Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30513 jgħid kemm kien in-numru ta' nisa li għamlu rapport f’xi Għassa tal-Pulizija jew f'xi sezzjoni oħra tal-Korp tal-Pulizija dwar vjolenza domestika fil-konfront tagħhom bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016 u kemm minn dawn ir-rapporti mexxiet bil-qorti l-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-informazzjoni kif mitluba qatt ma nżammet f’forma ta’ data elettronika, mhux possibli li din tingħata.
Tfal u Żgħażagħ – rapporti dwar vjolenza domestika
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30514 u jgħid kemm kien hemm tfal u żgħażagħ ta' taħt l-età li għamlu rapport f’xi Għassa tal-Pulizija jew f'xi sezzjoni oħra tal-Korp tal-Pulizija dwar vjolenza domestika fil-konfront tagħhom bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016 u kemm minn dawn ir-rapporti mexxiet bil-qorti l-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-informazzjoni kif mitluba qatt ma nżammet f’forma ta’ data elettronika, mhux possibli li din tingħata.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – pazjenti miġjuba Malta bil-helicopter
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ġie trasportat bil-helicopter mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal Malta u viċi versa fis-snin 2013, 2014, 2015, u 2016 sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' pazjenti li ġew trasportati bil-helicopter mill-isptar Ġenerali t’Għawdex għal-Malta, bejn l-2011 u s-sena l-oħra kien ta’ 190.
Sptar Mater Dei – pazjenti ta’ nazzjonalità barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-pazjenti li għamlu użu mill-Isptar Mater Dei fl-2013, 2014, 2015 u 2016 kienu ta’ nazzjonalità barranija? Kemm minn dawn welldu f’kull sena? Kemm minn dawn għamlu operazzjonijiet? Kemm minn dawn għamlu użu mill-outpatients? Kemm minn dawn għamlu użu mill-Emerġenza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt:
Medja ta’ barranin li, fl-isptar Mater Dei:
bejn l-2013 u l-2015
Welldu :
585
Għamlu Operazzjonijiet:
2,748
Għamlu użu mill-
Outpatients
:
24,040
Għamlu użu mill-Emerġenza:
17,078
Dipartiment tad-Dermatoloġija – pazjenti li marru l-outpatients
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti żaru l-outpatients tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija f’Malta fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016, sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja fis-sena ta’ kemm pazjenti żaru d-Dipartiment tad-Dermatoloġija f’Malta bejn l-2014 u l-2016 kienet ta’ 36,253.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-settur pubbliku li skada f'Diċembru 2016? Jista’ jgħid jekk dan il-ftehim kollettiv hux se jindirizza l-problema ta' pagi baxxi li qed jaffaċċjaw ħaddiema li qegħdin fi skali 15, 16, 17, 18, 19, u 20 li bejn wieħed u ieħor, pereżempju persuna li qiegħda bħala skrivana fi grad 16 qed tispiċċa b'paga ta' madwar €900 nett fix-xahar meta wieħed jaqta' l-bolla u taxxa, u skirvani fi gradi inqas qed jispiċċa b'madwar €800 fix-xahar biss, u ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta' kuljum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iffirmar tal-ftehim indikat mill-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-settur pubbliku li skada f'Diċembru 2016? Tista’ tgħid jekk dan il-ftehim kollettiv hux se jindirizza l-problema ta' pagi baxxi li qed jaffaċċjaw ħaddiema li qegħdin fi skali 15, 16, 17, 18, 19, u 20 li bejn wieħed u ieħor, pereżempju persuna li qiegħda bħala skrivana fi grad 16 qed tispiċċa b'paga ta' madwar €900 nett fix-xahar meta wieħed jaqta' l-bolla u taxxa, u skirvani fi gradi inqas qed jispiċċa b'madwar €800 fix-xahar biss, u ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta' kuljum?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Iż-Żurrieq – proċess biex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30636 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħarraf lil din il-Kamra jekk matul din is-sena hux se jseħħ il-proċess sabiex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza fiż-Żurrieq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li hu kemm -il darba ssuġġerixa tali proposta kemm f'din il-leġislatura u kemm f'leġislaturi precedenti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex isir dan ix-xogħol trid tiġi espropjata residenza abbitabbli u li tali proċess jmur ‘l hinn mir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali skont l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30789, billi ma nafx x'tip ta' speċifiċità qed jagħmel referenza għaliha, u billi safejn naf jien l-Armata tikkontrolla l-isplussiv li jiġi impurtat biex jintuża mill-kmamar tan-nar (fost l-oħrajn), jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30789 u jagħti tagħrif dwar x'tip ta’ kontroll qed tagħmel l-Armata għal dak li jikkonċerna splussiv li jiġi impurtat għall-użu privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess Armata żżommx dan l-isplussiv taħt il-kontroll tagħha u tikkontrolla wkoll l-ammont ta' splussiv li jinħareġ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li għall-materjal speċifikat fil-mistoqsija, cioe li jintuża fil-kmamar tan-nar, jiġi mpurtat diversi explosive precursors. Dawn m’humiex splussiv imma precursors. Jinħażnu l-Mosta tnejn minnhom biss, jiġifieri Potassium Chlorate u Potassium Nitrate. Importatur ta’ dan il-materjal irid ikollu liċenzja ta' importazzjoni. Meta kontejner mimli bil-materjal jasal il-Fortizza tal-Mosta, jiġi assigurat li s-siġill tal-kontejner għadu intatt. Il-kontejner jinżamm ġewwa l-Ammo Depot taħt is-sigurta` tal-Forzi Armati ta’ Malta sakemm ikun imbattal fl-imħazen tal-fortizza fil-preżenza tal-importatur. Dan kollu jiġi rreġistrat fuq reġistru li jinżamm mill-FAM. Dan il-materjal jiġi maħżun fil-Fortizza tal-Mosta li huma mgħassa mill-FAM. Kull kumpless fejn jinħadem il-logħob tan-nar għandu kwota fis-sena kif stipulat fil-liġi. Il-FAM tassigura li din il-kwota ma tinqabiżx.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30790, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xogħol strutturali fuq it-tined tal-istess Pitkalija, u faċilitajiet oħra fl-istess Pitkalija? X’kien ix-xogħol li sar f'dan il-post minn Marzu 2013 sal-lum, u kemm sewa, f'kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li matul din is-sena ser isiru xogħlijiet fuq it-tined tal-pitkalija u għal dan il-għan, bħalissa qed tigi ppreparata s-sejħa għall-offerti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni ta’ proġetti lesti u oħrajn li hemm ippjanati għal din is-sena.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, rigward membrane tas-saqaf ta’ flat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn informazzjoni li għandha l-Awtorità tad-Djar l-inkwilin imsemmi kien xtara l-appartament fl-1993 u għaldaqstant huwa responsabbli biex jagħmel it-tiswijiet neċessarji fl-appartament li huwa proprjeta tiegħu stess.
Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30655 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30221, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jinsisti li jsiru l-audited financial statements tal-Manucca Child Day Care Centre?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Manuċċa Child Day Centre hu mmexxi miż-Żejtun Community Foundation. Din il-fondazzjoni li hija rreġistrata mall-Kummissarju tal-Volontarjat bagħtet lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-kontijiet annwali tagħha li jaqgħu fit-tieni kategorija, ċċertifikati minn accountant pubbliku skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 492.01 tal-liġijiet ta’ Malta li jkopru sal-31 ta’ Diċembru 2015.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30756, liema mistoqsija kienet tirreferi għal żewġ grounds tal-football, dak ta' ħdejn l-iskola sekondarja tar-Rabat Għawdex u l-ieħor ta' ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija u fit-tweġiba saret referenza biss għal ground ta' ħdejn l-iskola sekonkarja tar-Rabat, jista' l-Ministru jgħid x-inhi r-raġuni li wara li dawk li jkun jridu jużaw il-ground ta' ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija jħallsu għall-ispejjeż tad-dawl qed tinxtgħel naħa waħda b biss tal-istess ground?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-grawnd li hemm ġewwa l-iskola Primarja tax-Xewkija, il-klabb tax-Xewkija Tigers F.C. ma jagħmel ebda ħlas però għandu obbligazzjonijiet dwar manutenzjoni tal-grawnd u l-madwar tiegħu. Il-grawnd ta’ ħdejn l-iskola mhux responsabbiltà tal-iskola.
Estimi finanzjarji għas-sena 2017 — Vote 47 Recurrent Item 5896 (Gozo Private-Public Hospital) – proġett ta’ Barts Medical School
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30751 fejn fit-tweġiba tagħha intqal li l-€1.2 miljun, ivvotati taħt il-Vote 47 Recurrent Item 5896 (Gozo Private Public Hospital) fl-Estimi Finanzjari għas-sena 2017, se jintużaw għall-proġett ta’ Barts Medical School, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-iskola hix se tinbena mill-Gvern jew minn VGH?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Barts Medical School ser tinbena minn VGH.
B'referenza għall-Estimi Finanzjarji għas-sena 2017, Vote 47 Recurrent Item 5896 (Gozo Private-Public Hospital), għal liema vot hemm ivvotati €1.2 miljun, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra u jispjega x'inhi r-raġuni li fl-Estimi Finanzjarji dawn il-finanzi huma indikati li se jintużaw għal-Gozo Private-Public Hospital mentri fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentali 30751 ġejt infurmat li l-ammont imsemmi se ikun qed jintuża għall-proġett ta' Barts Medical School?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta' Barts Medical School huwa b'mod dirett marbut mal-Gozo Private-Public Hospital u parti integrali minn dan il-proġett.
Awtorità tad-Djar – problema ta’ dħul ta’ ilma minn saqaf – każ ta’ individwu
Question
Jista l-Ministru jara li min-naħa tal-Awtorità tad-Djar jigi vverifikat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar problema ta’ ilma li dieħel fis-saqaf?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità tad-Djar biex jivverifikaw l-ilment dwar il-ħsarat imsemmija fuq il-bejt.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Family Resource Centres li huma pprovduti mis-servizz tas-Social Work Intervention tal-Aġenzija Appoġġ? X’servizzi oħra toffri l-Aġenzija Appoġġ lill-klijenti ta’ dawn iċ-Ċentri? X’għandu jagħmel wieħed biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-sevizz ta’ social work fil-kommunità offrut mill-Aġenzija Appoġġ qed ikun provdut miċ-Ċentri tal-LEAP tal-Qawra, Kottonera, Msida u Valletta.
Dawn is-servizzi fil-kommunità għandhom l-għan li jkunu dejjem aktar aċċessibbli u jindirizzaw b’mod immedjat il-bżonnijiet soċjali tal-persuni u tal-familji li jirrikorru għal tali servizz.
Kull min għandu ħtieġa u jixtieq servizz ta’ social work kulma għandu jagħmel hu li jmur sa wieħed miċ-Ċentri tal-LEAP u jiġi ggwidat għall-għajnuna jew servizz meħtieġ. Hu ppjanat ukoll li dan is-servizz ta’ social work jiġi estiż ukoll għaċ-ċentri l-oħra tal-LEAP meta jkun hemm biżżejjed social workers.