Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930 u 28058 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27236, 27802, 27929 u 28059 u jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum kemm kien hemm każi ta' qtugħ ta' dawl f'Malta u f'Għawdex, bid-dati, bit-tul ta' ħin u lokalita' b'lokalita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 28095 li saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u issa ġiet riferuta lilha u tara li d-Dipartiment ta' l-Artijiet jaġġusta l-kera tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li romlot fit-2 ta' Awissu, 2007?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratt tal-kera dwar ir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma jipprevedix li ssir revizjoni tal-kera wara xi żmien jew bdil fiċ-ċirkostanzi ta’ l-inkwilini.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 27838 u ċioe: B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27380, tista' l-Ministru tagħti l-istess tagħrif għall-bliet u rħula Maltin għall-istess medda ta' żmien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li l-persuni jistgħu jiġu identifikati, partikolarment fejn kien hemm persuna waħda jew tnejn f’lokalita’, ma nħossx li għandhom jiġu ppublikati r-raġunijiet mediċi.
Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru tiegħu u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din mhix materja li tispetta lill-Ministeru tiegħi.
Fid-dawl ta' l-istqarrija tal-Malta Football Association fejn minn meta tibda l-ewro f'Malta l-prezzijiet se jogħlew sostanzaljment, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-MFA talbitx jew ikkonsultatx ruħha mal-ministeru li taħtu jaqa' l-isports u jekk il-ministeru aċċettax din iż-żieda fid-dħul mill-1 ta' Jannar u r-rounding up goff li se jsir minħabba l-ewro?
B’riferenza għal mistoqsija parlamentari 27867, jista' l-Ministru jgħid meta hu suppost li kellhom jinbdew ix-xogħlijiet? Meta fil-fatt dawn bdew? Meta kellu jitlesta dan il-lift biex jintuża mir-residenti? Jekk ma jitlestiex fiż-żmien stipulat, hemm penali mposti fuq dan il-kuntrattur? Jekk fl-affermattiv, kemm huma dawn il-penali? Qegħdin jithallsu? Kemm kien stmat li jiġi jiswa dan il-lift? Kemm ġej jiswa fir-realtà?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntrattur ingħata d-data tas-26 ta’ Frar 2007 bħala l-ġurnata biex jinbeda x-xogħol fuq il-lift li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Ix-xogħol inbeda fil-ġurnata stabbilita u kellu jitlesta sat-13 ta’ Awissu 2007.
Ninsab infurmata wkoll li xogħol kien stmat li se jiswa Lm17,000 u ingħata b’offerta għal Lm15,098.48. Fil-każijiet fejn kuntrattur ma jonorax id-data tat-tlestija, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet validi, l-Awtorita’ tad-Djar timponi penali ta’ Lm20 għal kull ġurnata, inkluż Ħdud u festi, li tgħaddi wara din id-data. Dawn il-penali jiġu mnaqqsa mill-pagamenti dovuti lill-kuntrattur.
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-vakanzi ta' Precinct Officers fid-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni? Kemm hemm vacancies u minn liema skala jistgħu japplikaw għal dawn il-postijiet ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull Kulleġġ ikollu Precincts Officer tiegħu. Dawn il-vakanzi ser joħorġu fil-futur qrib, izda qed isiru diskussjonijiet mal-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-iskala li minnha l-impjegati jkunu jistgħu japplikaw għal dawn il-vakanzi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28062 u 27558 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' nursing aids Għawdxin li hemm Malta bis-seniority, bid-data tal-appointment tagħhom fil-grad ta' nursing aid u bil-post tax-xogħol tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Fil-lista jidher li hemm xi persuni li għalkemm jidhru lura fil-lista ta' priorita' dawn ilhom jaħdmu ġewwa Għawdex. Ir-raġuni hi li bejn it-13 ta' Ottubru 1997 u l-5 ta' Settembru 1998 kienu ntbagħtu numru ta' persuni ġewwa Għawdex mingħajr ma ngħatat kunsiderazzjoni tal-lista ta' priorita'.
Hemm ukoll 4 persuni li ntbagħtu Għawdex bejn is-7 ta' Diċembru 1998 u l-14 ta April 2003 li żewġ każi minnhom intbagħtu hemm temporanjament minħabba raġuni umanitarja waqt li tnejn oħra kienu fuq quddiem nett tal-lista.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27704 u r-risposta mogħtija, jista' l-Prim Ministru jgħid kif intnefqu Lm136,262,989.62 li Malta rċeviet mill-Unjoni Ewropea? F'liema proġett ntnefqu dawn il-flus?
B'referenza għat-Timber Carriers Russi jista' l-Prim Ministru jinfurmani jekk kienx hemm xi żvilupp fuq il-flus dovuti msemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5564 tas-6.06.04?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta qed tagħti tlett xhur biss ċans minn mindu jitwaħħal servizz ġdid biex il-familji jwaħħlu solar water heaters ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn refund fuq il-meter tad-dawl u l-ilma? Ma jaħsibx li koppji żgħażagħ li jkunu qed jirranġaw d-dar fejn joqogħdu ikollhom bżonn servizz tad-dawl minn qabel ma jidħlu fid-dar tagħhom u ma jkunux jistgħu jwaħħlu s-solar water heater minn qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li jiġu nvestigati lmenti li d-disposable nappies li jingħataw lill-persuni diżabbli huma ta' kwalita' nferjuri ħażina ħafna u jitqattgħu malajr? Jistgħu jingħataw disposable nappies tajbin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-servizz indikat mill-Onor. Interpellant hu provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 27568 u 27829 u 27978 u 28119 ċjgħid x'passi ħa dwar ittra mibgħuta lilu fit-18 ta' Settembru, 2006 minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub peress li għaddiet sena oħra u baqa' l-istess storbju eċċessiv sas-siegħat bikrin ta' filgħodu b'inkonvenjenza għall-ġirien?
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645 jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28123 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?
Jista' l-Ministru jikkonsidra dan is-suġġeriment li wasalli minn kostitwenti tiegħi li l-iskejjel ta' l-istat jibdew ikunu attrezzati b'fitness centres (fejn ikun jippermetti l-ispazju fiżiku) u dawn imbagħad jibdew ikunu miftuħin għall-komunita' wara l-ħin ta' l-iskola, anke bi ħlas żgħir simboliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed nieħu nota tas-suġġeriment ta' l-Onor. Kollega.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li z-zuntier tal-knisja ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid ikun mogħni b'pavimentar ġdid u modern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-pavimentar kif ukoll xogħlijiet oħra relatati maz-zuntier tal-Knisja ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid huwa inkluż fil-programm ta' xogħlijiet għas-sena d-dieħla.