Legislature:
Category:
Reset
Active:

Relief

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li twaqqfilhom r-relief jew xi benefiċċju soċjali ieħor din is-sena u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 6029 każ fejn twaqfet Għajnuna Soċjali jew benefiċċji oħra mhux kontributorji. Ninsab infurmata wkoll li fost ir-raġunijiet għal dawn it-twaqqif kien hemm: Bidu ta' xogħol Bdil fiċ-ċirkostaqnżi finanzjarji Ikkwalifikaw għall-pensjoni kontributorja Qtugħ mill-Ewwel Parti tar-Reġistru Riżultat ta' nvestigazzjoni Mewt Safar Żwieġ

Tilwim industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati tilwimiet industrijali din is-sena, liema kienu l-unions involuti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena ġew reġistrati 70 tilwima industrijali. Informat ukoll li l-Unions involuti kienu GWU, UHM, Rampa Union, UPAP, MUT, Union of Cabin Crew, EPOU, MUBE, UMASA, u PSEU.

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani illum? X'eta' għandhom? Kemm hawn day care centres għalihom illum u fejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni dwar kemm hawn anzjani llum u l-eta' tagħhom tista' tingħata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. F'Malta hawn sittax il-Day Care Centre. Dawn qegħdin fiż-Żejtun, Ħamrun, Qormi, Dingli, Sliema, Żurrieq, Mtarfa, B'Kara, Bormla, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, Mosta, Luqa, Santa Venera, Naxxar, Safii u ieħor speċjaliżżat għall-persuni bi problemi ta' dementia li qiegħed f'San Vinċenz de Paul.

Home helper

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li għandhom home helper illum? Kemm kien in-numru li applikaw din is-sena? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' anzjani li llum għandhom home helper huwa 3509. In-numru ta' applikazzjonijiet sa l-aħħar ta' Novembru 2007 kien 674 u minnhom ġew milqugħa 427. 149 applikazzjoni ma ġewx milqugħa waqt li 98 applikazzjoni qed jistennew ir-rapport tas-Social Worker.

Persuni b'diżabilita jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni b'diżabilita' jirreġistraw illum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni b'dizabilita' li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Ottubru 2007 fuq l-ewwel Parti tar-Reġistru kien ta' 311 u 29 kienu qed jirreġistraw fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru.

Pembroke — Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġi mimli l-post vakat minn għalliema tal-Year 2 fl-iskola primarja ta' Pembroke? Jista' jgħid x'ġara mit-tfal li f'dawn il-ġimgħat kienu mingħajr l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-7 ta' Jannar 2008 intbagħtet għalliema minflok dik li telqet u b'hekk it-tfal tal-klassi ma kellhom l-ebda problema fl-istudji tagħhom. Informat ukoll li t-tifel bi bżonnijiet speċjali kien qed jattendi programm ta' psychotherapy u ma kienx qed jattendi l-iskola.

Msida — Sleeping Policeman

Question

Jista' l-Ministru jara tistax tiġi ntrodotta sleeping policeman fil-parti tax-xellug ta' Triq Makna tas-Serrar, Msida inti u ġej mill-parti t'isfel ta' Triq Rue d'Argens, Msida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena elfejn u tlieta (2003) irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba għal round topped road hump fi Triq Makna tas-Serrar.

Nies fin-negozji

Question

Filwaqt li napprezza li l-maġġoranza tan-nies fin-negozju huma nies serji u ma jippruvawx jabbużaw mill-konsumatur, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hiex, u jekk le għaliex mhix, policy tal-Gvern li juża name and shame policy ma' dawk in-negozji fejn jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju li abbużaw fil-prezzijiet tal-oġġetti mpurtati tagħhom, b'mod partikolari fejn jirriżulta li jkunu qegħdin jbiegħu prodotti - speċjalment mediċinali - 'l fuq ferm mill-medja Ewropea? Għaliex ma sarx dan diġa' fejn irriżultaw każi simili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Security

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29491 u jikkonferma jekk ix-xogħol ta' security fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u kemm hu stmat li jiswa dan il-kuntratt kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Parkeġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29492 u jikkonferma jekk il-parkeġġ fl-isptar Mater Dei ngħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv lil min ingħata u kemm inkera għal kull sena? Kemm hemm parking slots f'dan il-parkeġġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Maintenance

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29493 u jgħid jekk x-xogħol ta' maintenance fuq il-bini u l-equipment ta' l-isptar Mater Dei ingħatax lill-kuntratturi privati? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-valur ta' dan il-kuntratt fis-sena u lil min ngħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Riċerka CERN

Question

B’referenza għall-ftehim li ġie milħuq dan l-aħħar ma' l-organizazzjoni ta’ riċerka CERN fl-Isvizzera, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan kienx ftehim formali jew biss memorandum of understanding li għad irid iwassal għal sensiela ta’negozjati intensivi qabel ma l-kollaborazjoni tiġi fis-seħħ u ċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu? Meta huwa mistenni li jintlaħaq il-ftehim bejn iż-żewġ naħat ħalli jkun jista' jibda jiġi attwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

San Gwann — Triq Alessio Xuereb

Question

Billi meta l-Gvern ċentrali oriġinarjament għamel it-tarmac fi Triq Alessio Xuereb, San Gwann sar xogħol fuq tarmac diġa' mqiegħed u billi b'riżultat ta' dan ħafna mill-katusi li jinżlu minn fuq il-bejt ġew f'ċerti każi taħt it-tarmac bil-konsegwenza li meta tagħmel ix-xita l-ilma qed jidħol fil-basements ta' ħafna residenti tat-triq. Għalkemm normalment problemi simili jiġu trattati mill-kunsilli lokali ta' bliet u rħula, f'każ bħal dan fejn jirriżulta ċar li l-problema kienet kkawżata minn nuqqas ta' ippjanar serju mill-Gvern ċentrali, jista' l-Ministru jara li l-Gvern jidħol direttament biex isolvi problema li ilha tkaxkar għadd ta' snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #29628 Sitting 611 2008-01-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Kap tas-Schengen Unit

Question

Billi ftit ilu l-Ministru għarraf lill-Kamra li l-post tal-Kap tas-Schengen Unit fil-Ministeru baqa' ma mteliex għaliex fost dawk li applikaw kien hemm min ma nstabx adegwat filwaqt li kandidat ieħor ġie skwalifikat, jista' l-Ministru jgħid jekk u meta ser tinħareġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet? Jista' jikkonferma li l-persuna li qed tikkordina din it-taqsima bħalissa oriġinarajment kellha kuntratt ta' advisor? Jista' jgħid jekk il-kuntratt għadux l-istess? Jista' jgħid jekk hux minnu li qed jġi esplorat flimkien mal-MPO fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jekk dan il-kuntratt jistax jinbidel għall-ieħor b'titlu differenti?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-pozzizjoni ma mbidlitx mill-ahhar Mistoqsija Parlamentari dwar din il-materja. Ma jidhirlix li ghandi noqghod naghti dettalji dwar individwi li huma kjarament il-mira ta' din il-mistoqsija. Kont nahseb li dan l-istil ta' "politika" kien spicca. Id-decizjoni jekk kuntratt ta' persuna isirx indefinit ma tittehidx minn dan il-Ministeru.

Children's allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma d-diffikultajiet li d-dipartiment għandu sabiex jagħti c-Children's Allowance lit-tfal ta' ġenituri li huma separati legalment? X'inhi r-raġuni li minkejja li kien hemm min ta d-dettalji kollha, nkluż l-kuntratt/sentenza tas-separazzjoni, dawn it-talin għadhom ma ħadux risposta b'detriment li l-benefiċċju tat-tfal għadu ma tħallasx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjonijiet għall-Allowance tat-Tfal jiġu proċessati hekk kif id-Dipartiment ikollu f’idejh l-informazzjoni kollha meħtieġa. Ninsab infurmata wkoll li fil-każijiet indikati mill-Onor. Interpellant id-Dipartiment irid jistabbilixxi min mill-ġenituri għandu l-kura u l-kustodja tat-tfal, xi ħaġa li mhux dejjem toħroġ ċara mill-kuntratti jew sentenzi tas-separazzjoni. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ partikolari nitolbu jagħti parir lill-persuna konċernata biex tmur l-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Zabbar — Triq l-10 ta' Settembru 1797

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena mill-ġdid Triq l-10 ta' Settembru 1797 ġewwa Haz-Zabbar minħabba li tinsab fi stat diżastruż speċjalment meta tagħmel ftit xita? Jekk sa fl-aħħar ser isir xi tip ta' xogħol fiha, jista' jsir xogħol serju ta' fejn imur l-ilma tax-xita minħabba li aktar min-nofs it-triq dejjem tegħreq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti minn network ta’ toroq li l-ADT qed taħdem biex tkun tista’ tinbena mill-ġdid u tkun solvuta l-problema ta’ l-għargħar f’din l-area. Sadanitant, l-ADT qabbdet kuntrattur biex inaddaf il-culvert eżiżtenti u jagħmel xi xogħlijiet biex is-sistema tkun aktar effiċenti.

Kuntratt ta' tlett xhur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jkun hemm kumpanija privata li tħaddem ħaddiema bil-kuntratt ta' tlett xhur tlett xhur, kemm-il darba din tista' ġġedded dan il-kuntratt qabel ma jsir tal-post? Huwa skond il-liġi li ħaddiem jagħmel aktar minn sena b'din il-kundizzjoni u qatt ma jsiru ħaddiema regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Avviz Legali tal-51 ta’ l-2007 jirregola kuntratti ta’ servizz għal terminu ta’ żmien fiss. Il-liġi tistabbilixxi li kuntratt ta’ servizz għal żmien fiss għandu jinbidel f’kuntratt ta’ servizz għal żmien indefinit jekk l-impjegat kien impjegat taħt kuntratt jew kuntratti għal żmien fiss li waħdu jew flimkien jeċċedu perjodu ta’ mpjieg kontinwu għal aktar minn erbgħa snin u l-prinċipal ma jkollux raġunijiet li bihom ikun jista’ jiġġustifika li dak l-impjegat għandu jibqa’ fuq kuntratt għal żmien fiss.

Ċerimonja ta' l-isptar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi: · It-tlestija u l-Handling Over ta’ Sptar Mater Dei minn għand Skanska Malta JV għal għand il-Gvern ta’ Malta ġiet iċċelebrata b’numru ta’ attivitajiet li seħħew bejn id-29 ta’ Ġunju 2007 u l-1 ta’ Lulju 2007. Il-kunċett ġenerali kien wieħed ta’ promozzjoni tal-kura tas-saħħa. · L-attivitajiet prinċipali kienu: 1). Ċelebrazzjoni dinjituża tat-tlestija ta’ l-akbar proġett nazzjonali. 2). Eżerċizzju ta’ familjarizzazjoni permezz ta’ Open Weekend fejn il-poplu ġie mistieden iżur u jara b’għajnejh dan il-proġett ta’ sptar state of the art. 3). Eżerċizzju ta’ Promozzjoni tas-Saħħa fejn ġie organizzat Health Festival biex wara li wieħed ikun ra l-faċilitajiet disponibbli, jiġi mħeġġeġ jieħu ħsieb saħħtu permezz ta’ mezzi ta’ prevenzjoni: primarjament billi jiekol ikel bnin, jagħmel eżerċizzju fiżiku, jibża’ għall-ambjent, jagħmel screening tal-kundizzjonijiet tiegħu u billi jevita dak li jagħmillu l-ħsara. · L-attivitajiet kienu ta’ suċċess kbir tant li huwa stmat li 1). Aktar minn 80,000 persuna żaru dan il-proġett matul dawn it-tlett ijiem. 2). 2,500 għamlu testijiet mediċi ta’ prevenzjoni. 3). Eluf oħra ħadu sehem f’attivitajiet ta’ eżerċizzju fiżiku u sport filwaqt li kielu ikel bnin mir-restaurant armat għall-okkażjoni. In-nefqa totali, eskluż il-VAT għal dan il-weekend, kienet ta’ Lm56,797.48 jew 71 ċenteżmu għal kull persuna li pparteċipat f’dawn l-avvenimenti. Il-breakdown ta’ l-ispejjeż qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċerimonja ta' l-isptar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27065 u jgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja li saret fid-29 ta' Ġunju, 2007 fl-isptar Mater Dei? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27065.