Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nefqa fuq petrol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, tal-uffiċjali biss (eskluż l-użu ġenerali) separatament minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid liema uffiċjali huma intitolati għal petrol imħallas mill-Gvern fl-istess perjodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Promozzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28042 jista' l-Ministru jgħid x'promozzjonijiet ingħataw fil-Water Service Corporation inkluż s-sezzjoni tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007 ingħataw 277 promozzjonijiet fil-Water Services Corporation inkluż fis-sezzjoni tad-Drenaġġ kif jidher fuq it tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti ta' tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28043 u jagħti l-lista ta' proġetti ta' tisbiħ li twettqu matul is-snin 2006 u 2007 inkluż l-infiq fuq kull proġett?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ proġetti ta’ tisbieħ li twettqu matul is-snin 2006 u 2007, inkluż in-nefqa fuq kull proġett hi kif tidher hawn taħt:- PROĠETT NEFQA L-Imdina 705,359 Il-Mixtla ta’ Bormla 393,033 Il-Pjazza Transfigurazzjoni, Ħal Lija 34,945 Il-Ġnien ta’ Hastings 179,194 Għar id-Dud, Sliema 193,833 Il-Mall, Furjana 128,122 Ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex 73,189 Iz-Zuntier u madwar il-Knisja ta’ Birżebbuġa 142,055 Iz-Zuntier tal-Knisja taż-Żurrieq 44,285 Iz-Zuntier tal-Knisja ta’ San Ġwann 26,449 Iz-Zuntier tal-Knisja ta’ San Bastjan, Ħal Qormi 50,798 Iz-Zuntier tal-Knisja ta’ Ħaż- Żabbar 15,110 Xemxija mixja panoramika 84,555 Wied Babu mixja panoramika (l/o Żurrieq) 474,402

Adult Training Centres — Impjegati

Question

Tista' l-Ministru tinfurmana kemm kienu dawk l-impjegati li ma baqgħhux jaħdmu fl-Adult Training Centres matul is-sena l-oħra u din is-sena minħabba raġunijiet differenti? X'kienu l-grades tagħhom (ngħidu aħna careworkers, support workers, eċċ)? Kemm daħlu mpjegati ġodda fl-ATCs minflokhom f'dan il-perijodu? Kemm daħlu klijenti ġodda f'dan il-perijodu u x'diżabilita' kellhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, li jkopri l-perijodu minn April 2007, meta ċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ għaddew taħt ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, sal-lum, hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li tagħrif mitlub li jkopri l-perijodu minn Jannar 2006 sa Marzu 2007 qed jinġabar u jingħata f’xi Seduta oħra.

ITS — Smart Card

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 28015, jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni għal dan fejn fl-ITS għandek studenti li huma ntitolati għall-ismart card u oħrajn le?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħal ma diġa' ntqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28015, l-istudenti li jattendu l-ESTS Hospitality Trades fl-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi għandhom l-ismart card bħal kull student/a ieħor/oħra li jattendu xi kors taħt l-iskema Extended Skill Training Scheme. Mill-banda l-oħra, l-ITS għandu sistema ta' stipendji li ma tinkludix l-ismart card fil-kaz ta' studenti li m'humiex fl-iskema ta' apprendidtat ESTS.

Għalliema — Għoti ta' laptops

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 28014, jista' l-Ministru jgħid meta se jitqassmu l-laptops lill-għalliema tal-livell sekondarju u kemm se tkun in-nefqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kif miftiehem ma' l-MUT, hija l-intenzjoni tad-Divizjoni li tqassam laptops lill-għalliema ta' l-iskejjel sekondarji bejn l-2008 u l-2011. Meta jiġi konkluz il-kuntratt tal-Leasing Tender inkunu nafu l-ispiza involuta.

Universita' — Programmi u inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari W425 u jgħid xi programmi u inizjattivi ħadet l-Universita' matul din is-sena akkademika u x'inhuma l-pjani għas-sena akkademika li għadha kemm bdiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jiġi kumpilat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Rapport Spiteri

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari W422 u jgħid x'ġie implimentat minn Rapport Spiteri matul l-aħħar sentejn skolastiċi separatament? X'inhu ippjanat li jsir matul is-sena d-dieħla?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi lill-Onor. Membru t-tagħrif mitlub fil-Mistoqsija.

Sliema — Tower Road

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28074 u jikkonferma li skond l-applikazzjoni li saret lill-MEPA mill-ADT (PA 5324/07) t-triq li tagħti minn Għar id-Dud għal Ferries bilfors irid jgħaddi minn Qui Si Sana għax Tower Road fil-parti bejn Triq Bizazza u l-Pjazzetta se ssir one way?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill Onorevoli Nterpellatnt li l-interpretazzjoni tiegħu tal-pjanti fl-applikkazzjoni msemmija hija korretta. Ma danakollu għada trid tittieħed deċiżjoni finali fuq jekk Triq Bisazza ssirx pedonali.

Post jintuża b'mod abbużiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tieħu passi dwar ENF 00585/07 peress li qed jasluli ħafna lmenti mill-ġirien tal-post indikat għax isostnu li qed jintuża b'mod abbużiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li, wara l-ħruġ ta' l-Avviz tat-Twettiq ECF585/07, id-Direct Action Team ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien infurmat bil-każ. Infurmat ukoll li, wara li s-sidien tal-post ġew imwissija biex jimxu mal-liġi.

Swieq

Question

Kemm ilu li tlesta x-xogħol li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet fi Triq V Menville f'kantuniera ma' Triq il-Keffa fis-Swieqi peress li fejn sar ix-xogħol it-triq għadha maqlugħa u tagħti dehra ta' telqa u traskuraġni u toħloq inkonvenjent għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ tarmac li kellu jsir fil-post imsemmi mill-Onor Interpellant tlesta fl-1 ta’ Novembru, 2007.
Leg 10 PQ #28630 Sitting 583 2007-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Shooting Malta Project

Question

Jista' l-Ministru kemm intnefqu flus fuq ix-Shooting Malta Project u fuq xhiex intnefqu dawn il-flus? Jista' jgħid x'użu se jsir mir-ritratti li ttieħdu f'dan il-proġett? Jista' jgħid jekk ir-ritratti li ttieħdu humiex ta' kwalita' għolja ħafna kif kien mistenni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi intnefqu 100,000 Euro għall-ispejjeż ta' l-aġenzija Taljana The Gate, li għamlet l-arranġamenti kollha biex isir il- co-Branding fl-Italja man-Nikon. Intnefqu ukoll madwar Lm18,000 għal spejjeż lokali biex jinġiebu (a) 27 fotografu professjonali minn madwar l-Ewropa minn-Nikon Professional Services (fi 3 gruppi differenti), (b) uffiċċjali varji ta’ The Gate u (ċ) 15 il-ġurnalist barrani li ġew jirrappurtaw dwar l-inizjattiva u biex jiktbu dwar Malta u Għawdex. Ir-ritratti minn dan il-proġett issa saru kollha propjeta’ esklussiva tal-MTA, li tista tuzahom, bħalma diġa qed tagħmel, għar-reklamar, brochures , inizjattivi tal-marketing, tqassim fost l-operaturi eċċ. B’kollox hemm mas-6,000 ritratt, li l-biċċa l-kbira minnhom huma ta’ kwalita’ għolja ħafna kif kien mistenni. Numru minn dawn (xi 60) se jkunu rtukkjati b’mod professjonali fl-istudios tan-Nikon u jkunu stampati għal tal-apposta f’dimensjonijiet kbar għall-użu f’wirjiet fotografiċi dwar Malta Mill-Lenti Ta' l-Ewropa barra l-pajjiz. L-arranġamenti għal wirjiet qed isiru minn the Gate bħala parti mill- cachet tagħhom. L-iktar ħaġa importanti li wieħed għandu jsemmi hu li ritratti minn din l-inizjattiva, speċjalment ritratt partikolari meħud mill-fotografu Malti Rene Rossignaud, ġie magħżul mill-MTA u minn-Nikon biex ikun il-qofol ta’ kampanja pubbliċitarja ta’ co-Branding fl-Italja. L-ewwel parti ta’ din il-kampanja diġa twettqet f’Ġunju u Lulju fl-Italja, speċjalment fl-ibliet ta’ Ruma, Milan u Turin, permezz ta’ riklami stampati fuq taxis, karrozzi tal-linja, posters u billboards . It-tieni parti tal-kampanja se tissokkta fil-ġimgħat li ġejjin, ukoll permezz ta’ 3,000,000 fuljett pubbliċitarju li jirreklamaw lil Malta u lin-Nikon, imqassmin fil- magazines ewlenin madwar l-Italja. Għal din il-kampanja il-kumpanija Nikon se tħallas l-ispejjeż kollha, ikkalkulati li jilħqu 'l fuq minn miljun Ewro.

Ħsejjes Qawwija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul x-xahar ta' Ottubru, 2007 x'passi ħadu l-pulizija dwar ilmenti minn residenti l-Qawra dwar disturb u ħsejjes qawwija fis-sighat bikrin ta' filgħodu minn bars bħal Quenn's Head?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b'żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27569, matul ix-xahar ta' Ottubru il-Pulizija tal-Qawra kompliet tagħmel spezzjonijiet għall storbju fil-bars. B'riżultat ta' dan, instab li kien hemm żewġ bars, wieħed minnhom il-bar imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, li fihom kien qed isir storbju. Il-Pulizija qed tieħu passi skond il-liġi fiż-żewġ każi.

Serq mill-Isptar San Luqa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm ġew rappurtati li saru serqiet mill-isptar San Luqa matul din is-sena f'Malta separatament? Kemm kien stmat l-valur misruq? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li rigward serq minn sptarijiet, l-informazzjoni dwar dan it-tip ta' serq ma tinżammx fi klassifika għaliha għal fini ta' statistika, għaldaqstant it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.

Serq mill-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm ġew rappurtati li saru serqiet mill-Isptar Mater Dei matul din is-sena? Kemm kien stmat l-valur misruq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li rigward serq minn sptarijiet, l-informazzjoni dwar dan it-tip ta' serq ma tinżammx fi klassifika għaliha għal fini ta' statistika, għaldaqstant it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli.