Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28639 u jgħid għaliex il-proġett tal-cable tal-computer network baqa' ma tħaddimx sal-ġurnata tal-lum? Minn kienu l-uffiċjali responsabbli biex jiffinalizzaw dan il-proġett meħtieġ tant għat-traceability u l-kontroll tal-prodott li jiddaħħal il-pitkalija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28713.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-ftuħ ta' ħajt biex jinħoloq dħul għall-vetturi tal-fabbrika Tessons f'Hal Qormi għal ġo triq residenzjali hux kopert bil-permess neċessarju? Jekk iva, jikkonferma li dan il-permess ingħata wara li saret analizi/studji fuq l-effetti li ser jħalli fuq ir-residenti diġa' affettwati ħażin b'impjant industrijali qrib?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni rriżulta li tassew infetaħ aċċess pedonali (u mhux għall-vetturi kif indikat mill-Onorevoli Interpellant) fil-ħajt tal-fabbrika Tessons (Aquatess Marketing) f'Ħal Qormi. Ma jirriżultax li saret xi applikazzjoni għal dan l-iżvilupp u għaldaqstant ser jittieħdu miżuri ta' infurzar kontra l-iżviluppatur kif rikjest mil-liġi (ECF 726/07).
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28193, jien kont qed nirreferi għall-kera tar-residenza tal-kostitwent li s-sid tagħha hu l-gvern ta' Malta, jista' issa l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inkwilin imsemmi jista' jagħmel kuntatt mas-sezzjoni tal-ġbir tal-Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex iħallas l-arretrati tal-kera bin-nifs.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjali jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi kif jidher hawn taħt:-
Uffiċjal / Dipartiment
Tip ta’ karozza
Prezz (lm)
Ċilindrata
Director General
Kia Serrato 1.6D
6300
1582
Director Programme Implementation
Opel Corsa MPV
5188
1229
Detention Service
Landrover
Freelander
6300
1952
Detention Service
Landrover
Freelander
6300
1952
Detention Service
Landrover
Freelander
6300
1952
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu (inkluż safar ministerjali) minn Jannar 2007 sal-lum separatament, xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull tip ta' hospitality fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid minn ta l-approvazzjoni għal dan l-infiq f'kull każ separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reggħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jaf, x'kienet r-raġuni li rreżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni għal dak li jirrigwardja d-dekasteru tiegħi hija is-segwenti:-
Fid-diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja, minn Jannar, 2007 sal-lum:
Kien hemm Uffiċċjal wieħed (1) fi skala 4 li għalaqlu l-kuntratt u ma reġgħax applika għall-istess pożizzjoni.
Dan l-uffiċċjal kien jokkupa l-pożizzjoni ta' Direttur u Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali Ċivili.
Dan l-uffiċċjal ma applikax għall-istess pożizzjoni għaliex ġie maħtur f'pożizzjoni għola.
Infurmat ukoll illi l-Bord Konsultattiv dwar Liċenzji tal-Pulizija ġie xolt permezz ta' l-Avviż Legali Nru. 222 ta' l-2007.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari W411 u jgħid f'liema snin qed jiġi mgħallem is-suġġett tal-PSD u kemm għandhom lezzjonijiet fil-ġimgħa skond kull każ? Kemm hemm għalliema li qed igħallmu dan is-suġġett? Kemm daħlu għalliema f'dawn l-aħħar tlett snin separatament? Jista' jgħid jekk jeżistux vakanzi f'dan is-suġġett u kemm hemm għalliema li applikaw u għadhom ma ġewx magħżula biex igħallmu l-PSD?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Skejjel ta' l-Istat -
Fis-Settur Primarju qed jiġi mgħallem fil-Year 4, 5, 6 u 7. It-tfal għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa. Fil-bidu tas-sena kien hemm 45 għalliem/a ta' dan is-suġġett. Tlett snin ilu daħlu 6 għalliema ġodda, Sentejn ilu daħlu 2 u din is-sena daħlet għalliema ġdida. Ma jeżistu l-ebda nuqqasijiet t'għalliema tal-PSD fil-Primarja.
Fis-Settur Sekondarju hemm 132 għalliem/a li jgħallmu l-PSD bħala main subject u 20 bħala subsidary subject. Tlett snin ilu daħlu 8 għalliema ġodda, Sentejn ilu daħlu 2 u din is-sena daħlu 4 għalliema ġodda. M'hemmx vakanzi f'dan is-suġġett. Kien hemm 36 persuna li għaddew mill-intervista tal-PSD u 32 minnhom għadhom qed jistennew biex jiġu mpjegati.
Skejjel tal-Knisja -
L-PSD jiġi mgħallem mill-Form 1 sal-Form 5 u l-maġġoranza ta' l-iskejjel għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa f'kull Form. In-numru ta' għalliema hu ta' 50. Tlett snin ilu daħlu 7 għalliema ġodda, Sentejn ilu daħlu 7 u din is-sena daħlu 8 għalliema ġodda.
Skejjel Indipendenti -
L-PSD jiġi mgħallem mill-Form 1 sal-Form 5 u l-maġġoranza ta' l-iskejjel għandhom lezzjoni waħda fil-ġimgħa f'kull Form. In-numru ta' għalliema hu ta' 7. Tlett snin ilu daħlet għalliema ġdida, Sentejn ilu daħlu 3 u din is-sena daħlet 1 għalliema ġdida.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari W409 u jgħid min huma l-Kapijiet u Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B’referenza għal mistoqsija parlamentari W416 u W431 jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-iffinanzjar li sar mill-Ministeru tieghu? Barra minn dan kemm kienu l-ispejjez involuti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28582.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W357 u jgħid x'inhi r-raġuni li fl-aħħar ġurnata ta' l-iskola fl-MCAST ġiet mibdula t-time-table b'konsegwenza li eżami ta' l-accounts li kellu jsir fit-22 ta' Ġunju ta' din is-sena issa ġie mressaq għas-6 ta' Ġunju? Japprezza li l-istudenti għandhom eżamijiet oħra u jkunu anke qassmu x-xogħol tagħhom skond it-time-table oriġinali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-timetable annwali għall-Accounting fil-livell avvanzat għal studenti ta' l-ewwel sena fil-Matriculation Certificate Course kienet mibdula fil-bidu ta' Mejju u mhux fl-aħħar ġurnata ta' l-iskola (il-ġimgħa l-1 ta' Ġunju). Kienet ippublikata għall-istudenti immedjatament fil-bidu ta' Mejju. Ir-raġuni għall-bidla kienet minħabba li waħda mill-istudenti kienet qed tipparteċipa fil-Logħob tal-Pajjizi z-Zagħar u kien hemm talba mill-Kumitat Olimpiku biex tiġi rranġata t-timetable biex l-istudenta tkun tista' tipparteċipa fil-logħob u tkun tista' taqgħod għall-ezamijiet fl-istess ħin. Dawn l-istudenti ta' l-Accounting jidher li ma rawx in-notice board għalkemm dejjem kienu avzati (u kienet miktuba fil-handbook tagħhom) biex jiċċekkjaw in-notice boards kuljum.
L-unika timetable li ħarġet jumejn qabel l-aħħar ġurnata ta' l-iskola, u mhux fl-aħħar ġurnata, hija t-timetable li tindika l-allokazzjoni tal-kmamar. L-allokazzjoni tal-kmamar toħroġ dejjem ezatt qabel l-ezamijiet.
L-istudenti kollha tal-Matriculation Certificate Course kienu jafu b'dawn il-bidliet minn ġimgħat qabel. Jidher li dawn il-ħames jew sitt studenti biss ma kienux jafu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W360 u jara x'inhi r-raġuni li fil-karta ta' l-eżami ta' l-ewwel sena tal-farmaċija ġewwa l-Universita' ta' Malta kien hemm partijiet importanti mill-istess karta fejn ma kenux koperti matul din is-sena akkademika? X'impatt ser ikollu dan il-fatt fuq l-istudenti jekk ma jġibux marki biżżejjed sabiex ikomplu dan l-istess kors fit-tieni sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirrizultax li f'xi karta ta' l-ezami ta' l-ewwel sena tal-Farmaċija ta' l-Universita' ta' Malta kien hemm partijiet importanti mill-istess karta fejn ma kinux koperti matul is-sena akkademika. Madnakollu jekk xi student/a għandu xi diffikulta', dan hu mistieden ikellem lill-kap tad-dipartiment kif dejjem isir meta jkun hemm il-bzonn.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W430 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26704, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm riżenji minn bordijiet, awtoritajiet, fondazzjonijiet u kumitati oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru? Jekk fl-affermattiv, min huma u meta rriżenjaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-bidliet li saru ta' membri fuq bordijiet imsemmija kien riżultat ta' għeluq ta' terminu ta' l-istess bordijiet.
Jista' l-Minitru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x'xogħol ta' restawr sar f'dawn il-lokalitajiet: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar, San Ġiljan u Sliema? Jista' jgħid fhiex kien jikkonsisti kull xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ restawr li saru mill-2003 sal-lum fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant huma kif murija hawn taħt:-
Mellieħa: Xogħol ta’ restawr tal-batterija ta’ Westreme
San Pawl il-Baħar: Xogħol ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ Sant’ Anna fil-Pwales. Inbidel ukoll il-madum taghħa biex sar ċangatura.
Naxxar: Xogħol ta’ restawr tal-Knisja ta’ Santa Katerina fil-limiti tan-Naxxar;
Xogħol ta’ restawr tan-niċċa f’nofs it-Telgħa t’Alla u Ommu, wara li kienet intlaqtet minn trakk;
Ser jinbeda xogħol ta’ manutenzjoni tal-Knisja ta’ San Pawl tat-Tarġa il-ġimgħa d-dieħla
San Ġiljan: Xogħol ta’ restawr tal-volta mpittra tal-Parroċċa l-Qadima
Sliema: Ma saru l-ebda xogħlijiet f’din il-lokalita’ fis-snin imsemmija
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-embellishment tal-parti tal-ġnien ta' Howard Gardens ir-Rabat li tħalliet barra meta saru x-xogħlijiet aktar kmieni din is-sena? Fil-fatt kemm kienet in-nefqa globali f'ċifra ta' flus tax-xogħlijiet li saru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-proġett ta’ embellishment ta’ Howard Gardens li twettaq fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien l-ewwel fażi minn proġett akbar li għad irid isir f’din iz-zona. Proġett li jinkludi d-diżinn integrat ta' l-ispazju quddiem l-entratura ta' l-Imdina, u li jinvolvi anke l-alterazzjoni tad-direzzjoni tat-traffiku minn kif inhu bħalissa.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien involut biss fl-ewwel fażi, li swiet madwar Lm379,000, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' l-Imdina u mal-Progett ta’ Riabilitazzjoni ta' l-Imdina.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28331 u jgħid x'inhu t-tul ta' main renewals, mains ġodda u servizzi ġodda ta' l-ilma li ngħataw f'dawn l-aħħar tnax-il xahar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn Ottubru 2006 sa Settembru 2007 sar dan ix-xogħol fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma f' Malta u Għawdex:
Mains renewals: 47,507m
Mains ġodda: 5,427m
Servizzi ġodda: 4,687m
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati ħsarat tal-bus ticketing machines kemm dawk fuq il-vetturi kif ukoll dawk li hemm fil-Belt, tas-Sliema u Buġibba, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar kull xahar separatament?
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28327 u jgħid f'liema stadju waslu l-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex, il-Mellieħa u l-Kalkara? Meta hu ppjanat li se jitlesta x-xogħol fuq dawn l-impjanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-impjant tad-drenaġġ f'Għawdex ser jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2007.
L-impjant tad-drenaġġ tal-Mellieħa qiegħed fi stat avvanzat, ma dan kollu, wara nuqqas mill-fornitur Taljan li jibgħat t-tagħmir kollu li huwa neċessarju sabiex jitħaddem dan l-impjant, qed isiru negozjati biex tiġi stabbilita d-data tat-tlestija.
Fejn jirrigwarda l-impjant ippjanat fin-Nofsinhar ta' Malta, bħalissa qegħda issir l-evalwazzjoni tat-tender, wara sejħa għall-offerti ippublikata għal dan l-istess impjant.