Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa din is-sena u x'eta' kellhom? Kemm minn dawn instabu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena s'issa ġew irrapurtati nieqsa 244 persuna li wara instabu kollha, għajr għall-tlieta ta' nazzjonalita' barranija. L-iżgħar fost il-persuni irrapurtati nieqsa kien ta' seba' snin u l-akbar kien ta' seba' u tmenin sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pazjenti li ma zammewx l-appuntament tagħhom mad-dipartiment ta' l-out patient din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti li ma żammewx l-appuntament tagħhom mad-Dipartiment ta' l-Out Patients fl-isptar San Luqa din is-sena sal-lum kien ta' 57,277 li jammonta għal 25.6% ta' l-appuntamenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu ħlasijiet pendenti d-dipartiment mal-importaturi tal-mediċini llum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont dovut sa l-aħħar ta' Settembru 2007 lill-importaturi lokali tal-mediċini hu ta' Lm8,660,732. Dawn jinkludu l-invoices ta' mediċini li rċieva d-dipartiment, ġew iċċertifikati u li daħlu fis-sistema tal-finanzi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' bomb hoaxes din is-sena u fejn saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, il-Pulizija kellha tletin rapport ta' bomb hoax, kif jidher hawn taħt:-
Balzan
1
Pieta’
3
Valletta
8
Fgura
1
Rabat
1
Xagħra
1
Gżira
2
San Ġiljan
2
Żabbar
1
Kirkop
1
Santa Venera
1
Żejtun
1
Mosta
1
Sliema
1
Pembroke
1
Swieqi
3
Jista' l-Ministru jgħid għala t-triq l-qadima li tagħti mit-triq tar-Rabat għal fejn iċ-ċimiterju ta' l-Imtarfa li llum m'għadhiex tintuża għax it-triq ġiet redesigned ma tneħħitx kif intqal li se jsir aktar minn sena ilu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Hu mistenni li dan ix-xogħol jinbeda u jitlesta fil-gimgħat li ġejjin
Jista' l-Ministru jara x'jista jsir f każ ta' ommijiet li jaħdmu u li jitolbu leave għal raġunijiet speċifiċi eżempju, bidu ta' sena skolastika tat-tfal, u ma jingħatawx dan il-leave minħabba li jkun hemm persuni oħrajn li jkunu talbu l-leave għall-istess ġurnata, b'mod partikolari fil-fabbriki?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond L-Ordni ta’ Standard Nazzjonali ta’ 1989 dwar Jum ta’ Mistrieh fil-Gimgha u Leave ghal Vaganza Annwali (A.L. 38 ta’ l-1989), leave bi ħlas jingħata lil ħaddiem bi ftehim mal-prinċipal. Il-prinċipal, qabel ma jagħti l-kunsens tiegħu għal dan il-leave bi ħlas jista jieħu in konsiderazzjoni l-operat tal-intrapriża . Għalhekk jista jkun hemm każi fejn il-prinċipal ma jkunx jista jagħti leave bi ħlas minħabba ċirkustanzi bħal per eżempju meta jkun hemm impjegati oħra li jkunu se jingħataw leave bi ħlas fl-istess ġurnata.
B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 27823, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma mħallsa mill-Viset u għalxiex intużat din is-somma? Kemm ġew jiswew it-tlett xogħlijiet artistiċi li se jsiru fil-Cottonera Waterfront u liema artisti ġew ikkommissjonati għal dawn ix-xogħlijiet?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Malta Resource Authority fil-bdil tar-rata ta' surcharge fuq l-elettriku u dwar iċ-ċaqliq tal-prezzijiet tal-fuel? Skond il-liġi l-MRA trid tapprova tali tibdil?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din il-mistoqsija diġa ġiet imwieġba fil-25 ta' Settembru 2007 u għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant għandu jgħamel riferenza għar-risposta ta' PQ 27201.
Nirriferi lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 27534. Jista' issa jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulata f'kull kuntratt li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu ta' programmazzjoni 2004-2006 u taħt il-programm ta' pre-adeżjoni? Kemm saru pagamenti s'issa, x'kien l-ammont ta' kull pagament u meta sar? X'hemm flus kommessi s'issa għan-nefqa din is-sena?
Nirriferi lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi għat-tweġibiet mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għal mistoqsijiet parlamentari 23726, 25904 u 27535 dwar xiri ta' karozzi. Jista' l-Prim Ministru issa jikkonferma li x-xiri taż-żewġ karozzi kien skond Ċirkolari Nru. 5/98 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi? Huwa minnu li x-xiri ta' dawn il-karozzi ma kienx skond il-proviżjonijiet taċ-ċirkolari msemmija?
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsijiet parlamentari 26778 u 27547 dwar investiment dirett barrani f'Għawdex, jista' l-Prim Ministru issa, wara erba' xhur li ilni nitlobulu, jagħtini t-tagħrif li tlabtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27547.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu amministrati l-fondi ta' l-UE li jaqgħu taħt il-Lifelong Learning Programme mill-MCAST? Min hija l-persuna responsabbli minn dawn il-fondi? Jista' jgħid jekk hux qed jiġu segwiti l-proċeduri li ssegwi l-EUPA?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fondi msemmija qed jiġu ikkordinati mill-Uffiċju tal-Programmi Internazzjonali flimkien ma' l-Uffiċju tar-Reġistrar fi ħdan l-MCAST. Il-proċeduri stabbiliti mill-EUPA qed jiġu segwiti flimkien ma' proċeduri nterni tal-Kuleġġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sewwieqa li nqabdu jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Fl-istess żmien kemm twaqqfu sewwieqa u ġew mitluba jagħmlu l-breathalyzer test?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru 2007, kien hemm 70 persuna li nstabu li kienu qed isuqu vettura taħt l-influwenza tax-xorb, filwaqt li b'kollox kien hemm 111 sewwieqa ta' vetturi, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv.
Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru totali ta' persuni li talbu u ngħataw trattament fiċ-ċentru Detox fl-Isptar San Luqa fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija? Kemm kienu nisa u kemm rġiel? Kemm kienet l-iżgħar u kemm l-akbar eta' li talbet l-għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.