Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet diċenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Univerista' ta' Malta kemm kien hemm letturi li ma ħadux il-performance bonus s-sena l-oħra? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex il-letturi u l-amministraturi kollha jkollhom post diċenti minn fejn joperaw, il-laboratorji u l-ħwienet tax-xogħol ikunu ta' standard internazzjonali, l-librerija tkun denja ta' l-Universita' li tirriċerka u l-arti espressiva ma tibqax tiddobba b'garaxx misluf mill-amminsitrazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Association of Commwealth Univeristies

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' hux kuntenta bl-effiċjenza ta' l-Association of Commonwealth Universities rigward il-promozzjonijiet ta' l-akkademiċi u jekk hux qed taħseb f'alternattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Regoli dwar id-doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati r-regoli dwar id-doping f'pajjiżna li suppost ilhom lesti ż-żmien? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta x-xogħol fuq dawn ir-regolamenti ilu lest żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport lesta x-xogħol fuq ir-regolamenti tad-doping f'pajjizna u aġġornahom fuq linji gwida ta' l-aġenzija internazzjonali relattiva, dawn ir-regolamenti issa jinstabu fl-aħħar fazi ta' tħejjija għall-pubblikazzjoni kif titlob il-liġi.

Suġġett tax-xjenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28612, jista' l-Ministru jgħid jekk allura fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel li l-istudenti ma ġewx mitluba biex jixtru ġagaga u/jew nuċċali minħabba s-suġġett tax-xjenza mhux qed iħarsu l-iġene ta' kull student/a? Jista' jgħid ukoll jekk l-iskejjel għandhomx jipprovdu huma dawn l-affarijiet jew inkella jħallsu għalihom l-istudneti permezz tal-ġenituri tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġagaga u/jew nuċċali jiġu wzati meta l-istudenti jkollhom s-suġġett tal-Kimika. Infomat ukoll li l-kriterju li jintuza għax-xiri tal-ġagaga huwa l-istess bħal dak għax-xiri ta' l-uniformi u tal-PE kit.

Ħal Farruġ — Impatt ambjentali u s-saħħa tal-familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-buffer zone li oriġinarjament kien ippjanat li kellu jinbena madwar l-industrial estate ta’ Ħal Luqa, biex jifred l-area industrijali minn dik residenzjali u biex itaffi mill-impatt negattiv ambjentali b’risq is-saħħa tal-familji residenti f’Ħal Farruġ? Għaliex il- bounday wall li kellu jkun ta’ ċertu għoli ma sarx mad-dawra kollha kif kien ippjanat? Għaliex ma tkompliex ix-xogħol tat-tħawwil tas-siġar mad-dawra kollha fejn kellu jinbena l- buffer zone bejn l- industrial estate u r-residenzi? Għaliex ma nbeniex l-aħħar boundary wall mad-dawra kollha biex jitkompla b’mod sħiħ dan il- buffer zone , iżda llum hemm biss ċint ta’ mhux aktar minn 4 filati? Għaliex il-pjan ta’ buffer zone ġie injorat u abbandunat, anzi f’ċerti partijiet ingħataw il-permessi għal aktar zvilupp industrijali matul dawn l-aħħar snin, meta hemm saħħet il-popolazzjoni li taqbeż għadd ta’ mijiet ta’ nies f’Ħal Farruġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-buffer zone mad-dawra tal-qasam industrijali tifforma parti mill- master plan PA 191/98 u mill-permess PA 5097/95 għall- bini ta' ħajt (boundary wall) mad-dawra taż-żona industrijali ta' Ħal Luqa u wkoll għal tħawwil ta' siġar mad-dawra ta' l-istess ħajt. Dan il-permess inħareġ fis-26 ta' Marzu 1997 lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u kien validu għal tliet snin estiżi b’sentejn. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28923.

Eżamijiet ta' l-EO

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid issa li saru l-eżamijiet għal Executive Officer mal-Gvern minn barra, x'se jiġri minn dawk l-impjegati fil-grad ta' clerk, dawn se jibqgħu clerkssakemm jirtiraw, jekk il-postijiet vakanti fil-grad ta' EO jiġu mimlija? Jista' jgħid għaliex għaddew biss 25% ta' dawk li applikaw? Fhiex weħlu l-aktar fl-eżami bil-miktub jew fl-interview? Jekk jogħġbu jista' jagħti statistika? Għaliex dan l-eżami sar issa fl-aħħar tal-leġislatura meta dan l-eżami ilu ma jsir mill-1992?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Farruġ — Żvilupp industrijali qrib ir-residenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-petition tar-residenti fl-area ta’ Ħal Farruġ, f’Ħal Luqa dwar l-iżvilupp industrijali approvat mill-MEPA fil-viċinanza ta’ Triq l-Egrett l-Isfar u Triq l-Egrett l-Abjad? Jista’ jgħid x’permessi għal bini industrijali ħarġu s’issa mill-MEPA f’din l-area? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra site plan immarkata bl-art li ġiet mogħtija permessi għall-iżvilupp industrijali mill-MEPA u xi pjani għandha l-MEPA għal żvilupp industrijali fil-futur f’din l-area partikolari? Jista’ jgħid xi studji saru mill-MEPA dwar l-impatti ambjentali u soċjali li dan l-iżvilupp se jħalli fuq din l-area? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ dawn l-istudji u oħrajn li saru fuq din l-area b’effett ta’ żvilupp ġdid industrijali? Jista’ jgħid jekk dawn il-permessi għal żvilupp industrijali daqshekk qrib ir-residenzi tal-familji, liema residenzi ilhom li nbnew aktar minn 22 sena, jikkonformawx mal-pjani ta’ żvilupp li ġew approvati, u ma’ regolamenti ambjentali u s-saħħa u s-sigurta’ tan-nies kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-petizzjoni li saret mir-residenti li joqogħdu fit-toroq imsemmija saret waqt il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika rigward il-pjan lokali għan-nofsinhar ta' Malta. Il-punti li tqajmu f'din il-petizzjoni wasslu biex titfassal policy speċifika (SMLU 09) għal din il-parti taż-żona industrijali u li ġiet inkluża fil-pjan li kien approvat f'Awissu 2006. Il-permessi li nħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-area industrijali ta’ Ħal Farruġ jinkludu permess outline għal master plan ta’ l-estate (maħruġ f’PA 4079/93 u emendat permezz ta’ PA 191/98) kif ukoll permess separat (PA 5097/95) għall-bini ta’ boundary wall li jifred l-area industrijali mill-area residenzjali. Numru konsiderevoli ta’ permessi fuq siti individwali ġew ukoll proċessati mill-Awtorità skond il-master plan approvat. L-art mogħtija għall-iżvilupp industrijali kienet approvata bil-permess PA 191/98. Il-pjan ta' l-Awtorità għal dan il-qasam huwa espress fis-South Malta Local Plan kif approvat f’Lulju ta’ l-2006 wara proċess ta’ konsultazzjoni. Filwaqt li l-pjan jikkonferma l-area bħala żona industrijali, policy SMLU 09 ta’ l-istess pjan tesiġi li l-attività industrijali qrib l-area residenzjali ma toħloqx impatti negattivi. Il-proċess ta’ l-applikazzjoni għall-master plan ma kien jinkludi ebda studju ambjentali minħabba li l-area kienet diġà stabbilita bħala żona industrijali filwaqt li l-intenzjoni tal-master plan kienet li ttejjeb l-ambjent ġenerali tal-qasam waqt li tnaqqas l-impatt negattiv fuq l-iżvilupp residenzjali fil-qrib.

Adult Training Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ħaddiema mill-Adult Training Centres li telqu mill-ATCs sabiex jibqgħu jaħdmu f'xi dipartiment ieħor tal-Gvern, wara li dawn l-istess ħaddiema li oriġinarjament kienu mpjegati tas-servizz pubbliku ġew mogħtija l-għażla ta' fejn jixtiequ jagħtu s-servizz tagħhom jekk hux fl-ATC's taħt il-Foundation for Social Welfare Services jew f'xi dipartiment ieħor tal-Gvern, mid-9 ta' April 2007? Jekk kien hemm ħaddiema li marru lura f'xi dipartiment tal-Gvern, kemm huwa n-numru ta' dawn il-ħaddiema li rritornaw lura f'dipartiment kif ukoll taħt liema kriterji ġiet approvata t-talba ta' dawn il-ħaddiema li rritornaw lura f'dipartiment? Xi grad għandhom dawn il-ħaddiema u x'inhi l-kariga li ngħatatilhom? Minn liema ministeru qegħda toħroġ il-paga ta' dawn il-ħaddiema? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema oħra li għamlu t-talba sabiex huma wkoll jirritornaw lura f'dipartiment tal-gver u ta' liema grad huma dawn il-ħaddiema? Kemm hu n-numru li ġew irrifjutati u taħt liema kriterji dawn ġew irrifjutati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ħaddiema tas-Serviżż Pubbliku kollha li kienu mpjegati fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ ġew ‛deployed’ mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali skond il-kundizzjonijiet elenkati fl-ittra mibgħuta lil kull ħaddiem. Fost dawn il-kundizzjonijiet kien hemm li ħaddiem li juri x-xewqa li jirritorna lura fis-Servizz Pubbliku jkun jista’ jagħmel dan skond il-prassi eżistenti, jiġifieri jekk il-Gvern ikollu domanda u ħtieġa għas-servizz tiegħu. Dan id-deployment ma jipprekludix ħaddiem, li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni, li japplika għall-postijiet vakanti fis-Servizz Pubbliku, mħabbra minn żmien għal żmien. Ninsab infurmata wkoll li mid-9 ta’ April 2007, meta daħal fis-seħħ dan id- deployment , kien hemm tlett ħaddiema li rritornaw lura f’dipartimenti oħra tal-Gvern. Il-grad tagħhom kien ta’ kok, casual nurse u senior care worker . L-ewwel żewġ persuni applikaw u ġew magħżula biex jimlew postijiet vakanti f’dipartimenti tal-Gvern barra d-dekasteru tiegħi. Fil-każ tas- seniour care worker , kien hemm talba minn Ministeru ieħor biex din tagħti s-servizzi tagħha, li kienu meħtieġa, f’Taqsima taħt dak il-Ministeru. Ninsab infurmata wkoll li, mid-data msemmija qabel, kien hemm tnaxil ħaddiema li talbu biex jirritornaw lura fis-Servizz Pubbiku. Il-gradi ta’ dawn il-ħaddiema huma: head care centre, assistant head care centre, senior care worker, care worker, assistant care worker, health assistant, senior tradesman u general hand . Ebda waħda minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħet peress li ma kienx hemm domanda u ħtieġa għas-servizz tagħhom band’oħra.

ATC — Skills Audit

Question

Tista' l-Ministru tgħid min iddeċieda u kif ġie deċiż li l-impjegati fl-Adult Training Centres kollha, inkluż dawk impjegati tas-servizz pubbliku isirilhom Skills Audit? Kif ġie deċiż b'liema metodu dan l-iSkills Audit għandu jsir u liema metodu ġie magħżul għal Care Workers, Support Workers kif ukoll dawk fi gradi ogħla? X'inhu l-iskop għal dan l-audit? Min ġie mqabbad jagħmel dan l-istħarriġ fuq l-impjegati? Kif ġew magħżula dawn il-persuni li għamlu dan l-istħarriġ? X'esperjenza għandhom fil-qasam tad-diżabilita'? Kemm ħallset il-Foundation for Social Welfare Services għal dan l-eżerċizzju u lil min ħallset dawn il-flus? Kemm huwa n-numru ta' persuni li għamlu jew se jagħmlu dan l-eżerċizzju? Kemm hija jew kemm hija kkalkulata l-ispiża ras għal ras biex isir dan l-eżerċizzju? Dan l-iSkills Audit kien optional jew bilfors għall-impjegati ta' l-Adult Training Centres?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-deċiżjoni li jsiru l-iskills audits ta’ l-impjegati kollha fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’ ittieħdet mill-management tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali wara diversi diskussjonijiet. Il-metodu adottat ġie deċiż flimkien mal-kumpanija li ġiet magħżula wara talba għall-proposti minn tlett kumpanniji b’esperjenza magħrufa fil-qasam tar-riżorsi umani. Il-kumpannija magħżula kienet il-MISCO għax ippreżentat l-aktar proposta estensiva għal dak li jirriġwarda t-testijiet li riedu jsiru kif ukoll kienet aċċessibli finanzjarjament għall-Fondazzjoni. Wara l-għażla, din il-kumpannija ħadmet fil-qrib ħafna mal-Fondazzjoni biex tingħata l-informazzjoni meħtieġa, inkluż job descriptions tax-xogħlijiet varji, u biex tuża sitwazzjonijiet realistiċi li jgħinuha toħroġ riżultati relevanti. Il-metodoloġija użata ġiet approvata mill- management tal-Fondazzjoni wara preżentazzjoni dettaljata mill- Head of Learning and Development tal-kumpannija, u kienet tinkludi: Analiżi tas- CVs tal-ħaddiema Intervisti mal-ħaddiema nfushom Evalwazzjoni tal-litteriżmu u tal-ħiliet bażiċi fuq il- computer Workshops ibbażati fuq teamwork L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju kien li, issa li l-ħaddiema kollha f’dawn iċ-Ċentri waqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni, jittieħed snapshot tal-ħiliet eżistenti, jiġu identifikati xi nuqqasijiet li jista’ jkun hemm f’dan ir-rigward u t-taħriġ li hemm bżonn biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet. Dan kollu biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti ta’dawn iċ-Ċentri. Ninsab infurmata li għal dan l-eżerċizzju MISCO tħallsu b’kollox Lm 4,944.20 u l-ispiża ras għal ras hi kkalkulata li kienet ta’ Lm26.72. Ninsab infurmata wkoll li dan l-i skills audit kien obbligatorju għal kull ħaddiem fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’.
Leg 10 PQ #28934 Sitting 591 2007-11-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali

Question

Tista` l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 27861 u tgħid x'apparat mediku ngħata b'donazzjoni lill-Isptar Generali ta' Għawdex; meta ngħata, min minn u kemm jiswa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #28935 Sitting 591 2007-11-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Irranġar ta' bankina

Question

Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament qed tbati minn inkonvenjent kbir minħabba l-istat u kundizzjoni tal-bankina quddiem id-dar tagħha liema inkonvenjent qed ibatu minnu wkoll diversi residenti fosthom anzjani ta' dik it-triq, tista' l-Minisru tindirizza din is-sitwazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li s-sitwazzjoni msemmija giet indirizzata.

Universita — Stipends Office

Question

Peress li ħafna studenti universitarji qed jilmentaw dwar it-tmexxija ta' l-iStipends Office ta' l-Universita' billi għad hemm ħafna studenti li sal-lum għadhom ma rċevewx il-formola ta' l-istipendju, bil-konsegwenza li jekk ma jibagħtux din il-formola jispiċċaw mingħajr stipendju u kif ukoll għad hemm studenti minghajr aċċess għall-iSmart Card għax ma nfetħitx, jista l-Ministru jindirizza din is-sitwazzjoni minnufih?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 10 PQ #28960 Sitting 591 2007-11-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Ġarr ta' pazjenti

Question

Tista` l-Ministru tgħid kemm-il darba f'dawn l-aħħar tlett snin, kull sena u kull xahar separatament, inġarru pazjenti mill-iSptar Ġenerali ta' Għawdex għal St Luke's bil-helicopter u x'kienet ir-raġuni kull każ separatament? Inoltre tista` tgħid kemm hija l-ispiża li jinkorri l-Gvern kull darba li jintuża l-helicopter u tagħti breakdown ta' l-ispejjeż involuti kif ukoll tgħid mill-budget ta' liema dipartiment/ministeru jitħallsu dawn l-ispejjeż?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-ispiza li jinkorri l-Gvern m'ghandniex taghrif peress li ma jithalssux mill-Isptar Generali.

Zurrieq — Pjazza Mattia Preti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ADT qed tippermetti li l-karozzi tal-linja jibqgħu jipparkjaw l-karozzi tal-linja fi Pjazza Mattia Preti, z-Zurrieq bl-exhaust lejn il-bibien tar-residenti fejn hemm anke anzjani li lanqas jistgħu jħallu tieqa miftuħa jew bieb imbexxaq jew joqgħodu fil-bieb għax jibilgħu ruxxmata exhaust? Għaliex xi ħaġa loġika bħal din baqgħet ma ġietx riżolta minkejja diversi lmenti? Possibbli l-ADT tagħmel spezzjon fuq il-post u tieħdu deċiżjoni immedjata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-raġuni għalfejn il-karozzi tal-linja jkunu ipparkjati wiċċhom il-barra hija minħabba l-fatt, illi r-regolamenti jistabilixxu li vettura ma tistax tirriversja waqt li tkun mgħobbija bil-passiġġieri. Minkejja dan, l-Awtorità sejra tqiegħed road humps f’ distanza l-bogħod biżżejjed mil-bankina, sabiex in-naħa ta’ wara tal-karozza tal-linja ma tibqax dieħla fuq il-bankina u għaldaqstant, jitnaqqas l-exhaust minn mal-bibien tar-residenti

Sliema — Bus stops

Question

Jista' l-Ministru javza lill-ADT biex ineħħu bus stop fix-xatt ta' Tas-Sliema li qiegħed mal-baħar, ikrah u qadim u jpoġġu wieħed bħall-oħrajn? Jista' l-bus stop ta' quddiem l-Preluna jitpoġġilu bank biex ipoġġu n-nies bil-qegħda għax dan il-bank ilu nieqes xhur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita ser tieħu ħsieb twaħħal bank fil-Bus Shelter ta’ quddiem il-Preluna Hotel. Fir-rigward tal-Bus Shelter tax-Xatt ta’ Tas-Sliema, jien infurmat li dan il-Bus Shelter diġa huwa ordnat sabiex jinbidel.

Karozzi mikrija għall-użu tagħha

Question

Tista' l-Ministru tgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tagħha bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, minbarra s-second car li hi mikrija bir-rata ta’ Lm9.45 kull ġurnata, minn Jannar 2007 sal-lum inkriet Skoda Octavia għal ħamest ijiem, bir-rata ta’ Lm17.80 kull ġurnata, sakemm il-karozza uffiċjali tiegħi kienet għat-tiswijja.

Manutenzjoni tal-karozza

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm swiet il-manutenzjoni tal-karozza tagħha bħala Ministru u s-second car separatament minn Jannar 2007 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-manutenzjoni fuq il-karozza ufficcjali tieghi minn Jannar sa Ottubru 2007 swiet Lm539.88c. Ma kien hemm ebda nefqa fuq manutenzjoni dwar is-second car ghax din hi mikrija.

Karozzi ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-taghrif mitlub mill-Onor.Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.