Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fawran ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tiġi ndirizzata l-problema li ilha pendenti snin sħaħ - minkejja miżuri parzjali li ttieħdu xi tliet snin ilu - biex il-Familja Cumbo, Block 1, Flat 5, St Patricks HE, Pembroke, ma jibqgħux jkollhom fawran tad-drenaġġ ta' ħaddieħor fil-basement tagħhom kull meta tagħmel xi maltempata kbira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma, bl-għajnuna tad-Dipartiment tas-Sanita’, qed tinvestiga x’jista jsir biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema.

Pembroke — Poor Street Lighting

Question

Minħabba fid-dawl baxx u poor street lighting li ilhom jilmentaw dwaru r-residenti ta' partijiet ta' St Patricks, HE, Pembroke, jista' l-Ministru ġentilment jara li tiġi ndirizzata din il-problema b'mod partikolari qrib Block 1?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tad-dawl pubbliku jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u mhux ta' l-Enemalta.

Karozza tal-Linja Nru 64

Question

Peress li l-karozza tal-linja nru 64 li oriġinarjament kienet għall-użu tas-servizz tar-residenti tas-Swieqi, issa milli jidher qed taqdi wkoll lir-residenti ta' Paceville, jista' l-Ministru jara jekk dan is-servizz jistax jirritorna għal kif kien ippjanat oriġinarjament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-Rotta 64 ġiet estiza sabiex tgħaddi minn Paceville minħabba li n-numru ta’ passiġġieri li jużaw din ir-rotta għas-Swieqi huwa minimu ħafna u għaldaqstant, mhux vijabbli li din ir-rotta titħalla esklussivament għar-residenti tas-Swieqi. Sabiex ir-residenti tas-Swieqi jinqdew aħjar, il-frekwenza ta’ din ir-rotta ġiet miżjuda minn kull siegħa għal kull nofs siegħa.

Applikazzjoni

Question

Billi ġejt infurmat bħalma ġew nfurmati l-kollegi membri b'ittra fuq PA 7425/05, jista' l-Ministru jinfurmani jekk dawn il-pjanti ġewx modifikati u jekk is-site notice għandhiex terġa' titwaħħal? Jista' jinfurmani jekk r-residenti hux se jkollhom ċans biex jitkellmu fuq il-proġett kif kien ġie propost u jekk dawn il-pjanti jmorrux kontra xi local plan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni PA 7425/05 li għaliha qiegħed jirreferi kienet deċiża fit-22 ta' Mejju 2006 u ma jidhirx li hemm kwestjonijiet pendenti dwarha.

MEPA — Applikazzjoni għall-iżvilupp

Question

Jaf il-Ministru li saret applikazzjoni bin-numru li qed jintbagħat separatament, lill-MEPA konċernanti żvilupp ta' proprjeta' ġewwa Tal-Pieta'? Jaf li din l-applikazzjoni ilha pendenti żmien twil sabiex tinstema' quddiem id-DCC Board B? Jista' jispjega x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu u jista' jintervjeni sabiex il-proċeduri jsiru b'aktar speditezza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 468/06 ma tikkonċernax il-Pietà u kienet deċiża fid-19 ta' Ġunju 2006.

MTA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiet impjegata ma' l-awtorita' marittima Maltija? Jista' jgħid: a) saritx sejħa pubblika għal impjieg ta' Berthing Master li tiegħu din il-persuna ngħatat l-impjieg? b) xi kwalifiki jew/u esperjenza għandha din il-persuna biex ingħatat dan l-impjieg? c) kemm hu s-salarju u x'inhuma l-kondizzjonijiet l-oħra li ngħatat din il-persuna għal dan l-impjieg? d) jekk xogħol ta' Berthing Master jinvolvix ukoll ħruġ u għoti ta' liċenzji kif ukoll l-għoti ta' l-irmiġġi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuna konċernata ġiet impjegata bħala berthing master ma’ l-Awtorita’ Marittima fl-2001 wara sejħa pubblika fil-gazzetti lokali. Is-salarju tiegħu hu ta’ 21,465 ewro u għandha l-użu ta’ mobile phone. Hu responsabbli għall-irmiġġi fil-yacht marinas ta’ l-Awtorita’ liema proċess ma jinvolvix il-ħruġ ta’ liċenzji.

MTA — Berthing Master

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien/kienet il-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta' Berthing Master ma' l-awtorita' marittima Maltija qabel ingħata l-impjieg lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid għaliex ġie tterminat l-impjieg ta' din il-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta' Berthing Master u meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta’ berthing master qabel huwa impjegat ta’ l-Awtorita Marittima, u jokkupa l-kariga ta’ Personnel Manager.

MTA — Jott "Quest"

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u fuq liema kriterji l-jott "Quest" ingħata rmiġġ permanenti mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-yacht “Quest” ingħata rmiġġ fuq bazi annwali (maghruf bhala ‘permanenti’) fl-1 ta’ Ġunju 1998 meta dan daħal minflok yacht ieħor li kien diġa jgawdi minn kuntratt ta’ rmiġġ fuq bazi annwali. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf min kien imexxi l-Malta dak iż-żmien.

Ħal Qormi — Triq Mons. Gerald Frendo - lampi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq Mons. Gerald Frendo f'Ħal Qormi li nbniet f'dawn l-aħħar xhur għadu ma ġiex installat dawl tat-triq kif ukoll lampi ġodda, bil-konsegwenza li f'partijiet minnha għad hemm ħafna dlam?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tad-dawl pubbliku jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u mhux ta' l-Enemalta.

Proġetti ko-finanzjati mill-UE

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulata f'kull kuntratt li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2004 - 2006? Kemm saru pagamenti s'issa, x'kien l-ammont ta' kull pagament u meta sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28088.

Proġetti f'Għawdex

Question

Nirriferi lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 27534. Jista' issa jgħid x'inhi l-iskeda tal-pagamenti kif stipulata f'kull kuntratt li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f'Għawdex ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-perijodu ta' programmazzjoni 2004-2006 u taħt il-programm ta' pre-adeżjoni? Kemm saru pagamenti s'issa, x'kien l-ammont ta' kull pagament u meta sar? X'hemm flus kommessi s'issa għan-nefqa din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ kuntratti li qed jiġu ko-finanzjati mill-Kummissjoni Ewropea dwar proġetti f’Għawdex għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2004-2006. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra wkoll estratt minn kull kuntratt li jindika il-mod kif għandhom isiru l-pagamenti.

Impjegati 'l fuq minn 61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum li għandhom 'l fuq minn 61 sena? Min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mnn Jannar 2007 sal-lum il-Ministeru kellu dawn l-impjegati li għandhom ‘il fuq minn 61 sena kif ġej: Nru Post Grad Full-time/ Part-time Salarju Distrett 1 Kap tas-Segretarjat Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Full-time Lm831.61,5 Żabbar 1 Advisor Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji u s-Sajd Part-time Lm556.00,7 G’mangia 1 Secretariat Officer Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Full-time Lm525.53,8 Żejtun

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct orders minn Jannar 2007 sal-lum mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Nefqa fuq petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, tal-uffiċjali biss (eskluż l-użu ġenerali) separatament minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid liema uffiċjali huma intitolati għal petrol imħallas mill-Gvern fl-istess perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Nefqa fuq servizzi ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Nefqa fuq is-servizzi ta' l-internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz ta' l-internet provdut fir-residenzi ta' l-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament, uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Jista' jgħid min hu l-ISP f'kull każ separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kontijiet ta' mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'kontijiet ta' mobile phones fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?

Response (FRENDO, MICHAEL)

L-ammont f'kontijiet ta' mobile phones fil-Ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħti minn Jannar 2007 sal-lum hu kif ġej: Total € 123,530.24 (LM 53,017.27)

Proġetti finanzjati

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27561 dwar proġetti ko-finanzjati mill-UE, jista' l-Prim Ministru jagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28088.

Social benefit fraud

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' social benefit fraud maqbuda din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti? X'passi ħa d-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2007 kien hemm 1,045 każ li minn investigazzjonijiet li għamel id-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċji u Investigazzjoni irriżulta li kienu qed jabbużaw mill-benefiċċji soċjali. Ninsab infurmata wkoll li ebda persuna minn dawn ma tressqet il-Qorti. Minn naħa tagħha d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali twaqqaf il-benefiċċju li jkun qed jittieħed filwaqt li jsir dak kollu possibbli biex jinġabru lura l-flus mhux dovuti li jkunu tħallsu.