Legislature:
Category:
Reset
Active:

Apparat tal-breathalyser

Question

Issa li l-Viċi Prim Ministru ħabbar li nxtara tagħmir ġdid tal-breathalyser għall-użu tal-pulizija, jista' jgħid kemm hemm pulizija li huma mħarrġa speċifikament fuq dan it-tagħmir? Kemm-il sewwieqa twaqqaf s'issa matul din is-sena u kemm weħħlu mit-test? Kemm minnhom kienu barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-apparat il-ġdid tal-breathalyser mistenni li jasal għand il-Pulizija aktar tard matul din is-sena, meta mbagħad ikun jista' jingħata it-taħriġ. Infurmat ukoll bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Ottubru 2007, kien hemm 132 sewwieqa ta' vetturi, 16 ta' nazzjonalita' barranija, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżulta fl-ewwel test fit triq kien pożittiv. Minn dawn, kien hemm 87 li kellhom riżultat pożittiv, li minnhom 16 kienu ta' nazzjonalita' barranija. Saru aktar testijiet li kienu negattivi. Iċ-ċifri ta' hawn fuq jirreferu biss għal testijiet posittivi.

Clubs tal-football

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet minn clubs tal-football biex tingħatalhom biċċa art biex jibnu ground tagħhom? F'liema lokalitajiet? Meta saret kull talba?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Nies jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, maqsuma f'irġiel u nisa? F'kull każ kemm huma taħt it-21 sena? Kemm minn dawn tal-aħħar ilhom jirreġistraw aktar minn sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta’ Settembru 2007 fuq l-Ewwel Parti u t-Tieni Parti tar-Reġistru kien ta’ 5,940 u 689 rispettivament. Kien hemm 4,941 irġiel u 1,688 nisa. Minn dawn kien hemm 671 persuna taħt l-20 sena, 377 irġiel u 294 nisa. Kien hemm 2,566 persuni li kienu ilhom jirreġistraw minn 12-il xahar ‘il fuq, 2,166 irġiel u 400 nisa. Nirreferi lill-Onor. Membru li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għandha taqsimiet ta’ l-etajiet differenti minn dik mitluba. B’hekk il-figuri mgħotija kienu taħt l-20 sena u mhux taħt il-21 sena. Informat ukoll li kien hemm 298 persuna Ii sabu xoghol matul ix-xahar ta’ Settembru 2007 u li qabel kienu qed jirregistraw ghax-xoghol ma’ l-ETC.

Ezenzjonijiet mill-VAT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21801, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-VAT? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-għaqdiet jew persuni? Jista' jgħid kemm kien l-effett finanzjarju wara kważi sena jew inkella l-istima li kienet saret?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Bollards

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 27989 fejn fiha nixtieq inżid li possibbli li f'din l-art m'hemm ħadd li hu responsabbli għat-twaħħil ta' dawn il-bollards, u ġaladarba ħadd ma ta xi permess li dawn isiru, allura illegali, xi ħadd jagħti l-ordni beix dawn jitneħħew mill-pulizija? Naħseb li wara sena ta' ġiri f'kull dipartiment, ir-residenti għandhom dritt ta' risposta ċara u tonda. L-artikolu 213 tal-Kodiċi Ċivili Maltija Kapitlu 13 jitkellem fuq każi bħal dawn. La huwa daqshekk ċar, dawn il-bollards jistgħu jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28552.

Qtugħ ta' dawl

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27236, 27802, 27929, 28059 u 28258 u jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum kemm kien hemm każi ta' qtugħ ta' dawl f'Malta u f'Għawdex, bid-dati, bit-tul ta' ħin u lokalita' b'lokalita'?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Lulju kien hemm 176 qtugħ ta' dawl aktar minn nofs siegħa ippjanat mill-korporazzjoni ta' l-Enemalta b'medja ta' erba' siegħat għal kull qtugħ u 157 qtugħ ta' dawl kawża ta' fault għal aktar minn nofs siegħa b'medja ta' 3.1 siegħat kull qtugħ.

Fund for good causes

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930, 28058 u 28255 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Storbju eċċessiv

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 27568, 27829, 27978, 28119 u 28411 u jgħid x'passi ħa dwar ittra mibgħuta lilu fit-18 ta' Settembru, 2006 minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub peress li għaddiet sena oħra u baqa' l-istess storbju eċċessiv sas-siegħat bikrin ta' filgħodu b'inkonvenjenza għall-ġirien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta l-ittra waslet, uffiċjal tas-Segretarjat Privat tiegħi għadda l-ittra lill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern sabiex il-pulizija jinvestigaw il-każ u jieħdu l-passi meħtieġa.

Dar Malta fi Brussell

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645 u jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28123 u 28412 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Art li ilha tinħadem

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex it-talba E37/202/1/705 ma ġietx rikonoxxuta meta hemm evidenza li l-art ilha tinħadem mill-antenati tal-familja ta' min oriġinarjament għamel it-talba u ssottometta anke ritratti? Jista' jara li jiġu riveduti d-deċiżjonijiet u cioe' lill-persuna konċernata tkun rikonoxxuta li taħdem ir-raba in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art suġġett tal-applikazzjoni in kwistjoni hija ta' daqs u għamla li żgur ma tistax tissejjaħ għalqa u li fiha jinħadmu, skond l-istess applikazzjoni, imkatar żgħar ta' art u tinsab f'nofs xagħri ta' daqs ħafna akbar. Mhux prattiku, l-anqas minn sens ta' żamma ta' arkivji ta' proprjeta' tal-Gvern, li tingħata kirja għal kull maktur art li qiegħed jinħadem.

Temporary state aid

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li minkejja t-temporary state aid li kellu jaħseb li jpaċi d-differenza fuq il-prezz tal-laħam aħmar/bee,f wara sħubija fl-UE għola bi aktar minn Lm5.25c fil-kilo għal dak li huwa tenderloin/fillet? Għaliex il-gvern tal-Prim Ministru daħak bil-poplu dwar din il-kwestjoni ukoll?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Flus mill-UE

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27704 u r-risposta mogħtija, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28372 u jgħid kif intnefqu Lm136,262,989.62 li Malta rċeviet mill-Unjoni Ewropea? F'liema proġett ntnefqu dawn il-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Arloġġ ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28473 u jara li l-arloġġ ta' l-ilma ta' anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jinbidel għax mid-dehra għandu xi ħsara? Tista' tiġi nformata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma se tieħu l-passi biex il-meter ta' l-ilma msemmi jinbidel mill-aktar fis possibli.

Surcharge tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28480 u jara jekk hemmx xi żball ta' surcharge tad-dawl u l-ilma ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jiġi nformat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-konsumatur li rrefera għalih l-Onor Interpellant ġie l-ufficju tal-KSI ġewwa Hal Luqa fejn ġie nfurmat li l-kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma huma maħdumin sewwa u m’ hemm l’ ebda żball fil komputazzjoni tal-kont. Il-problema tal konsumatur hija dwar il-voucher. Il-konsumatur kien jibbenefika mit-tariffa ta l-Għajnuna Soċjali u sakemm il-KSI kienet responsabbli għall dan il-benefiċċju l-konsumatur dejjem ingħatalu it-tnaqqis dovut lilu. Peress li s-sistema nbidlet il-konsumatur ġie mgħarraf biex iressaq l-ilment tiegħu dirett lid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali billi l-KSI m’hiex responsabbli għall ħruġ ta' vouchers. Il-konsumatur żied jgħid li diġa mar id Dipartiment tas-Sigurta Soċjali u li qed jistenna risposta mingħandhom.

Kaċċa tar-rebbiegħa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28483 u, lejliet l-elezzjoni ġenerali, iserraħ ras il-kaċċaturi Maltin u Għawdxin billi jagħtihom garanzija li se jibqgħu jgawdu l-kaċċa tar-rebbiegħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra msejħa Reasoned Opinion fejn fiha l-Gvern Malti qed ikun mitlub jagħti r-raġunijiet tiegħu biex jippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa.

Primary radars

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28239 u jgħid jekk l-informazzjoni mill-primary radars ta' Ħal-Luqa u Ħad-Dingli hix qed tiġi użata għall-kontroll ta' l-ajru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mill-primary radars ta' Ħal-Luqa u Ħad-Dingli mhux qiegħda tintuża għall-kontroll ta' l-ajruplani bħal issa. Qiegħda tintuża dik mis-secondary radars fuq Ħad-Dingli u Ħal-Luqa. MATS Ltd qiegħda tindirizza s-sitwazzjoni biex l-informazzjoni mill-primary radars terġa tibda tintuża mill-aktar fis possibli.