Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #30592 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lands – sistema ta’ files li tinqaleb għal dik diġitali

Question

Peress li fil-budget intqal li s-sistema kurrenti ta’ files fil-Lands se tinqaleb għal waħda diġitali biex tassigura aktar effiċjenza u trasparenza fil-proċess amministrattiv, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se tiġi attwata din il-wegħda u x’vantaġġi se jkun fiha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #30593 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Valutazzjonijiet tal-proprjetà — standards

Question

Peress li fil-budget kien intqal li se jitfasslu standards dwar kif għandhom isiru l-valutazzjonijiet tal-proprjetà, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif u meta se jiġi attwat dan kollu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Transport Malta – Tariffa tal-Enforcement Officers

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li -l-Enforcement Officers ta’ Transport Malta li jintużaw biex jagħlqu t-toroq mill-kuntratturi u minn individwi, kellhom żieda fit-tariffa minn €14 għal €24 (VAT eskluża) mill-1 ta' Jannar 2017?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li Transport Malta rrevediet it-tariffa tal-Enforcement Officers tagħha. Dan minħabba numru ikbar ta’ xogħlijiet u talbiet għas-servizzi ta’ nfurzar, li kien jirrikjedi li Transport Malta żżid n-numru ta’ uffiċjali għal dan l-iskop, u dan ovjament kien ifisser żieda f’iktar spejjeż għall-Awtorita’. Ta’ min wieħed iżid li l-kuntratturi mhux obbligati li jużaw is-servizzi tal-uffiċjali ta' Transport Malta iżda jistgħu jużaw dawk tal-Gwardjani Lokali jew tal-Pulizija li r-rati tagħhom ivarjaw.

MCAST – Higher Diploma in Environment and Water Technology

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li l-kors ta’ Higher Diploma in Environment & Water Technology li jinsab fil-prospectus tal-MCAST, isir matul is-sena skolastika li jmiss peress li f'dawn l-aħħar tliet snin qatt ma sar, minkejja li kien qed jiġi reklamat u minkejja li kien hemm studenti interessati fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors Higher Diploma in Enviroment and Water Technology huwa programm bi ħlas fuq bażi part-time li jirrikjedi numru minimu ta’ għaxar (10) applikanti eliġibbli biex jiftaħ. Sfortunatament, sal-lum dan in-numru minimu qatt ma ġie milħuq meta dan il-programm ġie offrut. Ladarba n-numru jintlaħaq, il-programm ikun jista’ jiġi offrut lill-applikanti eliġibbli. Kors ieħor fl-istess qasam li jista’ jiġi kkunsidrat mill-applikanti huwa dak ta’ B.Sc. in Environmental Engineering li jiftaħ kull sena fuq bażi full-time.

Learning Support Assistants — rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' Learning Support Assistants (LSA) li hemm din is-sena skolastika fl-iskejjel? Jista jgħid dawn humiex shared jew full? Kif jikkompara dan in-numru ma' ħames snin ilu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Learning Support Assistants (LSA) li hemm din is-sena skolastika (2016/17) huwa ta’ 2273. Dawn huma maqsumin kif ġej: Numru ta’ LSAs li qegħdin ma’ studenti FT 1-1: 887 Numru ta’ LSAs li qegħdin ma’ studenti Shared jew Shared Same Class: 952 Numru ta’ LSAs li mhux qegħdin direttament allokati ma’ student partikolari: 258* Numru ta’ LSAs li qegħdin fuq xi tip ta’ leave (Maternity, Parental, etc): 174 Total: 2,273 *Dawn jinkludu: · LSAs li qegħdin iservu f’Nurture Groups u Learning Support Zones: 69 · LSAs li qegħdin fil-kulleġġi bħala relievers: 54 · LSAs li qegħdin assenjati ma’ gruppi fl-ALP, Gzira 16+ u Education Hub: 32 · LSAs li qegħdin assenjati ma’ gruppi fil-Learning Supp Centres u Resource Centres: 103 Infurmat li ħames snin ilu (2013) kien hemm 1,688 LSA, li minnhom 147 kienu fuq xi tip ta’ leave.

MCAST u Università ta’ Malta – korsijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' x'korsijiet ġodda qed jiġu offruti fl-MCAST u l-Università ta’ Malta f'din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-sena akkademika 2016-17 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi: Dok. A - korsijiet ġodda offruti mill-Università ta’ Malta Dok. B - korsijiet ġodda offruti mill-MCAST

Skema Get Qualified – intrapriżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Get Qualified f’dawn l-aħħar tliet snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2014 sa' Jannar 2017, il-Korporazzjoni rċiviet 3,815 il-applikazzjoni u sa’ issa 1,514 individwu ibbenifikaw mill-iskema.

Micro Invest — intrapriżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema Micro Invest, bejn is-sena 2014 u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-iskema tal-Micro Invest, mis-sena 2014 sa Jannar 2017, in-numru ta’ impriżi li bbenifkaw taħt din l-iskema kien ta’ 3,745.

Skema għall-konverżjoni għal-LPG- vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30397 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u ċioè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn vetturi li daħlu għall-iskema tal-Konverżjoni għal-LPG sa minn meta din bdiet topera?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 30398.
Leg 12 PQ #30750 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Organizzazzjonijiet volontarja — applikazzjonijiet mill-ħaddiema tas-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30392 u jgħid kemm applikazzjonijiet daħlu minn ħaddiema tas-Servizz Pubbliku biex jiġu seconded għal ma’ Organizzazzjoni Volontarja mill-2013 sal-lum? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa u kemm ġew irrifjutati skont il-Ministeri fejn saru l-applikazzjonijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Annessa tinsab l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li tikkonċerna impjegati li huma parti mid-dekasteru tiegħi. Tabella 2013 2014 2015 2016 Applikazzjonijiet approvati: 1 1 3 3 Applikazzjonijiet mhux approvati: 0 1 0 0 TOTAL 1 2 3 3
Leg 12 PQ #30774 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – proġetti infrastrutturali

Question

Jista' l-Prim Ministru jindika liema proġetti infrastrutturali mistennija jsiru fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-2017??

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Is-Siġġiewi – pulizija

Question

Fid-dawl tal-fatt li d-distrett li fih jinkludi s-Siġġiewi, fih l-inqas numru ta' pulizija, jista' l-Ministru jikkunsidra li j¿id il-pulizija fid-distrett, sabiex l-għassa tas-Siġġiewi tkun miftuħa iktar ta’ spiss?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi ninsab infurmat illi n-numru ta’ Pulizija fid-distretti, huwa bbażat skont l-esġenzi tas-servizz ta’ kull distrett partikolari. Tajjeb li wieħed isemmi, li l-Pulizija f’kull għassa, jkunu meħtieġa li barra li jkunu fl-għasses, jaqdu doveri oħra fil-lokalita` li jkunu jaħdmu fiha u dan jinkludi wkoll ronda fl-istess lokalita`. Madankollu mhux eskluż illi jiġi kkunsidrat li jkun hemm żieda fin-numru ta’ Pulizija, anke` fid-distrett illi jinkludi s-Siġġiewi, wara t-tmiem tar-reklutaġġ illi jmiss.

Jobsplus – dokumenti tal-identità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-uffiċini tal-Jobsplus ma jaċċettawx dokumenti tal-identità bħall-Passaport u l-Liċenzja tas-Sewqan sabiex jinġabru dokumenti uffiċjali, minkejja li dawn huma maħruġa minn awtoritajiet pubbliċi u huma rikonoxxuti internazzjonalment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li bħala prassi kull persuna li trid tirċievi xi servizz tal-Jobsplus, trid turi ċertifikat ta’ identifikazjoni li jindika wkoll ir-residenza f’pajjiżna. Fil-każ ta’ individwi Maltin, dawn iridu juru l-karta tal-identità, filwaqt li fil-każ ta’ individwi barranin, iridu jippreżentaw il-karta ta’ residenza maħruġa minn Identity Malta, jew fin-nuqqas tagħha l-passaport maħruġ minn pajjiżhom, flimkien ma’ dokument li juri r-residenza attwali tagħhom.

Advisory Board tal-fostering

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta li kien talab huwa stess waqt li kien għamel referenza għal diskors li sar minni fil-21 ta' Ottubru 2015 waqt seduta parlamentari b'rabta mal-ħidma tal-Advisory Board tal-fostering tlestietx? Jekk fil-fatt tlestiet, jista’ l-Ministru jpoġġi r-rapport ta' din l-istess inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 12 PQ #30798 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Credit Rating għoli — benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’benefiċċji niksbu bħala pajjiż kif ukoll x’benefiċċji tikseb l-ekonomija tagħna, meta aġenziji internazzjonali ta’ credit rating konsistentement jgħollu r-rating li jagħtu lil Malta, kif ġara dan l-aħħar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Infakkar lill-Onor. Interpellant fil-kisbiet li għamilna f’dawn l-aħħar xhur meta l-aqwa tlett aġenziji internazzjonali ta’ credit rating tawna l-isbaħ ċertifikat ta’ kemm l-ekonomija tagħna mxiet ’il quddiem mill-2013 sal-lum. Kellna lil Standard & Poor’s li f’Awwissu 2016 għolliet il-long term credit rating tagħna minn BBB+ għal A- u bassret li l-ekonomija se tkompli tikber b’rata medja ta’ 3% fis-sena sal-2019. Kellna lil Fitch li f’Awwissu 2016 ikkonfermat ir-rating A ta’ Malta waqt li fil-previżjonijiet tagħha tellgħatna minn pajjiz “stabbli” għal wieħed “pożittiv”. Kellna wkoll lil Moody’s li f’Settembru 2016 ikkonfermat ir-rating A3 u kemm il-prospetti ta’ pajjizna huma stabbli. Meta aġenziji ta’ credit rating b’mod konsistenti jtejjbu r-rating ta’ pajjizna bil-mod li semmejt hawn fuq, dan ikompli jgħin sew biex Malta jsir pajjiz aktar kredibbli u attrajenti għall-investiment. Barra minn hekk, titjib fir-rating ta’ pajjizna jgħin ukoll biex tkun tista’ titħaddem pulitika aktar vantaġġjuża dwar is-self tal-gvern.
Leg 12 PQ #30799 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – rendikont ta’ files — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-files li se jkun qed isir xogħol fuqhom, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub jinsab fil-programm tal-Presidenza għall-Kunsill tal-Ecofin u li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #30800 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Attitudni Pro Business – impatt fuq l-ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jfisser il-mod kif l-attitudni pro business tal-Gvern qed tħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija tagħna?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Mill-ewwel jiem tagħha din l-amministrazzjoni wriet impenn qawwi favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkattir tal-ġid permezz ta’ attitudni pro business li biha nħajjru u niffaċilitaw investiment serju bis-saħħa ta’ mizuri pozittivi li jikkontribwixxu lejn l-izvilupp tal-ekonomija tagħna. Il-promozzjoni kontinwa ta’ pajjizna bħala ċentru li jilqa’ l-investiment jibqa’ dejjem għan ewlieni wara din l-attitudni. F’dan is-sens aspett importanti hu li nkomplu nsaħħu bla heda l-kompetittività internazzjonali tagħna fil-qasam tal-investiment flimkien mal-mod professjonali u serju u d-determinazzjoni li nuru fl-evalwazzjoni ta’ proposti għall-investiment f’pajjizna u l-ħeffa li biha nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Nafu sew kemm min ikun qed jikkunsidra li jinvesti f’Malta japprezza din l-attitudni pro-attiva li permezz tagħha nixprunaw u nħaffu l-pass tal-investiment waqt li nwittu t-triq u ngħinu lil dawk l-investituri li jressqu proposti li jkunu feasible u jħallu return ġust waqt li jżidu l-attività ekonomika fil-pajjiż. It-tnaqqis tal-burokrazija, is-simplifikazzjoni, it-tħaddim ta’ politika favur intraprizi zgħar u medji u inkuraġġiment lin-negozji tal-familja wkoll għandhom sehem importanti fl-attitudni pro business tagħna. Fl-istess hin din l-attitudni qed nikkumplimentawha b’investimenti qawwija f’oqsma bħalma huma l-enerġija u toroq kif ukoll fl-edukazzjoni u taħriġ biex min irid jinvesti f’pajjizna jsib madwaru ambjent li tassew jippromwovi, jħajjar u jistimola l-investiment. Dan l-impenn favur inkuraġġiment pozittiv lil investiment serju kellu, u se jkompli jagħti, sehem qawwi biex nattiraw aktar investiment ġdid minn diversi pajjiżi kif ġa għamilna f’dawn l-aħħar erba’ snin f’oqsma bħall-edukazzjoni, turizmu mediku, hub reġjonali, manifattura u setturi oħra li flimkien jikkontribiwxxu lejn il-ħolqien ta’ aktar ġid permezz ta’ valur mizjud qawwi u xogħol u impiegi għal mijiet kbar ta’ ħaddiema tagħna.
Leg 12 PQ #30801 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Ħlas ta’ kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali

Question

B’referenza għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjieg tul dawn l-aħħar snin, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-kontribut li l-impjegati ħallsu bħala kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali u kemm tħallset taxxa fuq ħlas ta’ salarji u fuq il-profitti minn attività ekonomika, għas-snin 2012 u 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, miġbur mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jidher hawn taħt: €000 2012 2015 Kontribuzzjonijiet minn impjegati għas-sigurtà soċjali 224,623 270,398 Taxxa fuq salarji 472,493 595,643 Taxxa fuq profitti minn attività ekonomika 420,671 586,365