: Età Nu ta’ Tfajliet Tqal 13 1 14 1 15 2 16 13 17 24 18 7 18+ 4 B. L-istatistika tal-Programmi ta’ Prevenzjoni tinġabar fuq bażi skolastika. Hawn taħt wieħed isib figuri ta’ studenti u ġenituri li attendew għall-programmi organizzati minn Servizz Għożża bejn l-2015-2016 u l-2016-2017 (Frar). Dawn il-programmi joffru tagħlim u informazzjoni dwar l-iżvilupp emozzjonali, fiżiku u psikoloġiku tal-adolexxenti kif ukoll jiddiskutu temi speċifiċi bħal relazzjonijiet u esperimentazzjoni sesswali fost l-adolexxenti. Programmi ta’ Prevenzjoni Skejjel tal-Istat – Numru ta’ studenti Skejjel tal-Knisja - Numru ta’ studenti Programm ta’ Prevenzjoni għas-subien tar-raba’ sena sekondarja 286 Programm ta’ Prevenzjoni għat-tfajliet tar-raba’ sena sekondarja 160 Programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tal-istudenti fl-ewwel sena skolastika 335 227 Programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tat-tfajliet tqal 11 Programm ta’ Prevenzjoni speċifiku (4 sezzjonijiet) *4 Programm ta’ Prevenzjoni għal studenti Post-Sekondarji 55 *Dan il-programm sar ma’ grupp ta’ studenti jattendu l-LSZ. B1. Sena 2016-2017 (Frar) Programmi ta’ Prevenzjoni Skejjel tal-Istat - Numru ta’ studenti Skejjel tal-Knisja - Numru ta’ studenti Programm ta’ Prevenzjoni għall-istudenti tat-tielet sena Sekondarja (Co-ed) 176 Programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tal-istudenti fl-ewwel sena ta’ skola Sekondarja 272 103 Programm ta’ Prevenzjoni għall-ġenituri tat-tfajliet tqal 5 Programm ta’ Prevenzjoni għall-istudenti Post-Sekondarji 100 Ċ. Sessjonijiet ta’ Counselling 2015-2016 89 Ċ1. Sessjonijiet ta’ Counselling 2016-2017 (Frar) 48 D. Sessjonijiet ta’ helping skills mill-għalliema tal-guidance 2015-2016 115 D1. Sessjonijiet ta’ helping skills mill-għalliema tal-guidance 2016-2017 (Frar) 44

Alternative Learning Programme — rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kif sejjer il-programm tal-Alternative Learning Programme (ALP) u x'tip ta' taħriġ qed jingħata din is-sena skolastika lil dawn iż-żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-programm tal-ALP ta’ din is-sena jidher li qed iħalli l-frott meħtieġ fejn l-istudenti qed jingħataw taħriġ vokazzjonali u applikat f’diversi suġġetti bħal Inġinerija, Servizzi jew ‘Performing Arts’. L-istudenti jingħataw ukoll tagħlim fis-suġġetti prinċipali bħal Matematika, Ingliż, Malti u ICT, kif ukoll fis-suġġetti l-oħra supplimentari. Din is-sena qed jattendu 154 studenti (co-ed), fejn qed jilħqu livell MQF 1 jew 2 fil-ħames sena tas-Sekondarja, filwaqt li għandna 24 student Post-Sekondarju fejn qed jistudjaw Welding & Fabrication jew Hospitality & Customer Care f’livell 3. L-għan huwa li dawn inħeġġuhom biex ikomplu jistudjaw l-MCAST jew l-ITS. Qed noffru wkoll is-servizz ta’ tagħlim fil-Matematika, Ingliż u Malti bħala preparazzjoni fil-MATSEC ‘O Level’ wara l-ħin tal-iskola bla ebda ħlas bejn it-2.45 u l-4.45 ta’ wara nofsinhar, għal dawk l-istudenti li wrew ix-xewqa li joqgħodu għal dawn l-eżamijiet. Jidher li dan il-programm qed iħalli l-benefiċċju meħtieġ għax l-attendenza ta’ dawn l-istudenti hija regolari u hemm l-involviment u l-koperazzjoni meħtieġa min-naħa tal-istudenti u tal-ġenituri tagħhom.

San Pawl il-Baħar – Skola Primarja — Klassi bla għalliem u eżami ta’ nofs is-sena

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 30498 u 30499, peress li jirriżulta li l-klassi inkwistjoni baqgħet mingħajr għalliema b'mod ripetut filwaqt li kelli konferma wkoll mingħand numru ta' ġenituri li l-karta tal-eżami kienet ta’ sena iżgħar, jista' l-Ministru jerġa' jindaga dwar kif l-fatti huma fil-verità? .

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għalliema tal-klassi daħlet lura għax-xogħol imma reġgħet falliet. Infurmat li qed jittieħdu l-passi kollha li jistgħu jittieħdu. Sadattant, l-istudenti mhumiex jitħallew bla lezzjonijiet għax dawn qed jipprovduhom għalliema oħra. L-istudenti tas-6.6, bħall-istudenti l-oħra tas-Sitt Sena se jingħataw karta li hija tal-Year 6.

Torri l-Aħmar – tindif u ġbir ta’ skart madwar iż-żona

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ammont ta' skart li hemm fiż-żona ta' madwar it-Torri l-Aħmar jinġabar u ż-żona titnaddaf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir ir-riċerka neċessarja mad-Dipartiment konċernat, sabiex jigi stabbilit jekk l-art hix proprjetà pubblika jew inkella privata.

Torri l-Abjad – skart mormi f’barriera

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm xi forma ta' permess mill-awtoritajiet biex jintrema skart f’barriera fl-akkwati tat-Torri l-Abjad (l-Armier) fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li mistennija jsiru jew jinbnew mill-ġdid fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar matul is-sena 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe xogħlijiet isiru skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – proġetti infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jindika liema proġetti infrastrutturali mistennija jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-2017?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari 30772.
Leg 12 PQ #30787 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tal-Artijiet – struttura amministrattiva

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar l-istruttura amministrattiva li qed tintu¿a biex titħaddem l-Awtorità tal-Artijiet? Kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-istess awtorità? Xi skali għandhom dawn l-istess ħaddiema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta il-Liġi tal-Awtorità ta’ l-Artijiet tidhol fis-sehh, l-istruttura amministrattiva tkun dik kif stipulata fil-liġi. In numru ta’ ħaddiema u l-iskali tagħhom jkun skont il-ħtiġijiet ta’ l-istess Awtorità.

Qrati ta’ Malta u Għawdex — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fil-qrati ta' Malta u Għawdex rispettivament? F'liema kategorija ta' xogħol (jew skala), fil-fatt huma impjegati dawn l-istess ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qrati tal-Ġustizzja (Malta) hemm 386 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm 30 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Armata – kontroll ta’ splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta’ kontroll qed tagħmel l-armata għal dak li jikkonċerna splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess armata jżżommx dan l-isplussiv taħt il-kontroll tagħha, u tikkontrolla wkoll l-ammont ta' splussiv li jinħareġ?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu u jindika ċar għall-liema tip ta’ splussiv qed jirreferi.

Pitkalija ta’ Ta Qali — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet huma mistennija li jsiru fil-Pitkalija ta’ Ta’ Qali u li għalihom hemm diġà permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA), u li huma mistennija li jinbdew din is-sena?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li xogħlijiet li mistennija jsiru fil-Pitkalija Ta'Qali jinkludu l-għoti ta' tarmac madwar il-perimetru u t-toroq ta' ġewwa l-Pitkalija. Is-sejħa għall-offerti diġa’ saret u x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Miżbla tal-Magħtab — irwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'livelli ta' rwejjaħ qed jiġu rrekordjati mill-ministeru għal dak li jikkonċerna l-miżbla tal-Magħtab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li s-siti tal-Wasteserv fiż-żona tal-Magħtab huma suġġetti għall-permessi ambjentali li jobbligaw lill-WasteServ Malta Ltd li żżomm Odour Monitoring Log regolari kemm fuq is-siti tagħha fil-Magħtab, kif ukoll fil-madwar immedjat. Dan il-Log jieħu inkonsiderazzjoni l-kundizzjonijiet atmosferiċi li jistgħu jagħmlu mpatt fuq l-intensita’ u t-tip ta’ riħa li tiġi ġġenerata mis-siti tal-WasteServ fil-lokalita’ tal-Magħtab. Ir-records ta’ Jannar 2017 jindikaw li filwaqt li kien hemm livell għoli ta’ riħa gol-kumpless tal-WasteServ innifsu, kif mistenni minħabba n-natura tal-operat li jsir fil-lok, ġie rreġistrat livell baxx ta’ riħa fiż-żona ta’ Triq il-Kosta, għajr għal okkażjoni waħda, filwaqt li ma ġiet irreġistrata l-ebda riħa fiż–żona ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet li jinħtieġu rapport/sottomissjonijiet mill-ERA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li għalihom kien meħtieġ rapport/sottomissjonijiet mill-Awtorita' tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), minn meta twaqqfu? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, u kemm ġew rifjutati? Fejn kienu l-każi li ġew approvati fejn jikkonċerna l-ERA u fejn kienu dawk li ġew rakkomandati għal refusal?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta — riċevimenti u festini - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa ta' Heritage Malta fir-rigward ta' riċevimenti u festini minn Marzu tal-2013 s'issa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-festini jew riċevimenti li saru u għal liema okkażżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nota: Id-data inkluza fit-tabella hija d-data tal-invoice, mhux tal-avveniment. Il-lista tal-avvenimenti ma tinkludix dawk pubblici li kienu jinkludu xi ikel izda dan kien inkluz fil-prezz.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Privat – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tinghata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurta Nazzjonali — Segretarjat Privat – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2015, 2016 u 2017. Matul is-sena 2014 ma kienx hemm spejjeż ta’ vvjaġġar.