Jista’ l-Ministru jgħid għas-snin 2012 u 2015, kemm kien id-dħul minn taxxi fuq konsum b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku u inizjattivi oħra bħar-roħs tad-dawl u ilma li b’riżultat ta’ hekk, il-familji qed jifdlilhom aktar flus biex jonfqu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Skont statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-taxxi fuq il-konsum fis-snin mitluba mill-Onor. Interpellant kienu €936.2 miljun (2012) u €1,188.5 miljun (2015).
Fiha nnifisha, din hi indikazzjoni ċara ta’ kemm f’dawn l-aħħar snin l-iżvilupp ekonomiku f’pajjizna qabad ritmu inkoraġġanti li qed iwassal għal livell ta’ għajxien aktar għoli għall-familji tagħna. Fl-istess ħin miżuri siewja li ħadna bħar-roħs fit-tariffi tad-dawl u ilma ħallew aktar flus u dħul disponibbli fi bwiet il-familji Maltin u dan għen ukoll biex kellna nefqa akbar fuq oġġetti ta’ konsum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment kapitali għas-snin bejn l-2010 u l-2015, sena b’sena? Kif kien l-andament tan-nefqa kapitali meta wieħed iqabbel is-snin 2010 sal-2012 ma’ dawk tas-snin 2013 sa 2015?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-investiment kapitali fis-snin li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kien kif jidher hawn taħt:
Total gross fixed capital formation €000
2010
2011
2012
2013
2014
2015
1,411,637
1,230,057
1,300,715
1,297,541
1,452,529
2,307,127
Dawn il-figuri jikkonfermaw it-tkabbir sostanzjali u inkoraġġanti fl-investiment li kellna f’dawn l-aħħar snin wara l-istaġnar u t-tnaqqis fil-livell ta’ investiment taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Biżżejjed ngħid li bejn l-2010 u l-2012 l-investiment totali ammonta għal €3.9 biljun waqt li bejn l-2013 u l-2015 l-investiment fil-pajjiż tela’ ghal €5.1 biljun, żieda ta’ 31%.
Ta’ min jgħid ukoll li l-investiment fl-2015 kien ammont record li laħaq l-aktar livell għoli li qatt ġie reġistrat f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-għajnuna/assistenza/finanzjament li ngħata kull club tal-football f’Malta u f’Għawdex fis-sena 2016? Għal kull każ, jista’ jgħid:
a) x’kienet l-għajnuna/assistenza/finanzjament; u
b) meta ngħatat l-għajnuna/assistenza/finanzjament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-clubs assistiti finanzjarjament fis-sena 2016 huma:
San Ġwann FC Nursery - €2,100 – Sports Tourism Scheme
Ħamrun Spartans FC - €1,200 – Sports Tourism Scheme
Ħamrun Spartans FC - €5,000 – Facility Investment Scheme
L-ammonti rispettivi dovuti għall-iskema tat-turiżmu sportiv ġew preżentati lill-clubs rispettivi waqt waħda mill-preżentazzjonijiet li jsiru matul is-sena, filwaqt li l-ammont relatat mal-Facility Investment Scheme se jkun qed jiġi preżentat fil-preżentazzjoni li se ssir fis-16 ta’ Frar, 2017.
B' referenza għad-diversi mistoqsijiet li ressaqt, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jitwaħħlu aktar CCTV Cameras, kemm se jitwaħħlu u f'liema lokalitajiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħidma dwar CCTV Camerasgħadha għaddejja, inkluż kemm u fejn se jitwaħħlu.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija jiġu nstallati CCTV cameras li ħabbar li se jiġu nstallati f'intervista li kellu mal-ġurnal Illum? Jista' jgħid kemm se jinstalla cameras, f'liema toroq u f'liema lokalitajiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa, għaddej il-proċess tal-għazla tas-supplier għall-installazzjoni tal-imsemmija sistema ta’ CCTV fil-lokalita’ tas-Swieqi, fejn madwar 18-il kamera ser jigu installati. Is-sistema ta’ CCTV ser tkun installata fl-iqsar żmien possibbli ġewwa toroq identifikati u maqbula flimkien mal- Kunsill Lokali tas-Swieqi kif ukoll mal-istess residenti.
Swieqi – klinika pubblika – servizzi ta’ kura primarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-futur hemmx pjanijiet biex joffri servizzi ta' kura primarja permezz ta' klinika pubblika ġewwa s-Swieqi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġewwa l-Kunsill Lokali tas-Swieqi hemm Berġa li tkun miftuħa nhar ta’Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa. Hawnhekk jingħata servizz ta’ tabib tal-familja u nfermiera u kif ukoll servizz ta’ Speech Language Pathologist. Din il-berġa ġiet devoluta ftit tax-xhur ilu mid-dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja lill-Kunsill Lokali tal-lokalita’.
Jista’ l-Ministru jara li l-parti ta’ Triq is-Sorijiet, Tarxien (quddiem l-ex club tar-Rainbows, qabel il-bieb tal-ġenb tal-Iskola tal-Immaculate Conception) tiġi asfaltata mill-iktar fis peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara għalfejn il-Pulizija li jieħdu stqarrijiet tas-suspettati qegħdin jesebixxu fil-Qorti tal-Maġistrati, sempliċi DVD tal-interrogatorju u mhux ukoll l-istqarrija traskritta bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ninsab infurmat li l-liġi u cioe Artiklu 658 tal-Kodiċi Kriminali, ma’ jagħmel l-ebda referenza li l-Pulizija li jieħdu stqarrijiet tas-suspettati, iridu jippreżentaw traskrizzjoni tal-istqarrija biex tiġi esebita` fil-Qorti tal-Maġistrati, barra milli jesebixxu DVD tal-interrrogatorju. Madankollu il-Magistrat jista’ jordna li ssir traskrizzjoni tad-DVD esebita` mill-prosekuzzjoni fil-kawża per se. Dan ifisser illi l-Pulizija qed tagħmel dak kollu li huwa mitlub fil-parametri tal-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabbli li ġudikant li jippresjedi Tribunal, u li allura suppost juri imparzjalità soġġettiva u oġġettiva, jikteb pubblikament fuq materji ta’ kontroversja politika u jattakka bil-miktub pubblikament lil ċertu politiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Jekk l-Onorevoli Membru jidhirlu li sehh xi aġir li jġib nuqqas ta’ apparenza ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza ta’ President ta’ xi Tribunal li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji huwa jista’, jekk irid, jagħmel ilment mal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tingħata l-istatus ta’ whistleblower skont il-liġi wara Marzu 2013, u jagħti d-data meta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l Ministru jgħid min hu t-tieni paediatric surgeon li ġie impjegat wara li l-Onor. Fearne ingħata kariga ta’ Segretarju Parlamentari u issa Ministru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l- Paediatric Surgeon li ġie impjegat wara li ingħatajt il-kariga ta’ Segretarju Parlamentari kien Mr. Choudry.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-jiem li għaddew minħabba li l-paediatric surgeon li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien bis-sick leave, l-isptar kien qed jiġi covered biss minn Senior Registrar (Peadiatric Surgery)?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-perjodu ndikat minnu l-isptar Mater Dei kellu Acting Consultant Paediatric Surgeon ieħor minbarra l-Consultant Paediatric Surgeon imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li nhar il-Ħadd 5 ta' Frar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, l-uniku Paediatric Surgeon li hemm Mater Dei kellu jiddaħħal mis-sick leave biex jopera, għax mhux vera hemm it-tieni Paediatric Surgeon?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-professjonist imsemmi minnu intalab jintervjeni għaliex f’dak il-każ partikolari kien jirrikjedi l-intervent speċifiku tiegħu.
Siġġiewi – esproprjazzjoni ta’ art għat-twessigħ ta’ triq
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28699 fejn il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wieġeb li "l-proċess biex isir it-twessigħ mitlub jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art mill-privat u l-ħlas ta’ kumpens", jista’ l-Ministru jerġa’ jara l-każ peress li l-għelieqi li qegħdin nirreferu għalihom huma proprjetà tal-Gvern u mhux tal-privat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28699 u għaldaqstant nirreferieh biex jagħmel din il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Persuni li għalqu l-75 sena – għotja ta’ €300 fis-sena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex dawk li għalqu 75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom ser ikollhom jistennew li jagħlqu s-76 sena biex jieħdu l-għotja ta’ €300 fis-sena meta fil-Baġit 2017 ingħad speċifikament li kull min jagħlaq il-75 sena u li għadu jgħix id-dar tiegħu ser ikun qed jieħu din l-għotja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hija żbaljata għaliex persuna li tagħlaq l-età ta’ 75 matul is-sena, titħallas pro-rata mid-data ta’ għeluq snin il-persuna sal-aħħar tas-sena.
Għal dan il-għan isiru diversi proċessi matul is-sena mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex kull min jagħlaq il-75 sena, jitħallas pro-rata sal-aħħar tas-sena.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, għal din is-sena diġà sar l-ewwel proċess u kull min kien intitolat għal din l-għotja tħallas fl-4 ta’ Frar. Il-proċess li jmiss se jsir ftit tal-ġimgħat oħra u proċessi oħrajn ikomplu isiru matul is-sena kollha.
Awtorità tad-Djar – applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar stħarrġitx l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien l-eżitu? Jekk le, jista’ jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien sabiex tkun ikkunsidrata din l-applikazzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnha qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali – każ ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jikkonferma li din l-applikazzjoni qed tingħata prijorità minħabba n-natura tal-każ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnha qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — uffiċjali, persons of trusts u konsulenti li siefru fuq impenji ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30357 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ uffiċjali, persons of trusts u konsulenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li siefru fuq impenji ta' xogħol, maqsuma bl-ammont ta’ ġranet li damu barra minn Malta, bil-kariga li huma jokkupaw, il-pajjiż fejn sar dan l-ivvjaġġar u jindika l-laqgħat li attendew għalihom, minn Marzu 2013 sa Diċembru 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lista bl-informazzjoni mitluba f'mistoqsija parlamentari 30357 tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 480.