Legislature:
Category:
Reset
Active:

Belt Valletta — Masterplan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28618 u jgħid jekk il-masterplan għall-Belt huwiex lest? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-Master Plan għal Belt Valletta ser ikun finallizzat għal Jannar 2008

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-istudenti Group 4 l-ewwel sena tal-Junior College għadhom mill-bidu tas-sena akkademika mingħajr għalliem tal-IT fil-livell intermediate? Meta se jintbagħat dan l-għalliem biex l-istudenti ma jibqgħux imċaħħda min għalliem ta' l-IT?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

PTA u ADT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28681 u jgħid jekk hemmx xi relazzjoni bejn l-inspectors tal-PTA u l-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-unika relażżjoni bejn l-inspectors ta’ l-ADT u l-PTA hija li t-tnejn jagħmlu xogħol ta’ infurzar fuq xogħol skedat tax-xarabanks. L-inspectors tal-PTA huma impjegati mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku filwaqt li it-Transport Assistants huma impjegati mill-Awtorità dwar it-Trasport.

HSBC Call Centre

Question

Fir-rigward tal-call centre tal-HSBC f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid, u fejn hemm bżonn jintavola l-ftehim iffirmati dwar is-segwenti: Ri-arranġamenti li l-Gvern għandu mal-HSBC? X'benefiċċji, assistenza ngħata l-HSBC dwar il-call centre u jekk dawn il-benefiċċji japplikawx għal ħaddieħor? Il-ħaddiema li ser ikunu ngaġġati se jkunu kollha Għawdxin u ħaddiema ġodda jew HSBC jista' jkollha ħaddiema miċ-ċentri li għandha f'Malta? Kemm jammontaw il-grants jew għajnuna li rċevew l-HSBC għal dan iċ-ċentru? Kemm-il darba l-HSBC ma jonorawx l-obbligu tagħhom li jħaddmu 50 ruħ, x'se jkunu l-konsegwenzi għal HSBC?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Għaqda Kulturali Maltija — Taljana

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk hux possibli li l-Għaqda Kulturali Maltija - Taljana "Club Italia - Malta" tinstabilha sede akbar milli għandha fi Blk 2A, Gżira Complex, Gżira għaliex dan sar żgħir wisq għall-bżonnijiet ta' l-għaqda msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-viċinanza tal-post attwali li għandha l-Għaqda Kulturali Maltija-Taljana m'hemm l-ebda proprjeta' tal-Gvern li mhix mikrija.

Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28744 u jgħid kif tqassmu l-inċentivi mill-Malta Enterprise Corporation matul din is-sena? Kemm kien l-ammont ta' dawn l-inċentivi? Liema kienu l-kumpaniji li rċevewhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Attard — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'fadal xogħol x'isir u meta hu mistenni jitlesta x-xogħol fi Triq it-Taħħan u Triq iz-Zahar f'H'Attard?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT qed tistenna l-espropjażżjoni meħtiega fi Triq iz-Zahar biex imbagħad tkun tista’ tagħlaq ix-xogħlijiet. Ix-xogħlijiet li setgħu jsiru fi triq it-Taħħan saru.

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28734 u jgħid jekk l-Universita' ta' Malta għandix rabta ma' Gian Pietro Caliari li jgħid li huwa Professur ta' l-istess Universita' (Ref: http://www.gianpietrocaliari.eu/?page_id=2)

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jezisti l-ebda kuntratt jew rabta ma' l-Universita' fir-rigward tal-persuna imsemmija.

Pussess ta' oġġetti projbiti

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 27890 u 28736, jista' l-Prim Ministru jgħid f'kull każ x'passi ttieħdu mill-Kummissarju tal-VAT u mill-Kontrollur tad-Dwana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kull meta id-Dwana tiltaqa’ ma xi importazzjoni/esportazzjoni ta’ oġġetti llegali jew ipprojbiti li jistgħu jiksru liġijiet oħra barra dawk tad-dwana, dawn jiġu riferuti lill-pulizija għal aktar stħarriġ. Id-dwana hija konxja ta’ każ wieħed li ġie riferut lill-pulizija u rriżulta li kien hemm dan it-tip ta’ ksur. Fejn għandhom x’jaqsmu il-liġijiet tad-Dwana u l-VAT, peress li l-ammont ta’ taxxa nvoluta kien baxx, il-każ ġie magħluq għat-terminu ta’ l-artikolu 63 ta’ l-Ordinanza tad-Dwana. Il-Kontrollur tad-Dwana huwa awtorizzat sabiex jiġbor il-VAT fuq dawk il-każijiet fejn ikun hemm oġġetti projbiti għall-ivvjaġġar bl-ajru.

Provvista baxxa ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Minsitru jara li l-Enemalta tinvestiga għaliex anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, qed ikollha provvista baxxa ħafna ta' l-elettriku fir-residenza tagħha tant li electrical equipment qed jintefa'? Billi din il-mara qegħda taħt kura medika u jkollha bżonn tuża apparat ta' l-elettriku b'konessjoni mal-kundizzjoni medika tagħha possibli ssir spezzjoni fl-iqsar żmien possibbli u jittieħdu l-passi li hemm bżonn biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata? Possibbli jiġi nnutat li din l-anzjana ġabet l-electrician li ċċertifika li l-ħsarat mhumiex min-naħa tagħha iżda min-naħa ta' l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28405 u 28738 u jgħid għaliex l-Enemalta qed tagħti tlett xhur biss ċans minn mindu jitwaħħal servizz ġdid biex il-familji jwaħħlu solar water heaters ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn refund fuq il-meter tad-dawl u l-ilma? Ma jaħsibx li koppji żgħażagħ li jkunu qed jirranġaw d-dar fejn joqogħdu ikollhom bżonn servizz tad-dawl minn qabel ma jidħlu fid-dar tagħhom u ma jkunux jistgħu jwaħħlu s-solar water heater minn qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Self-employed — Bolol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex is-self-employed mhux qed jingħataw l-opportunita' jħallsu l-bolol tas-sigurta' soċjali li ma tħallsux qabel is-sena 2007? Jista' wara kollox jiġi kkunsidrat li tingħata din l-opportunita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, persuna li taħdem għal rasha tista’ tħallas arretrati ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurta’ soċjali dovuti sa massimu ta’ ħames snin b’lura.

Użu ta' karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur tad-dipartiment, li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, hux intitolat għall-użu tal-karozza bix-xufier jew mixtrija għalih? F'dan il-każ din il-policy qegħda tiġi osservata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li d-Direttur tad-Dipartiment li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, huwa ntitolat bħal kull Direttur ieħor ta’ Dipartment tal-Gvern, għal karozza fully expensed għall-użu personali tiegħu. Waqt il-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali, d-Direttur jista jagħmel użu minn karozza li tkun misjuqa minn xufier. Din hi policy li minn dejjem kienet titħaddem fid-Dipartimenti li jiffurmaw id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet u dik tas-Servizzi.

Dock 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fir-rigward ta' Dock 1?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għar-risposti mogħtija fit-3 ta' Ottubru, 2007 u fis-17 ta' Ottubru, 2007. L-Outline applicationqiegħda tiġi kkunsidrata l-MEPA u n-negożjati mal-konsorzja qegħdin ikomplu.

Bormla — Skola G.Despott

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex it-triq ta' madwar l-iskola G. Despott, Bormla ma tibqax tegħreq ma' kull ħalba xita?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT bidlet parti mis-sistema ta’ l-istorm water culvert peress li kien hemm sadd konsiderevoli. F’dan l-aħħar żmien ġiet mwaqqfa unit ta’ maintenance li qed tieħu ħsieb dawn il-culverts.

Ċitazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni meta sid ta' karozza jmut u jkun hemm numru ta' ċitazzjonijiet pendenti? Min hu responsabbli għalihom? Jew dawn imutu miegħu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li meta Sid ta’ karozza jmut il-karozza tiġi trasferita għal fuq l-eredi. Jekk ikun hemm ċitażżjonijiet pendenti l-Awtorita’ dwar it-Trasport għandha l-obbligu li meta jsir trasferiment tiġbor il-ħlas għal dawk iċ-ċitażżjonijiet (pendenti) li jkunu ġew mdaħħla fis-sistema komputeriżżata tagħha. Dan isir a bażi tal-Leġislażżjoni sussidjarja 65.23.

Ħaddiema tal-gvern — Sick leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal kemm ġranet sick fuq full pay u half pay huma ntitolati l-ħaddiema tal-gvern? Jista' jgħid jekk jgħoddx l-istess għall-ħaddiema li huma pensjonabbli (daħlu qabel 1979)? X'jiġri meta persuna tkun marida għal perijodu twil ta' madwar 3 u 4 xhur u għalxiex tkun intitolata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Sick Leave tal-ħaddiema tal-Gvern hija elenkata fis-sezzjonijiet 4.3.4. u 4.3.5. tal-Public Service Management Code.