Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba, dentisti, etc li huma assenjati speċifikament għal kura tat-tfal fl-iskejjel? Diġa' bdew iż-żjajjar ta' dawn il-professjonisti fl-iskejjel f'din is-sena skolastika? Liema skejjel żaru? L-iskejjel indipendenti jibbenefikaw minn din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hemm tmien tobba u tmien nurses li jattendu għall-kura tat-tfal fl-iskejjel tal-istat u tal-knisja. Dawn, ix-xogħol tagħhom jibqa' għaddej is-sena kollha u ma jiqafx fis-sajf għaliex f'dan il-perjodu huma jaraw dawk it-tfal li jkunu ser jattendu fil-Kindergarten. Ix-xogħol li jsir minn dawn it-tobba u nurses matul is-sena skolastika diġa beda. Ma jingħatax servizz fl-iskejjel indipendenti ħlief għat-tilqim kontra t-tuberkolożi.
Hemm ħames Dental Hygienists li parti mix-xogħol tagħhom huwa li jagħtu kura preventiva lit-tfal fl-iskejjel. Waħda minnhom bħalissa qegħda fuq leave ta' maternita'.
Iż-żjajjar fl-iskejjel bdew il-ġimgħa l-oħra u s'issa żaru l-iskejjel primarji ta' B'Kara, Gżira, Marsa u Raħal Ġdid A.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W407 ma jidhirlux l-Ministru li l-linji gwida tal-Home Help għandhom jinbidlu biex il-parapetti ta' l-anzjani, mhux id-drive in twila, jibdew jitnaddfu wkoll? Ma jaħsibx li ma jagħmilx sens li jitnaddfu l-bieb ta' barra u l-intrata tad-dar u l-parapet li kull min jidħol fid-dar irid jgħaddi minnu jitħalla maħmuġ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-linji gwida Xogħol Domestiku Numru 2 tas-servizzi tal-Home Help, hemm imniżżel li parapetti u drive in bi spazju kbir m'għandhomx ikunu nklużi. Madankollu, meta l-ispazju ndikat ikun ta' daqs raġjonevoli u wara spezzjoni u approvazzjoni mis-supervisor tal-lokalita', dan it-tindif jiġi nkluż fis-servizz.
Qed jaslulna diversi lmenti minn residenti fi Triq it-Tamar u tal-madwar fuq bar bl-isem, Queen's Head Pub. Allegatament, dan il-bar qed jibqa' miftuħ wara s-siegħa ta' filgħodu u barra mill-istorbju li jiġġenera barra bħal dan, qed ikun hemm mużika amplifikata qawwija li qed tkun ta' inkonvenjent u dwejjaq lir-residenti msemmija. Jidher li saħansitra nkitbu ittri lill-Prim Ministru (18-9-06) u lill-Kummissarju tal-Pulizija (9-3-07) dwar dan. Jista' l-Viċi Prim Ministru għalhekk jinfurmani x'passi ttieħdu s'issa u x'passi ser jittieħdu fil-futur qrib biex sid dan il-bar jinġieb konformi mal-liġi u ma jkunx aktar ta' inkonvenjent għal dawn ir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27569.
Skond l-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA), jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur f'ċifra ta' flus allokati għas-sussidji tal-produzzjoni stabbilita taċ-ċanga friska matul din is-sena? Jista' jgħid kemm fil-fatt tħallas lill-bdiewa minn dan is-sussidju allokat abbażi tal-produzzjoni dikjarata mill-bdiewa? Jista' jgħid x'sar mill-flus allokati iżda ma tħallsux lill-bdiewa minħabba li ma laħqux il-produzzjoni massima u kemm fil-fatt kien f'ċifra ta' flus dan l-ammont li ma tħallasx lill-bdiewa in kwestjoni? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għas-snin 2004, 2005 u 2006 separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma jingħatawx sussidji fuq ċanga friska kif indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27828 u 27385 u jgħid x'kienet in-nefqa totali taż-żjara tiegħu u tad-delegazzjoni fl-Awstralja, inkluż l-passaġġi ta' l-ajru, etc?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27827 u 27386 u jgħid min kienu l-membri kollha tad-delegazzjoni li akkumpanjatu l-Awstralja u min kienu l-ġurnalisti u rappreżentanti tal-media li telgħu miegħu? Huwa minnu li fosthom kien hemm ta' Where's Everybody? X'arranġamenti finanzjarji saru dwar l-akkumpanjament u l-vjaġġi u akkomodazzjoni u ikel tal-ġurnalisti li kellu miegħu?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawli l-Baħar hemmx xi post reġistrat mal-pulizija biex jintuża bħala moskeja għat-talb? Jista' jgħid jekk il-pulizija qattx irċeviet ilmenti minn ġirien ta' post li jintuża għalhekk f'ħinijiet differenti tal-ġurnata? Jista' jgħid x'passi konkreti ħadet il-pulizija dwar dawn l-ilmenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma tirreġistrax postijiet sabiex jintużaw bħala postijiet għat-talb. Infurmat ukoll illi dan l-aħħar saru lmenti mal-Pulizija illi fi flat ġewwa Buġibba kienu qed jiltaqgħu persuni ta' nazzjonalita' barranija sabiex jitolbu. Is-sitwazzjoni qed tiġi monitored, ħalli jekk ikun hemm ksur ta' liġi, jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fir-regolamenti ġodda dwar il-kostruzzjoni hux se jkun hemm il-livelli massimi ta' storbju li jistgħu jagħmlu inġenji tal-kostruzzjoni fuq il-lant tax-xogħol u x'ħinijiet permessibbli se jkunu jistgħu jaħdmu u x'livell ta' ħoss se jkun permess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Avviż Legali 295 ta' l-2007 rigward Regolamenti ta' l-2007 dwar L-Immanġġar Ambjentali Tas-Siti tal-Kostruzzjoni, Regolament Nru 5 jgħid li l-ħin permessibbli biex isir xogħol ta' kostruzzjoni li joħloq ħsejjes li jinstemgħu minn barra s-sit huwa hekk:
(A) Xogħol ta' kostruzzjoni m'għandux jibda qabel is-7.00 a.m. u għandu jieqaf fit-8.00 p.m.
(B) Xogħlijiet li jiġġeneraw aktar minn 65 db ta' ħoss meta mkejla biswit is-sit għandhom jieqfu bejn is-2 p.m. u l-4 p.m.
(Ċ) Fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru, xogħol ta twaqqigħ u skavar mhux permessibbli f'żoni turistiċi hekk kif stabbiliti minn żmien għal żmien mill-awtorità kompetenti għat-turiżmu.
(D) L-ebda xogħol ta' kostruzzjoni m'għandu jsir fil-Ħdud u fil-Festi Pubbliċi.
Il-kundizzjoni (B) inizjalment mhux ser tkun implimentata u tiddaħħal fis-seħħ iktar 'il quddiem biex għalissa jkun hemm konċentrazzjoni fuq l-elementi l-aktar ta' priorità. Kif għidna mill-bidu, dawn ir-regolamenti qed ikunu introdotti gradwalment.
Awtorita Maltija tat-Turiżmu — Rapporti ta' fastidju
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kien hemm każi ta' rapporti ta' fastidju sesswali minn xi impjegat ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u jekk iva x'passi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'din is-sena kien hemm każ wieħed irrappurtat ta' allegat fastidju sesswali minn impjegat ta' l-Awtorita' tat Turiżmu ta' Malta.
Dan il-każ qed jigi investigat minn Bord ta' Dixxiplina.
Peress li hemm min fis-settur turistiku qed ikollu dubji serji dwar kemm se tkun deċiżjoni tajba li jiġi ffirmat ftehim mal-Media Consulta li jorbotna għal tliet snin u jiswa 21 miljun ewro, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-gvern se jibqa' għaddej u jiffirma dan il-ftehim bla ma jindirizza b'mod serju d-dubji dwar ftehim ma' kumpannija bħal din mingħajr l-esperjenza meħtieġa għal dak li għandna bżonn biex nippromwovu d-destinazzjoni turistika tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta qed tikkunsidra ċ-ċirkostanzi u l-fatti kollha dwar dan il-kuntratt qabel tiffirma.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2007? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2007? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jirrigwardja d-dekasteru tiegħi ninsab infurmat kif ġej:-
Għar rigward tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, ġie ppublikat Avviż Legali (A.L. 83 ta' l-2007) li permezz tiegħu id-Dipartiment jista' jitlob ħlas għall-produzzjoni ta' mappa ta' xi lokalita' kif ġej:
a) ħlas ta' Lm17 għal kull mappa żejda (jiġifieri barra minn dik li tingħata bla ħlas lill-Kunsill meta jsir l-inventarju tiegħu) mitluba minn Kunsill Lokali;
b) ħlas ta' Lm43 għal kull mappa mitluba minn xi Dipartiment tal-Gvern jew xi entita' tal-Gvern; u
c) ħlas ta' Lm86 għal kull mappa mitluba minn kull entita' privata oħra.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Taxxi, tariffi u miżati
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2007? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li kien hemm introduzzjoni/reviżjoni ta' taxxi, tariffi jew miżati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li wara li ġiet imported l-istop list tas-Schengen (SISII) qegħdin jinqalgħu problemi tekniċi li bihom qegħda teħel is-sistema tal-computers fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bil-konsegwenza li l-passiġġieri ta' pajjiżi terzi mhux qegħdin jinqdew b'effiċjenza?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega fi tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, is-sistema SIS II għadha ma ġietx introdotta. Din ser tkun lesta sa l-aħħar ta' Diċembru 2008. Pero', ninsab infurmat illi mill-1 ta' Settembru li għadda, bdiet titħaddem is-sistema SISoneforAll. Sa fejn huwa magħruf din is-sistema qed taħdem pjuttost tajjeb. Pero' ġie identifikat difett tekniku fl-apparat li qed tkun indirizzat. Ma jirriżultax li qed ikun hemm xi dewmien għall-passiġieri ta' pajjiżi terzi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-Gvern Taljan offra s-sistema kompleta tas-software tax-Schengen b'xejn iżda l-Gvern għażel li jixtri s-sistema mingħand il-Portugiżi bi ħlas? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa s-sistema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-sistema magħrufa bħala SISoneforAll ingħatat mingħajr ebda ħlas mill-Gvern Portugiż lill-pajjiżi kollha li qed jaspiraw li jidħlu fiż-żona Schengen fit-tkabbir li jmiss, ovvjament inkluża Malta. Apparti s-software inniffsu, kull pajjiż ingħata wkoll għajnuna teknika mill-Gvern Portugiż biex jiġi assigurat li din is-sistema taħdem sew. Il-Gvern Taljan ta lill-Korp tal-Pulizija sistema totalment separata, relata max-xogħol ta’ dak li hu magħruf bħala SIRENE Office li ġie mwaqqaf dan l-aħħar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kif ukoll is-sistema l-oħra magħrufa bħala N.SISII. Dawn iż-żewġ sistemi wkoll ingħataw bla ħlas.