Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tifla ta' 13-il sena — Sentenza ta' detenzjoni

Question

B’riferenza għall-każ tat-tifla ta’ 13-il sena li ġiet mibgħuta sservi sentenza ta’ detenzjoni fil-ħabs ta’ Kordin, tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma saret mill-ministeru tagħha f’dan il-każ u x’ħidma ssir normalment f’każijiet simili? Mill-esperjenza ta’ dan il-każ, tista' tgħid jekk il-ministeru tagħha – possibilment flimkien mal-Kummissarju għat-Tfal, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u xi entitajiet oħra – hux qiegħed jagħmel xi ħidma għat-twaqqif ta’ xi ċentru apposta għal dan it-tip ta’ każijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ li rrefera ghalih l-Onor. Interpellant, fil-fatt kien ilu jiġi segwit mis-social workers ta' l-Aġenzija Appoġġ minn Gunju 2004. Ninsab infurmata wkoll li minn żmien għal żmien diversi entitajiet u aġenziji oħra intervenew fil-każ. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' ma nistax nidħol f'aktar dettal dwar dawn l-interventi u minn min saru. Il-ħolqien ta' ċentru apposta mhux bilfors li jsolvi l-problemi ta' zgħazagħ b'imġieba diffiċli. Fil-fatt diġa' jeżisti programm residenzjali għal tfajliet li għandhom din l-imġieba. Iżda, biex programm bħal dan jirnexxi, mhux biżżejjed li jkun hemm l-istruttura fil-post, daqstant importanti hu li jrid ikun hemm ir-rieda u l-kooperazzjoni sħieħa kemm taż-żgħażagħ konċernati kif ukoll tal-ġenituri tagħhom li jsegwu l-pariri u t-terapija offruti mill-professjonisti.

Private Public Partnerships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx jew humiex maħsuba xi inċentivi lejn inizjattivi ta’ ‘private public partnerships’ kif saru fil-każ ta’ l-art li ġiet mgħoddija lill-Luxol, f’Pembroke? Jekk l-iskola Bice Vassallo tingħalaq, jista' jgħid xi jsir mill-ftehim li sar bejn il-Luxol u l-istat? Jista' jgħid ukoll jekk l-istess kundizzjonijiet hux se japplikaw għall-iskola l-ġdida?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ftehim mal-Luxol Sports Association mhux dipendenti fuq l-iskola Bice Vassallo. Kif jaf l-Onor. Membru l-Gvern qed jibni skola primarja ġdida għal Swieqi/Pembroke.

Sptar Mater Dei — Fornitura ta' ikel

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 29311 u 29606 u jgħid jekk il-kuntratt għall-fornitura ta' ikel lill-pazjenti ta' l-Isptar Mater Dei ingħatax lill-privat? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħata u x'inhu stmat li hu l-valur ta' dan il-kuntratt kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt tal-fornitura ta’ l-ikel lill-pazjenti fl-isptar Mater Dei ingħata lil privat. Il-Kuntratt ġie mogħti lil Malta Healthcare Caterers Limited, James Caterers Ltd u Sea Bank Catering Co Ltd. Preżentament l-Istima tan-nefqa fuq dan il-kuntratt għal din is-sena tammonta għal ċirca €2,306,000 (Żewġ miljuni, tlett mija u sitt elef ewro).

Manuel Dimech Bridge

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29603 u jgħid jekk it-tarmac li ngħata fuq id-deck tal-Bridge Manwel Dimech ġiex ittestjat? Jekk fl-affermativ, dan għadda mit-test?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi il-Quality Assurance Team tal-kuntrattur issotomettew lis-supervisor ir-riżultati tas-samples li ttieħdu waqt it-tqegħid tal-asphalt. Skond is-supervisor, minn dawn ir-riżultati jidher illi l-materjal huwa konformi mal-mix design hekk kif speċifikata. Riżultati oħrajn huma mistennija li jkunu sottomessi hekk kif jittieħdu l-cores minn ġos-saff ta’ asphalt mqiegħed. Minn barra hekk, ikun hemm testijiet oħrajn fl-aħħar tax-xogħlijiet biex ikun assigurat illi l-performance criteria skond il-kuntratt ġew milħuqa.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 29303 u 29598 u cioe': B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid x'volum ta' materjal u blat ġie eskavat għall-proġett kollu, kemm ġie jiswa x-xogħol ta' skavar kemm ġew jiswew x-xogħljiet ta' twaqqigħ ta' bini li kien diġa' sar wara li ried jitwaqqa' minħabba bdil fil-pjanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-volum ta’ materjal li ġie skavat għall-proġett mill-bidu tal-Kuntratt (Design and Build Contract) kien jammonta għat-total ta’ 224,151 metri kubi. Dan l-iskavar qam Lm920,818 liema somma tinkludi l-VAT. Ix-xogħolijiet ta’ twaqqiegħ ta’ bini li kien diġà sar iżda kellu jiġi mwaqqa’ minħabba bdil fil-pjanti u disinn in ġenerali minn Frar 2000 meta ġie iffirmat il-Kuntratt (Design and Build Contract) sewa’ Lm1,525,595 eskluża l-VAT.

Sptar Mater Dei — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29301 u 29545 u cioe: B'referenza għax-xogħlijiet li saru fl-iSptar Mater Dei jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew iqumu x-xogħlijiet, kull tip ta' xogħol separtament: i.e. kostruzzjoni, waterproofing, elettriku, ilma, drenaġġ, madum ta' l-art, madum tal-ħajt, sanitary set and fittings, tikħil, tibjid u bini, airconditioning, aperturi ta' barra u ta' ġewwa, irħam etc nkluż l-għamara, l-apparat mediku u l-IT equipment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħolijiet imsemmija qamu kif hu deskritt fit-tabella hawn taħt: - Concrete and block work including internal roads – Lm13,112,000 - Waterproofing to roofs and roads – Lm751,000 - Electricity installation package – Lm24,642,000 - Mechanical Installation (Air conditioning, hot/cold water, drainage & sanitary fittings) – Lm35,687,000 - Floor tiles (Ceramic & Terazzo flooring) – Lm668,000 - Wall tiles (Ceramic) – Lm150,000 - Plastering and painting – Lm1,965,000 - Aluminium apertures & partitions internal and external – Lm2,607,000 - Marble floors and walls – Lm174,000 - Medical Equipment Contract – Euro 66,096,167 li jinkludu €2,203,814.30 IT Hardware - Furniture – Euro 9,345,104 - IT €18,187,279 li jinkludi €2,203,814.30, IT Hardware li nxtara taħt il-kuntratt tal-Medical Equipment. Dawn l-ammonti ma jinkludux il-VAT.

Bdil ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat s-saqaf ta' appartament li qiegħed fi stat strutturali perikoluż, li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Bormla — Garaxxijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-garaxxijiet li hemm fi Triq E.S. Inglott, Bormla taħt il-binja ġdida tal-HA li issa ilhom vojta ħafna, humiex se joħorġu għall-kiri jew għal bejgħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wieħed miż-żewġ stores li jinsabu biswit il-binja ndikata mill-Onor. Interpellant ġie allokat b'kera waqt li l-ieħor mistenni jinħareġ għall-bejgħ bl-offerti fil-futur qarib.

Kontijiet ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx l-investigazzjoni mitluba mill-familja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u dan minħabba kontijiet esaġerati ta' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal PQ 27587 li fiha ntqal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienet ser tagħmel spezzjoni fil-post sabiex tara jekk hemmx xi ħsara, leakage jew xi anomalija oħra fis-sistema ta’ l-ilma. Fil-fatt, ninsab infurmat li uffiċċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma għamlu żewġ spezzjonijiet u ma sabu l-ebda anomalija. Il-konsumatur ġie nfurmat li m’hemm l-ebda każ ta’ aġġustamenti fil-kontijiet b’ittra datata 11 t’Ottubru 2007

Persuni li qatt ma ħadmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif tiġi kkalkulta l-pensjoni għal dawk il-persuni li qatt (jew rari) ma' jaħdmu sena sħiħa, bħal fil-każ ta' dawk fl-industrija tal-films?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rata tal-pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tiddependi, b'mod ġenerali, fuq żewġ fatturi bażiċi, li huma n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa u d-dħul pensjonabbli ta' l-applikant. Il-kalkolazzjoni proprja hi teknikament tant komplikata u tinvolvi varjabbli oħra li wieħed ma jistax jiġġeneralizza. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi persuna speċifika nitolbu jagħtiha parir li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li jkopri l-lokalita' tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Reviżjoni tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir reviżjoni tal-pensjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159 biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Anzjani — Żieda fil-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk iż-żieda mħabbra fl-aħħar budget ngħatatx lill-anzjani kollha? Jekk fl-affermattiv, tista' tivverifika l-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja din ingħatat sħiha lill-pensjonanti kollha. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Assistent Personali

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 29538, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-medja tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni li l-Assistent Personali tiegħu xeħet għal impjieg ma' l-Awtorita' u kopja tas-sejħa pubblika li saret mill-Awtorita' għal mili ta' vakanza u li allura applikat għaliha din il-persuna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

ADT — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29539 u jgħid min huma dawk il-membri tal-bord ta' l-ADT u membri għoljin tal-management li huma ntitolati għal servizz ta' mobile phone u linja fissa tat-telefon b'xejn billi hu mħallas għalihom mill-istess Awtorita'? Jista' jgħid ukoll x'kien l-ammont imħallas fir-rigward ta' kull uffiċjal f'kontijiet ta' mobile telephone u linja fissa separatament matul 2007?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' l-informazzjoni mitluba.

ADT — Karozza u fuel b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29540 u jgħid min huma dawk l-uffiċjali għolja ta' l-ADT sal-kariga ta' manager, li huma ntitolati għal karozza u fuel b'xejn? Jista' jgħid x'kienet n-nefqa fi fuel għal kull uffiċjal minn dawn f'kull xahar matul 2007?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' l-uffiċjali li huma ntitolati għal karrozza u fuel b'xejn.

Abbuż fil-fuel

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29541 u jgħid jekk ħax passi biex jiġu nvestigati rapporti fil-media lokali dwar abbużi fl-użu ta' fuel minn uffiċjali ta' l-ADT matul is-sena li għaddiet? Jekk saret investigazzjonijiet, jista' jgħid x'irriżulta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Membru huwa mitlub jgħidilna għal liema rapporti fil-media qiegħed jirreferi.

Direttorat tat-Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29543 u jgħid meta ġie ngaġġat mal-ADT d-Direttur responsabbli mid-Direttorat tat-Trasport Pubbliku u b'liema salarju u kundizzjonijiet? Jikkonferma li din il-persuna kienet l-Assistent Segretarju tiegħu fil-ministeru? Jista' jgħid kemm-il darba siefer dan d-Direttur kemm ilu f'din l-kariga, għal liema raġuni siefer, kemm-il ġurnata dam barra u kemm swiet lill-Awtorita' kull żjara? X'inkiseb għall-Awtorita' minn dawn iż-żjarat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li id-Direttur responsabbli mid-Direttorat tat-Trasport Pubbliku ġie mpjegat ma’ l-Awtorita` dwar it-Trasport ta’ Malta fis-27 ta’ Awissu 2007 b’salarju ta’ Lm13,000 (Eur 30,281.85) fis-sena, allowance għall-użu tal-karozza ta’ Lm5 (Eur 11.65) kulljum, telefon ċellulari (għall-użu ta’ l-uffiċċju biss), linja tat-telefon u internet għar-residenza personali mħallsin mill-ADT. Iż-żjarat li wettaq id-Direttur tat-Trasport Pubbliku kienu relatati ma’ l-applikażżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Servizzi Pubbliċi tat-Trasport tal-Passiġġieri bil-Ferrovija u bit-Triq. Dan ir-Regolament jitratta l-ogħti ta’ kuntratti fil-qasam tat-trasport pubbliku u l-parteċipażżjoni ta’ l-Awtorita` f’dawn il-laqgħat kienet ta’ siwi għan-negożjati li għaddejjin bħalissa bejn l-Awtorita` u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku dwar ir-riforma fit-trasport pubbliku, liema riforma għandha bħala komponent integrali fiha l-qafas kuntrattwali li jrid jiġi stabbilit bejn l-Awtorita` u l-operatur tat-trasport pubbliku.

Mosta — Triq ir-Rebbiegħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi mod kif jista' jiżgura li Triq r-Rebbiegħa fil-Mosta ma tibqax tintlaqat minn għargħar meta tagħmel ix-xita u dan għaliex f'din it-triq jinżel l-ilma kollu minn Triq E.B. Vella? Jista' jgħid jekk jistgħux isiru culverts fi Triq ir-Rebbiegħa biex dawn l-għargħar jiġu evitati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tagħmel spezzjoni fl-imsemmija triq sabiex tevalwa s-sitważżjoni.