Legislature:
Category:
Reset
Active:

Operational Programme One

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Operational Programme One?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-Operational Programme I.jinsab fuq diversi websites tal-Gvern – inkluż dik tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni u tal-Ministeru tal-Finanzi.

Ezenzjonijiet mill-VAT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21801, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-VAT? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-għaqdiet jew persuni? Jista' jgħid kemm kien l-effett finanzjarju wara kważi sena jew inkella l-istima li kienet saret?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onoreveli Interpellant li applikazzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-VAT għall-qasam kulturali kien hemm ħdax. L-għaqdiet u persuni li għamlu t-talbiet fuq imsemmija mid-data tad-diskors tal-Budget għall-2007, huma dawn: 1. Educational Theatre Productions – żewġ applikazzjonijiet; 2. Fondazzjoni Patrimonju Malti; 3. Fondazzjoni Wirt Artna; 4. Gen Verde; 5. St Agatha’s Historical complex; 6. Danish Ballet; 7. Soċjetà Filarmonika Sliema; 8. Drama Troupes; 9. The Gozo Cathedral; 10. Din l-Art Ħelwa. L-impatt negattiv ma jistax jiġi kkwantifikat għaliex is-soċjetajiet ma jibgħatux denunzji dwar dan id-dħul.

Flus mill-UE

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27704 u r-risposta mogħtija, jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28372 u jgħid kif intnefqu Lm136,262,989.62 li Malta rċeviet mill-Unjoni Ewropea? F'liema proġett ntnefqu dawn il-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28742.

Pixxina Nazzjonali

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28211, jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija hija responsabbli mit-tindif fil-pixxina nazzjonali? Meta ngħata l-kuntratt? Kemm kien hemm kumpaniji li tefgħu l-offerti? Kemm tiswa l-offerta li ngħatat għal din is-sena sħiħa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kumpanija responsabbli hija 'Gafa' Saveway Ltd'. Il-kuntratt ingħata fit-28 ta' Marzu 2007. Għal dan it-tender intefgħu offerti minn 5 kumpaniji. Ir-rata ta' kull siegħa hija Lm 1.97 cents, 8 mils.

Course jismu Flash

Question

Jista' l-Ministrujgħid meta se jibda l-course part-time ta' l-IT li jismu Flash (beginners and advanced)? Jista' jgħid jekk hemmx xi courses oħra part-time li għadhom ma bdewx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni ħareġ l-applikazzjoni għall-courses kollha fil-15 ta' Ottubru 2007. Dawn il-courses ilhom jiġu organizzati dan l-aħħar 9 snin. L-għalliema kollha ta' l-istat u ta' l-iskejjel kollha privati jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz b'mod volontarju. Il-course Flash for Beginners jagħmel parti mil-lista sħiħa tal-courses provduti mid-Dipartiment. L-għalliema jistgħu japplikaw online fuq http://skola.gov.mt/courses/default.shtml. Għal aktar dettalji u informazzjoni dwar dawn il-courses jistgħu jidħlu fuq il-link provdut. Informat ukoll li għal din is-sena il-courses se jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' Novembru, bil-kundizzjoni li jkun hemm numru sostanzjali ta' applikazzjonijiet għall-courses partikolari.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux xi transfers ta' għalliema mid-Dipartiment għal ġo l-iskejjel u dawn it-transfers ġew imwaqqfa u mibdula biex tiġi aġevolata xi qariba tal-Ministru li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid liema proċedura ntużat f'dawn it-transfers u jekk din il-proċedura hijiex skond in-norma li tintuża s-soltu, jiġifieri by seniority hekk kif maqbul ma' l-MUT?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-posting ta' l-għalliem konċernat sar biss biex jiġu aġevolati l-istudenti konċernati.

Żjara edukattiva — Inċident

Question

Jikkonferma l-Ministru li fit-30 ta' Ottubru 2007, grupp ta' studenti mill-iskola primarja Guze Bonnici ta' tas-Sliema għamlu żjara edukattiva fil-palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu fejn kien għaddej xi xogħol ta' żebgħa u kien hemm inċident fejn iż-żebgħa xterdet fuq it-tfal? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ma waqafx f'dak il-ħin li bdiet iż-żjara? X'kumpens ser jieħdu l-ġenituri li se jkollhom jixtru ħwejjeġ ġodda, inkluż l-uniformijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-30 ta' Ottubru, 2007, grupp ta' studenti għamlu zjara edukattiva fil-Palazz ta' l-Inkwizitur ġewwa l-Birgu. Din iz-zjara kienet ibbukkjata minn jiem qabel u l-iskola ma kellha l-ebda informazzjoni li kien għaddej xi xogħol ta' zebgħa fuq il-post. Informat li numru ta' tfal iċċapsu biz-zebgħa u informat li l-uniformijiet, basktijiet u zraben li ċċappsu kienu ser jiġu kompensati jew bi flus jew bl-istess oġġetti fuq imsemmija. Saret lista bl-ismijiet tat-tfal u kull oġġett li ċċappas, biex dan jitwettaq.

Childnet — Abbużi fuq l-internet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn mindu beda s-servizz ta' Childnet kemm-il rapport ressqu l-Aġenzija Appoġġ lill-Pulizija rigward abbużi fuq l-internet? X'passi ttieħdu mill-pulizija dwar dawn ir-rapporti? Kemm kien hemm persuni li tressqu quddiem il-Qorti minħabba dan ir-reat gravi u x'sentenzi ngħataw mill-ġudikatura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena il-Pulizija rċeviet 29 rapport mill-Aġenzija Appoġġ dwar rapporti li kienu waslu għandha permezz tal-hotline (179) fuq allegati abbużi ta' tfal fuq l-internet. Wara li dawn ir-rapporti kollha ġew investigati mill-Pulizija, ma rriżultax li kien hemm lok għall proċeduri kriminali.

Serq

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru 2007 fid-dipartiment jew entitajiet fid-dekasteru tiegħi ġew rappurtati ħames serqiet b’valur globali ta’ Lm278.40.

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteri u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġew irrapurtati 12-il serqa u l-ammont ta' l-oġġetti misruqa jammonta għall-valur ta' Lm3,412. Fl-Universita' ta' Malta ġew irraportati 2 serqiet u l-ammont jammonta għal Lm443. Fl-MCAST ġiet irraportata serqa waħda, li l-oġġetti jammontaw għal Lm7,462.32.

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteru u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena, ġew rapurtati tliet serqiet mill-Malta Maritime Authority. L-oġġetti misruqa jammontaw għas-somma globali ta' ftit inqas minn Lm78.

Membri fuq bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28018 u 28529 u jagħti l-lista ta' membri fuq bordijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28578 u jgħid x'inhu d-dħul ta' l-Enemalta għas-sena 2006? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża totali għall-Enemalta għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku għas-sena 2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ftehim kollettiv sar man-nurses u l-midwives mill-1988 sal-lum? Kemm minnhom saru mill-Malta Union of Midwives and Nurses? Kemm kienet il-paga ta' enrolled nurse u ta' staff nurse fl-1988 u kemm hi llum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mill-1998 sal-lum saru erba' (4) Ftehim Kolletiv. Tlieta minnhom saru mill-MUMN. 1988 2007 Enrolled Nurse Lm2575 Lm6767 * Staff Nurse (BSc) Lm2962 Lm7287 ** * Il-paga bażika ta' Enrolled Nurse (massimu ta' Skala 55) ** Il-paga bażika ta' Staff Nurse (massimu ta' Skala 9).