Legislature:
Category:
Reset
Active:

Part-timers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu part-time illum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ibbazata fuq l-engagement u t-termination forms li jintbagħtu mill-employers skond il-Legal Notice 110 dwar 'manpower records', sa l-aħħar ta' April 2007, kien hemm 44,811-il persuna li jaħdmu xogħol part time. minn dawn 25,066 persuna, il-part time huwa x-xogħol prinċipali tagħhom filwaqt li 19,745 persuna kellhom xogħol part time barra x-xogħol prinċipali tagħhom.

Sexual Harrassment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' sexual harrassment ġo ċentri edukattivi post sekondarji din is-sena? F'liema istituzzjonijiet saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma ġie rrapurtat l-ebda kaz ta' sexual harassment ġewwa ċentri edukattivi post-sekondarji.

Tkeċċija ta' Impjegati taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' mpjegati taċ-Ċivil li tkeċċew din is-sena u għaliex? Fejn kienu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi s’issa din is-sena kien hemm sebgħa uffiċjali pubbliċi li tkeċċew mis-Servizz Pubbliku. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

PSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każi quddiem il-PSC llum u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm għaxar każijiet ta’ dixxiplina quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi għaliex dawn il-każijiet tad-dixxiplina għadhom quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jistgħu jsiru arranġamenti biex ikun hemm pulizija fil-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-jum ta' l-iskola privata li hemm f'Ant. Schembri Str, Kappara minħabba li ħafna nies qegħdin jipparkjaw bl-addoċċ u spiss jagħmluha diffiċli biex wieħed jidħol jew joħroġ mill-garage tiegħu? Apparti minn hekk qed ikun hemm spiss double parking f'dawn il-ħinijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija, il-Kunsill Lokali u d-diriġenti ta' l-iskola privata li hemm fi Triq Antonio Schembri il-Kappara jinsabu f'taħdidiet sabiex tiġi tittaffa l-problema kkawżata mill-influss ta' vetturi li jkun hemm fl-akwati ta' din l-iskola fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti.

Kunċerti mużikali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27375 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u issa ġiet riferuta lilu, ċioe': Minħabba n-numru dejjem jikber ta' kunċerti mużikali tal-massa li qed jiġu organizzati f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-ħarsien tal-health and safety regulations waqt dawn il-kunċerti kif ukoll jgħid jekk dawn ir-regolamenti humiex imniżżlin b'mod speċifiku f'xi legal notice, liġi jew regolament ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fejn ikun meħtieġ permess tal-Pulizija għal xi attivita' tal-massa, bħal per eżempju xi party jew disco, waqt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni, il-Pulizija tikkonsulta, fost oħrajn, kemm mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, id-Dipartiment tas-Saħħa, kif ukoll ma' l-Awtorita' għas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Meta l-permess imbagħad jinħareġ, dan ikun taħt diversi kondizzjonijiet, fosthom il-kondizzjonijiet li dawn id-Dipartimenti jirraddomandaw. Hemm ukoll il-Bord ta' Sorveljanza għas-Saħħa u għall-Ħarsien tal-Bon Ordni f'lokalitajiet ta' divertiment kif previst fir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment.

Żjara fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27386 u jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Delegazzjoni fl-Awstralja

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27385 u jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Gżira — Gżira Road - Għarar

Question

Minħabba l-problemi ta' l-għarar li ilhom jolqtu lir-residenti ta' Gżira Road, Gżira wara kull maltempata, jista' l-Ministru jgħid wara l-ispezzjonijiet li saru on site mill-kunsill lokali u minn uffiċjali tad-dipartiment, x'passi mistennija jittieħdu biex jindirizzaw b'mod konkret din il-problema? X'options qed jikkunsidra l-gvern bħala soluzzjoni mingħajr il-bżonn li dawn il-miżuri u/jew pjani ta' azzjoni jibqgħu fuq l-ixkaffa, sakemm jiżviluppa l-proġett ta' Manoel Island?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24184, u ninfurmak li l-permessi għax-xogħlijiet neċessarji għadhom ma ġewx approvati mill-MEPA.

Gżira — Karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi beħsiebha tieħu l-ADT dwar il-karozzi EAD898 u IAG312 li ilhom mitluqa fi Gżira Road, Gżira għal xhur sħaħ b'liċenzja li ilha skaduta s-snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li waħda mill-vetturi msemmija ġiet imneħħija, filwaqt li l-oħra hija liċenzjata.

Birgu — Lift ma jaħdimx

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli jibda jaħdem il-lift li gie nstallat bosta ġimgħat ilu fi blokk flats, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, imma għadu qatt ma ħadem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant għad ma jistax jintuża għax għad jonqos diversi xogħlijiet xi jsiru mill-kuntrattur qabel ma l-lift jiġi ċertifikat mill-konsultent ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. L-Awtorita’ ma tgħaddix lift lir-residenti qablel ma tkun ċerta li jkun ġie stallat skond ir-regolamenti u li jkun mingħajr difetti jew periklu. Ninab infurmata wkoll li l-Awtorita’ qegħda tagħmel l-almu tagħha possibbli biex il-kuntrattur ilesti x-xogħlijiet pendenti mill-aktar fis biex il- lift ikun jista’ jiġi ċertifikat u jibda jintuża mir-residenti.

Persuni b'diżabilita' — NGO's

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li NGO waħda biss minn dawk li jaħdmu fil-qasam ta’ persuni b’diżabilita` qed tiġi mgħejjuna mill-istat mill-vot allokat għall-inklużjoni? Hemm ħsieb li NGOs oħra wkoll jingħataw għajnuna mill-istat ġaladarba qed joffru servizz lil studenti b’diżabilita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja qed tiġi konsidrata.

Mewta ta' student — Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġara mir-rapport tas-Sur Paul Attard u Dr Mark Gauci li kien sar wara l-mewta traġika ta’ student fi skola ġewwa Santa Venera? Jista’ jgħid x’rakkmandazzjonijiet ġew implimentati minnu u meta?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja hi suġġett ta' proċeduri fil-Qorti.

Separazzjonijiet — Manteniment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet ta' missirijiet li telqu mid-dar minħabba li sseparaw (jew għal xi raguni oħra) u huma obbligati li jagħtu manteniment tat-tfal lil ex-mara tagħhom u mhux qegħdin jobdu d-deċiżjoni tal-Qorti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Tfal bi bżonnijiet speċjali — Skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn skejjel għal tfal bi bżonnijiet speċjali u kemm hemm klassijiet f'kull waħda minn dawn l-iskejjel? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jattendu studenti fihom separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hawn 6 Skejjel Speċjali. Helen Keller, San Miguel, Guardian Angel u Dun Manwel Attard li huma fin-Network u t-tnejn l-oħra huma Mater Dei School u St Patrick's Crafts Centre. Informat ukoll li n-numru ta' klassijiet u ta' studenti huwa hekk :- Skola Numru ta' klassijiet Numru ta' Studenti Helen Keller 5 25 San Miguel 6 47 Guardian Angel 11 97 Dun Manwel Attard 7 54 Mater Dei School 4 24 St Patrick's Crafts Centre. 4 38.

Hamrun — Lift ta' skola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-lifts ta’ l-iskola Dun Guzepp Zammit Brighella, Hamrun ta’ spiss ikunu bil-ħsara minkejja li saru ftit tax-xhur ilu? Jista' jgħid jekk meta tlesta x-xogħol ġiex iċċertifikat li x-xogħol sar tajjeb u ma kienx fih difetti? Kemm ġew iqumu flus dawn il-lifts u min kien il-kuntrattur li għamilhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewg lifts f’din l-iskola ġew kommissjonati u ċertifkati mill-Inginier konċernat fil-23 ta’ Marzu, 2004, aktar minn tliet snin ilu. Informat ukoll li l-problemi li ġew rapporti ġew solvuti. Ix-xogħol sar permezz ta’ tender mill-kuntrattur Elmain Ltd. u ġie jiswa LM 18,030.22.

Attard — Bus Shelter

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21313 tal-25 ta' Ottubru, 2006 jista' l-Ministru jgħid kif bus shelter li l-ADT kienet kommessa li twaħħal f'Mdina Road, H'Attard, illum sena wara għadha ma twaħħlitx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li kif diġa ingħatat tweġiba f’ mistoqsija parlamentari numru 27301, dan il-bus shelter għadu ma twaħħalx minħabba li l-permess għal dan il-Bus Shelter għadu ma ġiex approvat mill-MEPA. Jien infurmat ukoll li minħabba l-fatt li l-proċess qed jieħu fit-tul, u wara li saru diversi ilmenti kemm minn individwi, kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’ Attard, l-ADT ser twaħħal Bus Shelter temporanju sabiex jinqdew ir-residenti tal-lokal.