Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdil ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir x-xogħol ta' bdil ta' saqaf tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li qalulhom li se jsir u għadu ma sarx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu programmat li jsir kmieni s-sena d-dieħla.

Raħal Ġdid — Wied Blandun

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'Wied Blandun, Raħal Ġdid/Fgura x'tip ta' żvilupp qiegħed isir? Jekk hemmx permessi għal xi tip ta' bini? Jekk iva, x'tip huwa? X'inhu l-pjan tal-gvern għal Wied Blandun, Raħal Ġdid/Fgura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini dettalji biżżejjed biex inkun nista’ nifhem għal xiex qiegħed jirreferi.

Lights ta' zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li l-lights ta' zebra crossing fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid in-naħa t'isfel, jinxtegħlu peress li dawn ilhom bil-ħsara għal dawn l-aħħar xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li n-nies tal-MSD (garage tal-Gvern tal-Marsa) jduru dawn id-dwal darbtejn fil-gimgħa. Bħalissa dawn qed jaħdmu u huwa diffiċli ħafna li ħsarat jdumu ma jissewwew x-xhur.

Sigurta' Soċjali — Arretrati

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni jekk anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux se jieħu arretrati ta' flus nieqsa tul is-snin? Jista' jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Ufficcju Distrettwali tad-dipartiment tas-Sigurta’ Socjali tal-lokalita taghha biex tinghata l-informazzjoni u l-ghajnuna mehtiega.

Siggiewi — Triq Dun Manwel Zammit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi tnaddfitx wara li far id-drenaġġ nhar il-Ħadd 14 ta' Ottubru, 2007 u daħal saħansitra f'xi basements ta' djar? Jista' jgħid x'se jsir biex jiġi assigurat li din is-sitwazzjoni ma tirrepetix ruħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li nhar il-Ħadd l-14 t’ Ottubru, id-drenaġġ far fi Triq Dun Manwel Zammit, Siggiewi, il-mejn tat-triq kollha tnaddaf nhar it-Tlieta 16 t’Ottubru u minnu ittellgħet ġebla kbira. Is-sitwazzjoni issa ġiet lura għan-normal.

Income ta' Persuni

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27988 u jagħti informazzjoni dwar id-dħul (income) ta' persuni għas-snin 2005 u 2006 f'dawn il-kategoriji: Persuni single; persuni miżżewġa pero' li jiddikjaraw joint declaration u miżżewġa li jiddikjaraw separate declaration u dan f'income brackets segwenti cioe Minn 0 sa Lm 4,500 Lm 4,500 sa Lm 6,000 Lm 8,000 sa Lm 10,000 Lm 10,000 sa Lm 12,000 Lm 12,000 'il fuq. Kemm kien id-dħul totali ta' taxxa (income tax) mill-kategoriji ta' persuni fuq indikati għall-istess perijodu 2005 u 2006? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm dħul income tax revenue minn dawn il-kategoriji ta' taxpayers għas-snin 2006 u 2007 għal A) banek u B) partnerships u limited liability companies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dħul (income) u taxxa (income tax) għas-sena 2005 mill-kategoriji msemmija kien kif muri f’tabella 1 mehmuża. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni għadu għaddej bix-xogħol fuq is-sena 200t u għalhekk għalissa mhux qiegħed f’pożizzjoni li jagħti l-figuri kompleti. Id-dħul ta’ income tax għas-snin 2006 u 2007 sas-16 ta’ Ottubru 2007 għal kategoriji msemmija huma kif murija f’tabella 2. Noti i) L-ammonti ta’ taxxa huma ta’ pagamenti li saru fil-lira Maltija biss. ii) Pagamenti ta’ ‘partnerships’ jiġu allokati fuq diversi individwi li jkunu jiffurmaw il-‘partnership’.

Malta Shipbuilding — Timber Carriers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 25439 u jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm xi żvilupp fuq il-flus dovuti msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5564 tas-6.05.04?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 25439.

Ramla l-Ħamra — Materjal pubbliċitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset il-MEPA biex għamlet ir-riklami (fuq gazzetti lokali kollha inkluż fuljett separat stampat bil-kulur f'The Sunday Times, u fuq websites lokali fost mezzi oħrajn) dwar il-permessi li ħarġet għar-Ramla l-Ħamra PA 07902/05 u PA 05138/02? Kif inqasmu dawn ir-riklami lill-kumpaniji differenti? Kemm tħallset il-kumpanija/i li ppreparat il-materjal (ritratti, disinn ta' riklami, preparazzjoni ta' materjal għall-internet) għal dan il-materjal publiċitarju? Kemm kien hemm impjegati tal-MEPA li ħadmu fuq dan il-materjal pubbliċitarju, u biex jiktbu ittri lill-ġurnali u ittri f'websites dwar dan il-permess? Kemm-il siegħa ta' xogħol iddedikaw biex ħadmu fuq dan il-materjal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħallset LM 881.46 (€2,053.25) biex għamlet link minn fuq żewġ websajts għall-websajt ta' l- l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dawn il-links kienu f’għamla ta’ banners fuq il-websajt www.di-ve.com u www.timesofmalta.com. Skond l-istħarriġ tal-MEDIAWAREHOUSE, apparti il-websajt www.gov.mt, dawn iż-żewġ portals igawdu l-akbar għarfien fost il-pubbliku. Dan kien il-kriterju li fuqu kienet ibbażata l-għażla. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma għamlet l-ebda reklamar ieħor konness ma' dan is-suġġett. Ix-xogħol kollu konness mad-disinn, ritratti, tħejjija ta’ materjal fuq l-internet, ittri u artikli sar miż-żewġ uffiċjali fl-Uffiċċu għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Peress li dan huwa x-xogħol tagħhom, wieħed ma jistax jikkwantifika kemm-il siegħa kienet iddedikata għal dan ix-xogħol għax dan sar flimkien ma' xogħol iehor.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed jitħallas il-kuntrattur li qed jopera l-kuntratt tas-sigurta' fl-Isptar Mater Dei ras għal ras kull siegħa servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Kuntrattur li qed jopera l-kuntratt tas-sigurtà fl-Isptar Mater Dei qed jitħallas Lm2.35+VAT kull siegħa għal dan is-Servizz.

Dingli — Triq Il-Liedna

Question

Jista' l-Ministru jara jekk li Triq il-Liedna, Dingli tiġi mogħtija t-tarmak u dan għax qed tkun ta' inkonvenjent serju għan-nies tal-lokal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-triq imsemmija mhix inkluża fil-programm ta’ bini ta’ toroq residenżjali għall-perjodu 2006-2008 u għalhekk hija meqjusa li taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali kkonċernat.

Cittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-proċedura għall-għoti ta' ċittadinanza Maltija tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. Malli tittieħed deċiżjoni dwar dan il-każ, il-persuna kkonċernata tiġi mgħarrfa biha minnufih.

Armi ta' airsoft

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-raġuni li armi ta' airsoft li jiġu mportati f'Malta skond il-liġi u li peress li dawn uħud minnhom ma jkollhomx serial number mhumiex qegħdin jiġu reġistrati mal-Weapons Officer meta dawn mill-manifattura stess ma jkollhomx serial number għax huma toys? Jara li ladarba dawn ġew mportati skond il-liġi għandhom allura jiġu reġistrati billi l-istess awtorita' u cioe' l-Weapons Office tal-Pulizija huma stess jagħmlu serial number fuqhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond il-liġi kull arma impurtata jeħtieġ li jkollha s-serial number sabiex tkun reġistrata. L-armi airsoft huma kkunsidrati bħala armi tan-nar skond il-liġi ta' l-armi. Peress li wħud minn dawn l-armi ma jkollhomx serial number, dawn mhux qed jiġu reġistrati. Qatt ma kienet il-proċedura li l-Pulizija tittimbra numru fuq armi tan-nar.

Karozza tal-Linja No: 110

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jikkonsidra li terġa tibda ssir l-karozza tal-linja no: 110 li kienet titlaq minn Birzebbugia kull siegħa (filgħodu) tidħol iz-Zejtun biex itella' l-istudenti tal-Junior College, Msida u kienet twaqqafhom eżatt ħdejn il-Junior College? Billi issa nbidlet ir-rotta tal-Bus No: 110 u qed tgħaddi minn St Luke's hux infurmat l-Ministru li l-istudenti tal-Junior College qed jaslu tard għal lezzjonijiet apparti li din qed twaqqafhom ix-xatt ta' l-Imsida u allura la jibda l-maltemp iridu jimxu sal-Junior Collega f'toroq fejn ikun hemm ħafan widien ta' ilma? Billi l-istudenti tal-Junior College issa qed jitilgħu mal-Bus No: 75 ta' l-Isptar jafx li ġieli din il-karozza tkun mimlija bl-istudenti tal-Junior College bil-konsegwenza li ma jkun hemm post għal passigieri ta' l-Isptar San Luqa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru diversi ħinijiet sabiex jakkomodaw id-domanda u l-esiġenzi ta’ l-istidenti. Il-ħinijiet qed isiru:- Birżebbuġia Rotta 110 6.00am Birżebbuġia Rotta 110 6.30am Marsaxlokk/Zejtun Rotta 110 7.00am Birżebbuġia Rotta 110 7.45am Zejtun Rotta 110 7.45am Wara dawn il-ħinijiet, ir-Rotta issir kull siegħa mid-9.00 ta’ filgħodu l-quddiem. Fir-rigward li l-karozza tal-linja qed twaqqafhom ix-xatt ta’ l-Imsida, jien infurmat li l-istudenti qed jieqfu fi Triq Bordin, li tiġi kantuniera bogħod mill-Junior College. Jien infurmat ukoll li l-problema tar-Rotta 75 kienet qed iseħħ fil-bidu t’ Ottubru iżda wara li ġew irrenġati l-ħinijiet hawn fuq imsemmija, din il-problema ġiet solvuta.

Imġarr — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li jirrikkmanda li jingħata wiċċ xieraq lil Triq l-Iskorba, Triq l-Imqades u Triq is-Saqwi, fl-Imġarr peress li dawn qegħdin fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-toroq imsemmija huma diġa’ nklużi fil-programm ta’ toroq għall-perjodu 2006-2008.

Bdiewa u raħħala — Ħsarat estensivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-bdiewa u raħħala li rrappurtaw ħsarat estensivi kawża tal-maltemp li ħakem il-gżejjer f'dawn l-aħħar jiem f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jgħid ukoll kemm hija kkalkulata f'ċifra ta' flus globali l-ħsara rrappurtata u x'passi ttieħdu biex jiġu kumpensati l-bdiewa u r-raħħala in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti ta' ħsarat kawża tal-maltemp li kien hawn fl-aħħar ġranet.
Leg 10 PQ #28136 Sitting 566 2007-10-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' delegazzjonijiet mis-Senegal li żaru Malta matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm kien in-numru ta' delegazzjonijiet Maltin li żaru Senegal matul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Matul dawn l-aħħar għaxar snin żaru Malta żewġt Ambaxxaturi mis-Senegal biex jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom. L-Ambaxxatur Mame Balla Sy kien żar Malta f'Jannar 1999, u kellu laqgħat mal-Prim Ministru, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u d-Deputat Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin. L-Ambaxxatur Momar Gueye kien żar Malta f'Mejju 2003, u kellu laqgħat mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u uffiċċjali mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Kien hemm uffiċċjal Malti li żar is-Senegal f'Ġunju 2006, biex jattendi l-laqgħa preparatorja għall-Konferenza ta' l-EU u l-pajjiżi Afrikani fuq l-Immigrazzjoni u l-Iżvilupp li kellha ssir fil-Marokk fl-istess xahar.

Working permits

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt inħarġu working permits għal ċittadini Senegaliżi f'Malta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Minn mindu l –KXT hadet ir-responsabbilita’ tal-hrug tal-permessi tax-xoghol (1 ta’ Awwissu 2005), il-KXT harget permess wiehed biss ghal cittadin Senegalizi fl- 2006 u li gie mgedded fl-2007.

Mosta — Triq il-Mintbaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsiru sleeping policemen mill-ġdid fi Triq il-Mintbaħ, Mosta u li din terġa' ssir one way biex jiġu evitati inċidenti serji peress li din it-triq tintuża ħafna mit-tfal li jiffrekwentaw il-Museum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li r-‘road hump’ li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari kienet ġiet approvata mit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku fit-23 ta’ Novembru 1998. Iżda meta tali ‘road hump’ inbniet mill-kunsill lokali, din ma kienitx skond il-kriterji maħruga mit-taqsima. Għaldaqstant il-kunsill ingħata strużżjonijiet sabiex titneħħa tali ‘road hump’ izda sal-lum din ma reġgħetx ġiet implimentata skond il-kriterji meħtiega mit-taqsima. B’referenza għal one-way fi Triq Midbah, it-taqsima nfurmat lill-kunsill lokali diversi drabi sabiex din it-triq issir one-way kif approvata w ikun hemm biss ix-xarabank tar-rotta bil-‘ contraflow ’.

Kordin Grain Terminal — Salarji u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni li qed jitħallsu mill-Kordin Grain Terminal Co. Ltd.? X'inhi l-kariga ta' kull individwu u x'salarji u benefiċċji jgawdi kull wieħed minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tal-impjegati ta' Kordin Grain Terminal, bis-salarji tagħhom. L-impjegati kollha ta' KGT bħala benefiċċju għandhom Medical Insurance.