Legislature:
Category:
Reset
Active:

Chiswick House School

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ngħata l-permess biex tiftaħ ic-Chiswick House School f'Ant. Schembri Str, Kappara? Kemm kellhom permess għal school population dak iż-żmien u kemm kellhom għalliema full time u part time fil-bidu? Matul is-snin kemm u meta ngħataw permess biex iżidu l-għadd ta' studenti u għalliema tagħhom? Illum skond l-aħħar informazzjoni li għandu l-Ministeru, l-iskola kemm għandha klassijiet joperaw, kemm għandha tfal f'kull klassi, x'inhi l-ischool population tagħha, kemm għandhom għalliema full time u part time u kemm jistgħu jieħdu massimu ta' studenti għal dawk li huma summer school activities?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-liċenzja biex topera iċ-Chiswick House School fi Triq Antonio Schembri, Kappara, ħarġet fit-22 ta' Ottubru 1991. F'dak iz-zmien kellhom permess għal 512-il student, Fl-1991 kellhom 23 għalliem full-time u 3 part-time. Fl-1994 ħareġ permess għal estensjoni ta' l-istess skola. Għal kwalunkwe attivita', in-numru ta' tfal jattendu din l-iskola ma setax ikun aktar minn dak li kien f'Ottubru 1994, jiġifieri 888 student. Skond l-aħħar informazzjoni li għandha d-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni, iċ-Chiswick House School għandha: Klassijiet Tfal f'kull klassi Kinder 1 90 (5 klassijiet) Kinder 2 92 (5 kalssijiet) Year 1 85 (4 klassijiet) Year 2 100 (4 klassijiet) Year 3 102 (4 klassijiet) Year 4 105 (4 klassijiet) Year 5 106 (4 klassijiet) Ukoll: Kap ta' Skola 1 Ko-Ordinaturi tas-Suġġett 2 Għalliema (full-time) 31 Kindergarten Assistants (part-time) 13

Air Malta — Bejgħ ta' aircrafts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27395 u ċioe': Billi tħabbar li l-Air Malta biegħat l-RJ Aircrafts li xtrat bejn l-1994 u l-1996, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu nxtraw u b'kemm inbiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li originarjament, il-flotta ta’ 7 AVRO Regional Jets inxtrat bejn l-1994 u l-1996 għas-somma totali ta’ LM69,353,000. L-ammont ta’ deprezzament ( depreciation) fuq is –seba ajruplani tul il-perijodu 1994-2002 kien ta’ Lm21,273,000. Fis-sena 2002 dawn l-ajruplani gew mibjugħa b’Sale and Leaseback lill-kumpanija Ron Ltd li kienet iffinanzjata minn konsorzju ta’ banek mmexxija mill-HSBC. B’din it-transazzjoni ta’ Sale and Leaseback l-Air Malta daħħlet Lm24,989,000 u ħadet lura il-flotta b’kiri (operating lease) ta’ hames snin u nofs. Il-kera li hallset taht din l-operating lease sa meta dawn inxtraw lura biex reggħu nbiegħu bejn is-sena 2005 u 2007 ammontat għal Lm11,692,000. Id-dħul totali mill-kera ta’ dawn l-ajruplani li għamlet l-Air Malta tul il-perjodi mindu inxtraw fis-snin 1994-6 sakemm inbiegħu fis-snin 2005-07 kien ta’ Lm37,715,000. Meta daħlet f’dan l-arrangament, l-Air Malta żammet id-dritt li tixtri lura l-arjuplani meta u jekk jidhrilha bi prezz li jitnaqqas bl-element kapitali tal-lease rentals li kellhom jitħallsu kull xahar. Is-somma globali li nġabret mill-bejgħ finali ta’ l-ajruplani (2005-2007) kienet ta’ Lm13,166,000. Il-prezz li bih dawn l-stess ajruplani inxtraw lura minn Ron Ltd kien ta’ Lm12,067,000. L-ammont totali li dahhlet l-AirMalta min fuq dawn l-ajruplani min kirjiet u bejgh kien ta’ Lm75,870,000

Xogħol wara l-ħin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li rtira matul din is-sena, xorta waħda baqa’ jingħata xogħol wara l-ħin fl-iskola ta' Maria Regina tal-Blata l-Bajda?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna konċernata mhux impjegata ma' l-iskola Maria Reġina tal-Blata l-Bajda. Bħal ħafna personnel irtirat ieħor tagħti servizz imħallas bis-siegħa fil-provvediment tal-Klassijiet ta' Filgħaxija għall-Adulti kif isir f'diversi ċentri.

Sistema tal-CVA

Question

Qabel ma ġiet introdotta s-sistema tal-CVA fil-Belt jista' l-Ministru jgħid jekk sarx feasibility study? Jekk fl-affermattiv, tista' kopja ta' dan l-istudju titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li qabel ġiet introdotta s-sistema tal-CVA il-Cabinet Committee for National Projects kien qabbad team ta’ nies biex isir studju fuq l-introdużżjoni ta’ miżuri vari fil-penisola tal-Belt u l-Furjana. Il-feasibility tal-CVA kienet saret bħala parti min dan l-eżerciżżju. Kopja ta’ dan ir-rapport qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Cruiseliner Terminal

Question

B'referenza għall-proġett tal-cruiseliner terminal jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq l-power station l-qadima, l-ferry terminal building u t-triq l-ġdida għall-cruiseliner terminal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-disinn u l-istima preliminari tat-triq li tgħaqqad Triq Diċembru 13 mal-Cruiseliner Terminal huma lesti. Il-permess meħtieg mill-MEPA għall din it-triq huwa approvat ukoll. It-triq hija waħda minn diversi toroq li ser ikunu ffinanżjati minn fondi ta’ koezjoni. L-applikażżjoni għal dawn il-fondi ġiet sottomessa lill-PPCD sabiex hekk kif ikun ikkonfermat li l-abbozz huwa tajjeb, l-applikażżjoni tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea.

Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-patronaġġ tal-karozzi tal-linja għas-snin 2006 u 2007 u d-dħul għal kull sena separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-patrunaġġ bejn Ottubru ta’ l-2005 u Settembru ta’ l-2006 kien ta’ 29,817,385 passiġġier, filwaqt li bejn Ottubru 2006 u Settembru 2007 l-patrunaġġ kien ta’ 31,854,025, jiġifieri kien hemm żieda ta’ 6.83% mis-sena ta’ qabel. Fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti, bejn Ottubru ta’ l-2005 u Settembru ta’ l-2006 l-ammont kien ta’ Lm6,575,271, filwaqt li bejn Ottubru 2006 u Settembru 2007 id-dħul kien ta’ Lm7,035,884, jiġifieri kien hemm żieda ta’ 7.01%.

Park and Ride

Question

Fir-rigward tal-Park and Ride jista' l-Ministru jgħid: Kemm kienet in-nefqa kapitali sal-lum u kemm hemm postijiet ta' parkeġġ? Meta beda jiffunzjona? X'kienet l-occupancy rate? Kemm kienet n-nefqa rikorrenti sal-lum inkluż pagi ta' ħaddiema u s-servizz tal-minibusesseparatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n–nefqa kapitali sa llum kienet tammonta għall-Lm788,065. Fil-Park and Ride ta’ Hornworks Crownworks ditch hemm madwar 850 parkeġġ u fl-estenżjoni l-ġdida hemm madwar 250 parkeġġ. Il- Park and Ride ta’ Hornworks and Crownworks ditch beda jopera fis-sitta ta’ Novembru 2006 u l-estenżjoni bdiet topera fit-tnax ta’ Settembru 2007. L-Awtorita’ dwar it-Trasport iżżomm statistika dwar l-użu tal-minibus. L- occupancy rate tvarja skond il-ħin tal-ġurnata. Għaldaqstant matul ġurnata tipika, l-użu tas-servizz ikun ta’ 116 passiġier għal ħabta tas-0730. Dan jonqos għal massimu ta’ 102 passiġier għal ħabta tat-0830, jkompli jinżel għal 30-35 passiġġier kull nofs siegħa bejn id-0930 u l-1200. In-numru ta’ passiġieri jinżel għal 10 kull nofs siegħa bejn 1200 u 1600. Is-servizz jerġa jaqbad għal xi 1630 u jibqa għaddej b’massimu ta’ 30 passiġġier kull nofs siegħa, sa 1900. Wara 2100 l-ebda passiġier ma juża s-servizz tal-minibus. Din l-istatistika tirrapreżenta x-xahar ta’ Ġunju 2007. Fir-rigward ta’ l-infiq kurrenti, l-ispiza fuq security kienet tammonta għall-Lm28,165, filwaqt dik fuq trasport bil-minibuses kienet tammonta għall Lm97,436. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra skeda dettaljata ta’ l-ispejjeż.

Pace Grasso Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-iżvilupp propost għal ground Pace Grasso?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li qed jiġi preparat Environment Planning Statement (ESP). Hu mistenni li dan jitlesta fi ftit ġimgħat oħra u mbagħad jiġi sottomess għall-konsiderazzjoni tal-MEPA.
Leg 10 PQ #28007 Sitting 566 2007-10-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

OECD — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Malta applikat biex issir membru ta' l-OECD u f'hiex jinsabu l-proċeduri biex dan iseħħ?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Malta applikat biex tidħol membru ta' l-OECD fis-27 ta' Lulju 2005. Il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li ma kienux diġa membri ta' l-OECD fl-2004, kollha applikaw biex jissieħbu. Hemm indikazzjoni li l-applikazzjonijiet tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jissieħbu fl-OECD li ma kienux diġa membri ta' l-istess organiżżazzjoni fl-2004 ser jieħdu ż-żmien peress li diġa numru ta' pajjiżi membri ta' l-OECD esprimew l-opinjoni li l-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea isiru membri gradwalment u mhux kollha flimkien. Sadanittant, Malta applikat ukoll biex tiġi kkunsidrata hħala 'Osservatur' fil-Kumitat dwar il-Kompetizzjoni fit-30 t'Awissu 2007.

Skola Ġuże' D'Amato — Trasport

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk ir-rotta li mill-Fgura twassal lill-istudenti fl-iskola Ġuże' D'Amato f'Raħal Ġdid u lura hux qed tmur pjuttost tard jew tard ħafna meta tispiċċa l-iskola biex l-istudenti jmorru lura lejn id-dar? Jekk jirriżulta li huwa hekk, jista' jsir xi ħaġa fl-interess tat-tfal ħalli din is-sitwazzjoni ma tibqax?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola tispiċċa fis-2.15pm u li t-trasport kollu, li jinkludi it-trasport tal-Fgura, jkun telaq sas-2.30pm.

MCAST — Ilmenti dwar nuqqas ta' faċilitajiet

Question

Minħabba li rċevejt numru ta' ilmenti minn numru ta' studenti u ġenituri ta' tfal li qed isegwu kors ta' l-IT fl-MCAST ma' xi waħda mill-kumpanniji li qed jiffru dan l-istess kors f'isem l-MCAST, li għandhom spazju ristrett kif ukoll nuqqas ta' faċilitajiet, jista' l-Ministru jara fiċ-ċirkustanzi x'inhu possibbli li jsir ħalli din is-sitwazzjoni tiġi mtejba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kumpaniji li joffru korsijiet fl-IT lil studenti ta' l-MCAST għandhom ftehim ma l-MCAST u mal-Ministeru ta' l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika li jinkludi diversi kondizzjonijiet fosthom fuq l-ispazju u l-faċilitajiet. Informat ukoll li l-MCAST jara li dawn il-kundizzjonijiet qegħdin jiġu segwiti. L-ilment ta' l-Onor. Membru qed jiġi investigat waqt iz-zjarat li jsiru lil dawn il-kumpaniji.

Qormi — Sinjali tal-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebhom jitlestew is-sinjali tal-parkeġġ fi Triq Mons Gerald Frendo, f'Hal Qormi li għadha kemm inbniet riċentement mill-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi wara li nbniet din it-triq mill-Awtorita’ tat-Trasport, il-kunsill kien f’taħditiet ma l-istess Awtorita’ (TMU) biex titbiddel il-flow tat-traffiku f’din it-triq. Din il-proposta ġiet approvata u x-xogħol qed isir f’dawn il-ġranet hekk kif jippermetti t-temp.

Qormi — Bini ta' bankina ġdida

Question

Jista' l-Minisru jgħid jekk tistax issir il-bankina ġdida fil-parti l-ġdida ta' Triq il-Wied f'Hal Qormi(biswit il-Klabb tal-Boċċi San Gorġ) minħabba li għadha qatt ma nbniet u r-residenti qed jgħaddu minn inkonvenjent kontinwu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi saret ispeżżjoni fuq is-sit. Ser issir stima ta’ xogħlijiet neċessarji sabiex tiġi kunsidrata sabiex tiġi nkluża fil-pjan ta’ xogħol tas-sena d-dieħla.

Kriterji dwar tabib tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li bihom jintgħażlu l-ħaddiema tad-dipartiment tiegħu li jkunu morda biex eventwalment il-mard tagħhom jiġi verifikat mit-tobba tad-Dipartiment? Jista' jgħid per eżempju l-għala fis-Sezzjoni tar-Riżorsi Umani t-tabib dejjem jintbgħat għand l-istess nies filwaqt li ħaddiema oħra qishom 'il fuq mil-liġi? Jista' jissottometti lista tal-ħaddiema ta' din is-sezzjoni ta' l-aħħar sentejn li turi kemm ħadu sick leave il-ħaddiema ta' din is-sezzjoni u għand min marru t-tobba msemmija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jagħmel użu minn kumpanija privata ta' tobba li tiġi mitluba żżur il-ħaddiema kollha li rraportaw morda f'xi wieħed mid-Dipartimenti tal-Ministeru. Rigward il-proċedura ta' kif jitbgħat it-tabib, jien infurmat li ġurnata qabel jintgħażel Dipartiment partikolari u kull impjegat sick jintbgħatlu t-tabib. Dan jgħodd ukoll għas-sezzjoni tar-Riżorsi Umani fejn hawn taħt wieħed isib lista tal-ħaddiema minn 1-26 u kemm utiliżżaw sick fl-aħħar sentejn, kif ukoll kemm intbgħat it-tabib lil kull wieħed u waħda minnhom. Din it-tabella turi b'mod ċar li l-ispezzjonijiet mit-tobba jsiru b'mod regolari mingħajr diskriminazzjoni u li għaldaqstant ħadd mill-ħaddiema ma huwa 'l fuq mil-liġi.

Swieqi — Triq Josef Kalleja

Question

Jista' l-Ministru jieħu konjizzjoni ta' petition li qed tintbagħat separatament fuq Triq Josef Kalleya, Swieqi, liema residenti huma mħassbin fuq ċerti punti, u li jistgħu jkunu mplimentati waqt ix-xogħol fuq l-istess triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol fuq din it-triq nbeda f’dawn il-ġranet u x-xogħol mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ din is-sena.

Mellieħa — Triq Għar u Casa

Question

Jista' l-Ministru jara li l-garages li hemm fit-Triq Għar u Casa, Mellieħa jibqgħu tali? Mid-dehra din it-triq hi ppjanata biex tkun mgħollija u s-sidien ta' dawn il-postijiet miġbura fil-petizzjoni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se jiġu mċaħħda mill-garages tagħhom, għalhekk dawn qed jitolbu l-ħarsien tagħhom u li l-livell tat-triq tibqa' li hi.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li responsabbilta’ tal-livelli u l-linji ta’ toroq bħal dawn hija f’idejn il-MEPA. Sadattant ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew saru diversi laqgħat fuq is-sit imsemmi bejn ir-residenti, l-kuntratturi u rappreżentanti ta’ l-ADT. F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi diffikultajiet imqajma mir-residenti u saru proposti biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti ta’ dawn it-toroq.

Pembroke — Slipway

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx data biex jibda x-xogħol fuq il-famuża slipway f'Pembroke? Jekk iva, meta beħsiebu jibda x-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet bejn il-MEPA u t-Taqsima tax-xoghlijiet għadhom għaddejjin. Hekk kif jinħarġu l-permessi, l-Ministeru jkun f'pożizzjoni li jibni l-imsemmija slipway.