Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-bini tat-torri ta' l-arloġġ fil-Birgu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li kien ħareġ il-permess ta’ l-outline development mill-MEPA għar-rikostruzzjoni mill-ġdid tat-Torri ta’ l-Arloġġ fil-Birgu (PA838/05). Din is-sena ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida għar-rikostruzzjoni ta’ l-Arloġġ full development (PA 3601/07).
Sadanittant qabel ma jinbena t-torri u jsir il-pavimentar tal-pjazza, l-Ministeru għadu qed jistenna konferma bil-miktub mill-Kunsill Lokali li fil-pjazza mhux ser ikun hemm aktar parkeġġ kif maqbul mal-Kunsill. Din id-deċiżjoni għandha tirrifletti referendum li kellu jsir fil-lokalita' tal-Birgu sabiex id-deċiżjoni tittieħed favur l-għażla tar-residenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jitħallas l-operatur tas-CVA kull xahar għas-servizz li qiegħed jipprovdi? Jista' jgħid x'persentaġġ ta' flus hu dovut li jiġbor mid-dħul ta' kull xahar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-operatur tas-CVA jista’ jitħallas sa massimu ta’ Lm808,336 (inkl. VAT) fis-sena. Dan l-ammont jitħallas fix-xahar, skond kemm l-operatur ikun ġabar flus li għalihom ikunu ħarġu l-kontijiet:
65% fil-15 ta’ kull xahar
25% meta’ l-operatur tas-CVA jkun ġabar mill-inqas 85% ta’ l-ammont dovut
10% meta’ l-operatur tas-CVA jkun ġabar mill-inqas 95% ta’ l-ammont dovut
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' proġetti mwettqa mill-kumitati ta' rijabilitazzjoni matul is-snin 2006, 2007, inkluż l-ispiża fuq kull proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar li l-policy tat-twettiq ta' proġetti fl-areas tal-Belt Valletta u l-Floriana, Il-Kottonera u l-Imdina inbiddlet fis-sens li dawn qed jiġu imfassla u attwata mill-Ministeru. Fost dawn il-Proġetti hemm il-pavimentar ta' l-Imdina, il-pavimentar ta' diversi toroq fil-Belt Valletta, il-Barrakka ta' Fuq, l-ġnien Kottonera, il-ġnien ta' Ħastings u tal-Mall u diversi xogħlijiet ta' restawr eċċ.
Il-lista ta' proġetti mitluba mill-Onorevoli Interpellant ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21634, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal it-tħammil tal-bottleneck li hemm fis-Sokkors tas-Salini?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li t-tħammil tal-bottleneck li hemm fis-Sokkors tas-Salini għadu fl-istadju tal-permessi tal-MEPA. L-applikazzjoni għal permess tal-MEPA għal dawn ix-xogħlijiet qegħda f’istadju ta’ konsultazzjoni ma’ partijiet interessati f’din iż-żona. Fil-fatt il-MEPA irċeviet oġġezzjonijiet fosthom mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar u mill-ADT.
B'riferenza għax-xogħlijiet tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid:
i) jekk inbnewx xi ġibjuni bħala parti mix-xogħol u jekk fl-affermattiv x'inhi l-capacity tagħhom?
ii) kemm ġew jiswew ix-xogħlijiet sal-lum?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-ġibjuni li nbnew bħala parti mix-xogħol imsemmi hawn fuq huma:
· Erba Mwieżeb roundabout – Ġibjun -Volum 112m3
· Erba Mwieżeb ma’ Triq Burmarrad – Ġiebja (Sump) Volum 91m3
· Xemxija roundabout (ta’ Fuq) – Ġibjun - Volum 274m3
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, il-pagamenti li ġew iċċertifikati fuq dan il-proġett huma ta’ Lm2,427,412.31 (sa Interim Numru 6)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm spiċċaw suldati mill-armata, u wara reġgħu kienu ngaġġati bħala suldati fl-istess armata? Is-snin li jkunu għamlu qabel jigu kkonsidrati wara r-ri-ingaġġ jew jibdew jgħoddu mill-ġdid? Fl-aħħar snin, kien hemm xi każ fejn ingħaddewlhom flimkien, jew kollha kellhom jibdewlhom mill-bidu?
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitbiddel il-bus shelterta' l-inħawi ta' Saint Peter's f'Ħaż-Żabbar, għax qed ikun ta' inkonvenjenza għal kulmin juzah?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-ADT għandha Bus Shelter ġdid ordnat mingħand Faces LTD. Infurmat ukoll li l-ADT weħlet Bus Shelter mill-qodma sabiex il-passiġġieri jkollhom lqugħ sakemm jiġi pprovdut il-Bus Shelter il-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-budget ivvutat għall-iskemi tal-bdil jew manutenzjoni tal-galleriji ta' l-injam mill-MEPA?
Jista' jgħid liema huma l-fondi mill-MEPA li se jintużaw għal dan l-iskop? Kemm hu mistenni li jdum il-proċess biex l-applikanti jirċievu l-għajnuna minn din l-iskema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-fondi vvutati għall-iskemi ta' bdil jew manutenzjoni tal-galleriji ta' l-injam mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huma Lm60,000. Jekk it-talba mill-pubbliku taqbeż is-somma msemmija, hemm diġá ftehim mal-Ministeru tal-Finanzi biex dan l-ammont ikun rivedut.
Il-perjodu ta' l-ipproċessar jiddependi minn kemm jid]lu applikazzjonijiet.
Minħabba li wasluli numru ta’ ilmenti dwar nuqqas ta’ technicians fl-iskola Junior Lyceum Boys tal-Hamrun, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm technicians fil-preżent li qed jidħlu għax-xogħol u kemm suppost huwa l-full compliment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent f'din l-iskola hemm żewġ technicians. Se jsiru arranġamenti biex jintbagħat technician ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid min hija l-persuna li tqabbdet mill-MCAST biex tkun bħala external member waqt l-interviews li jsiru mill-kulleġġ? X’inhi r-raġuni li jkun hemm din il-persuna waqt dawn l-intervisti? Kif ġiet magħżula u kemm qed titħallas?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-counsellor ġewwa l-MCAST? Min ġie magħżul u meta? Xi kwalifiki għandha din il-persuna u kif sar il-proċess ta’ l-għażla?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu x-xogħol tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma’ l-MCAST meta din taħdem full-time ma’ l-MPO?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jintbgħat għalliem ta’ l-Ingliż li ilu nieqes sa mill-bidu tas-sena skolastika fil-Junior Lyceum tal-bniet ta’ l-Imrieħel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent ma hemm ebda nuqqas ta' għalliem/a ta' l-Ingliż fl-iskola konċernata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kien applika taħt l-indirizz li qed jidher separatament għall-permess biex jixtri cab li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jużah għall-hire services 13-il sena ilu baqa' qatt ma ngħata tweġiba ċara mill-ADT minkejja li sa ftit xhur ilu kkonfermawlu li l-każ kien għadu qed jiġi pproċessat u li l-file kien għadu eżistenti? Minkejja li jmur lura għal żmien il-Public Transport Authority, l-applikant stqarr miegħi li l-Pulizija kienu kitbu lill-PTA nhar is-7 ta' Settembru 1994 permezz ta' ittra li r-referenza tagħha qed tidher separatament mibgħuta mill-Msida Police Office, liema ittra rajt kopja tagħha, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta din l-applikazzjoni hi mistennija tiġi deċiża u jekk diġa' ġiet deċiża jgħid għaliex l-applikant qatt ma ġie mgħarraf b'dan?
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24818 u 25647 u għat-tweġibiet relattivi, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsab il-proġett ta' l-awtorita' tad-djar li jikkonsisti f'kumpless residenzjali ta' 60 appartament u block ta' 21 unit maħsub biex jiġi allokat lil persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali u li skond it-tweġiba tal-Ministru li ngħatat fis-7 ta' Mejju 2007, għandu jinkludi wkoll day centre għall-anzjani, child day care centre, 85 garaxx kif ukoll landscaped area? Tista' tgħid f'liema area tas-Siġġiewi dan il-kumpless huwa ppjanat u tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-kumpless? Tista' tgħid meta huwa ppjanat li dan il-kumpless jitlesta u jkun fully operational?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti hu ppjanat fuq art fi Triq l-Imdina, kantuniera ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, is-Siġġiewi.
Ninsab infurmata wkoll li dan il-proġett qiegħed fl-istadju ta’ proċessar preliminari mill-MEPA u l-iżvilupp u l-ippjantar tiegħu f’aktar dettal ser isir meta jinħarġu l-permessi meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 27825 u 27950 u għar-risposti relattivi, jista' l-Prim Ministru jgħid kif intgħażlet dik l-impjegata partikolari mit-tmien EAs magħżula kif intqal f'mistoqsija parlamentari 27498?
Jista' l-Ministru jgħid kemm resqu nies għall-eżami tas-sewqan mit-12 ta' Mejju 2004 sat-30 ta' Settembru 2007? Kemm minnhom għaddew mill-ewwel test? Kemm weħlu mill-ewwel test? Kemm weħlu mit-tieni test? Kemm weħlu mit-tielet test? Kemm weħlu mir-raba' test? Kienx hemm persuni li resqu għat-test aktar mir-raba' u mill-ħames darba u jekk iva, kemm kienu dawn il-persuni?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li resqu 26624 nies għall-eżami tas-sewqan mit-12 ta' Mejju 2004 sat-30 ta' Settembru 2007
Fosthom
6149 għaddew mill-ewwel test
4089 weħlu mill-ewwel test
2007 weħlu mit-tieni test
942 weħlu mit-tielet test
385 weħlu mir-raba' test
146 weħlu mill-hames test
96 weħlu ghas-sitt test u aktar
Jista' l-Ministru jikkonsidra serjament li jiġi rtirat il-każ b'applikazzjoni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema applikazzjoni ġiet sottomessa mill-ADT bi pjanta proposta ta' traffic flow fix-xatt ta' Qui-Si- Sana mill-perit li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Taf il-Ministru li l-proġett li kien sar mill-gvern ċentrali f'Ħal Farruġ, jiġifieri madwar il-blokki ta' l-appartamenti l-ġodda għadu ma tlestiex, partikolarment fl-area ta' Blk G fejn hemm il-ħwienet li kienu nkrew mill-gvern? Tista' tgħid għaliex dan ix-xogħol ma tlestiex meta hemm inkonvejenti kbar u riskji bla ħtieġa għas-saħħa tar-residenti li jagħmlu użu mill-uniku ħanut tal-merċa li hemm fl-akwata? Tista' tgħid meta dan ix-xogħol se jitlesta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett ta’ landscaping li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti, għalkemm hu finanzjat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, qed jiġi esegwit mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa.
Ninsab infurmata wkoll li kien hemm xi problemi bejn il-Kunsill u l-kuntrattur li mistennija jiġu diskussi, flimkien mad-Dipartiment imsemmi, fil-ġranet li ġejjin bl-iskop li jiġu risolti u x-xogħol ikun jista’ jitkompla u jitlesta.