Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol ta' titjib fil-mini

Question

B'referenza għas-sejħa għal expression of interest sabiex isir xogħol ta' titjib fil-mini, jista' l-Ministru jgħid min irrisponda għal din is-sejħa? X'passi se jittieħdu issa wara li għalqet is-sejħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li dawn is-sitta irrispondew għas-sejħa: 1. Nexos Lighting 2. KDM Group of Companies 3. Koptasin 4. Complete Technical Services Co. Ltd. 5. Consortium – JRD Systems Ltd / Bitmac Services Ltd / Road Servicing Ltd. 6. Aplan Ltd. Bħal issa l-ADT qed taħdem fuq l-ispecifications sabiex tkun tista' tinħareg sejħa għall-offerti għall-istallazzjoni ta' sistema ġdida ta' dawl fil-min Ta' Ġiorni, San Ġiljan.

Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rrappurtati inċidenti tat-traffiku matul it-tnax-il xahar li għaddew, kull xahar separtament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Ottubru tas-sena 2006 sa l-aħħar ta' Settembru tas-sena 2007, l-inċidenti tat-traffiku investigati mill-Pulizija, kienu kif jidher hawn taħt:- Xahar Malta Għawdex Ottubru 06 396 14 Novembru 06 380 17 Diċembru 06 442 14 Jannar 07 368 11 Frar 07 368 14 Marzu 07 384 16 April 07 375 15 Mejju 07 417 10 Ġunju 07 445 19 Lulju 07 485 22 Awissu 07 464 25 Settembru 07 368 10 Total 4892 187 Infurmat ukoll illi l-informazzjoni li tirrigwardja inċidenti tat-traffiku li ġew irrappurtati lill-Gwardjani Lokali għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kumpanija Cenmed

Question

Jista' l-Ministru jispjega d-dettalji tal-ftehim li ntqal li ntlaħaq mal-kumpanija Cenmed għat-toroq f'Santa Marija Estate, il-Mellieħa? Jekk il-ftehim ġie ffirmat jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

S’issa il-ftehim formali għadu ma sarx. Il Ministeru għandu commitment minn għand ic-Cenmed li din lesta tonora l-obbligu tagħha, konfermat mill-qorti li din il-kumpanija tagħmel ix-xogħolijiet f’dawk it-toroq li qatt ma saru f’Santa Marija Estate. L-ADT għamlet stima ta’ dawn ix-xogħolijiet li telgħat aktar minn dak li kien stabbilixxa l-Perit tal-Qorti, iġifieri LM 400,000. Ic-Cenmed intrabtet li hija kienet lesta tgħolli l-kontribużżjoni tagħha għal LM 450,000 u tgħaddi l-flus lill-Gvern sabiex l-ADT tqabbad kuntratturi hi direttament wara li l–Kabinett approva din il-linja t’ażżjoni. Mbeda survey tas-sistema tad-dranaġġ sabiex ikun żgurat l- estent kollu tax-xogħol li hu meħtieġ. Din is-survey tlestit f’dawn il-ġranet u hu mistenni li l-ftehim ikun formaliżżat u x-xogħol fuq it-toroq jinbeda.

Detention Services — RSC

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għala ċertu surġent li qiegħed misluf mad-Detention Service ma ġiex imsejjaħ lura bħall- kumplament tal-membri li kienu fl-istess Detention Service peress li hu fatt magħruf li l-membri tar-Revenue Security Corp li kienu mislufin (attached) ma' reġimenti jew kumpaniji oħra fi ħdan l-Armata ġew msejħa lura fil-korp skond l-esiġenza ta' l-Armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li hu mifhum li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant qed jaqdi doveri essenzjali fit-tmexxija tad-Detention Centre ta’ Ħal Safi u għaldaqstant għal issa mhux fl-interess tas-Servizz li dan jintbagħat lura mar-Revenue Security Corps. Ta’ min jinnota li apparti dan l-individwu bħalissa hemm tlettax-il membru ieħor tar-Revenue Security Corps li huma mislufin ma’ entitajiet oħra ta’ l-Armata barra l-istess korp.

Forzi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux il-confidential reports tas-sena 2006 fil-Forzi Armati, fir-Reġimenti kollha u fejn ma sarux jista' jgħid għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-confidential reports tas-sena 2006 għadhom mistennija li jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Forzi Armati — Klawsola tal-Irtirar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24747 liema tweġiba ngħatat fis-seduta 542, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li meta daħlet fis-seħħ għal ewwel darba l-klawsola ta' l-irtirar mill-Forzi Armati, s-suldati kienu ġew mgħarrfa wkoll li dawk l-individwi li meta jagħlqu 55 sena u ma jkunux laħqu servew għal 25 dawn jingħatalhom iċ-ċans li jibqgħu jservu sakemm jagħlqu 25 sena servizz jew l-eta' ta' 61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li taħt il-Gvern Laburista immexxi dak iż-żmien minn Alfred Sant, l-iskema ta’ irtirar obbligatorju mill-Forzi Armati fl-età ta’ 55 sena ddaħħlet b’mod arbitrarju nhar il-5 ta’ Diċembru 1997, u inqas minn xahar qabel ma bdiet tiġi mplimentata fl-1 ta’ Jannar ta’ wara. Dan wassal biex minnufih, disa’ membri tal-Forzi Armati kellhom itemmu l-impjieg tagħhom u kienu mġiegħla jirritornaw il-kit tagħhom dak il-ħin stess mingħajr ma kellhom żmien adegwat biex ikunu jistgħu ifittxu mpjieg alternattiv. Kienu biss ftit l-eċċezzjonijiet li ngħataw, primarjament lil dawk li ddaħlu fil-Forzi Armati fl-1986/87. Bil-għan li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jkollhom żmien biżżejjed biex iqisu l-futur tagħhom wara l-irtirar tagħhom mill-militar, nhar it-22 ta’ Diċembru 1998 il-Gvern Nazzjonalista ġdid informa lill-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta li l-iskema ta’ irtirar obbligatorju kellu jidħol fis-seħħ għaxar snin wara, u cioé għaxar snin wara l-5 ta’ Diċembru 1997. B’hekk dawk is-suldati li kienu se jkunu milquta bl-iskema ta’ l-irtirar issa kellhom għaxar snin biex jaħsbu fuq il-futur tagħhom.

Iklin — Triq Ċensu Busuttil

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-linji ta' Triq Ċensu Busuttil, Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Huwa ferm apprezzat li l-Onor Interpellant jikklarifika għal liema linji qed jirreferi f'din il-mistoqsija parlamentari sabiex it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku tkun f'pożiżżjoni li tinvestiga dan il-każ.

Iklin — Tnaqqis ta' traffiku

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jara tistax tinstab xi soluzzjoni sabiex jitnaqqas it-traffiku minn Triq Guze Pesci u Triq Ninu Cremona, Iklin, peress li issa din it-triq qed jgħaddi minnha t-traffiku kollu li jkun irid immur n-Naxxar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-kunsill lokali Iklin kien nieda sistema tat-traffiku sabiex jindiriżża il-problema li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari iżda tali sistema kellha impatt negattiv fuq bnadi oħra u ma kienetx effettiva' daqskemm mixtieq. L-Awtorita' Dwar it-Trasport ma rċeviet l-ebda proposta oħra mill-kunsill lokali.

Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħa jsiru il-bankini ta' toroq Guze Pesci, Ninu Cremona u Patri Cuschieri, Iklin?.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-toroq imsemmija kollha fihom bankina u r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Kunsill Lokali.

Mdina — Public convenience

Question

Jista' l-Ministru jeżamina l-kundizzjoni tal-public convenience li hemm f'Howard Gardens, l-Imdina peress li qiegħed ikun hemm ilmenti kontinwi min-nies li jużawha li jkun fiha ħsarat sikwit? Jista' jara li din il-public convenience li tintuża ħafna peress li hi biswit il-bieb ta' l-Imdina tingħata supplies biżżejjed peress li sikwit ma jservux?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-kundizzjoni tal-public convenience li hemm f' Howard Gardens l-Imdina hija relattivament tajba. Din ġiet mibnija mill-ġdid riċentament flimkien mal-proġett ta' tisbieħ tal-ġnien imsemmi. Il-ħsarat illi jkun hemm f'din il-latrina jiġu indirizzati mill-ewwel mid-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-indafa. Dwar supplies dawn jingħataw dejjem skond il-ħtieġa.

CVA

Question

B'riferenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 27966, jista' l-Ministru jgħid jekk il-forward projections li kienu saru fir-rapport ta' l-2004 ġew riveduti peress li l-iskema ta' CVA tapplika biss għal Belt (mhux inkluża l-Floriana)? Jekk fl-affermattiv, jista' l-ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-financial feasibility rivedut?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-evalważżjoni finanżjarja li qgħedt fuq il-Mejda tal-Kamra fuq l-ewwel talba ta’ l-Onor. Interpellant kien fiha l-elementi kollha li ppermettiet it-tbassir ta’ l-impatt finanżjarju ekwivalenti tad-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern wara l-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni.

Toroq upgraded

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27970 u jgħid liema huma t-toroq arterjali li ġew upgraded matul is-sena 2006 u 2007 u x'kienet in-nefqa tax-xogħlijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Belt Valletta — Flats tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid fuq liema kriterji huma eżentati mill-ħlas tal-konsum ta' l-elettriku tal-lifts dawk il-familji li jabitaw fil-blokk flats tal-gvern li hemm f'dawn it-toroq fil-Belt Valletta: Mediterran, S. Kristophru, Sant Ursula, u San Duminku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-blokk li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux ta’ l-Awtorita’ tad-Djar u l-lifts fih ma ġewx stallati mill-Awtorita’. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat..

Iklin — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara kif se jitnaqqas it-traffiku mit-toroq Ġuże' Pesci u Ninu Cremona fl-Iklin, peress li issa minn din it-triq qed jgħaddi t-traffiku kollu li jkun irid imur in-Naxxar? Tista' tinstab xi soluzzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Lokali ta' l-Iklin ser jimplimenta skema be prova għal ġimgħatejn bl-iskop li jitnaqqas it-through traffic minn ġo l-Iklin.

Iklin — Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-bankini tat-toroq Ġuże' Pesci, Ninu Cremona u Patri Anastasju Cuschieri fl-Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-toroq imsemmija kollha fihom bankini u r-responsabilta' tal-manutenzjoni tagħhom taqa' taħt il-Kunsill Lokali.

Promozzjonijiet fl-Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jerġħu joħorġu l-promozzjonijiet fl-Armata skond kif ħabbar is-Segretarju Parlamentari l-Onor. Tony Abela f'artiklu fil-gazzetta "In-Nazzjon" datat 15 ta' Jannar 2007 fejn qal li l-promozzjonijiet mhux se jdumu biex jerġgħu joħorġu matul is-sena kurrenti? Jista' jgħid jekk jistgħux jerġgħu jiġu promossi nies li ħadu promozzjoni s-sena l-oħra, kemm f'dawk li huma other ranks u high ranks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess tal-promozzjonijiet inbeda u għandu jitlesta fix-xhur li ġejjin. Il-promozzjonijiet ser jingħataw skond l-esiġenzi tas-Servizz.