Adult Training Centres — Ikel lil persuni b'diżabilita'
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menus ta’ l-ikel li ingħataw lill-persuni b’diżabilita’ li jattendu fl-Adult Training Centres matul l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2007, meta dan l-ikel gie pprovdut mill-kuntrattur?
Tista’ tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menus ta’ l-ikel li kienu qed jingħataw lill-persuni b’diżabilita’ matul il-ġimgħa li għaddiet, fl-adult training centres, ċentru ċentru?
Min huma n-nutritionist u d-dietician li approvaw dawn il-menus taċ-ċentri individwali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 27821 f’Seduta Numru 560.
Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li
nutritionist
ikkonsultata biex jitfassal programm għall-preparazzjoni ta’ l-ikel fiċ-Ċentri kienet mid-Diviżjoni tas-Saħħa.
Tista' l-Ministru tgħid min u kif jiddeciedi lil liema impjegati fl-Adult Training Centres, jingħataw l-allowances? Lil liema impjegati qed jingħataw l-allowances u x’tip ta’ allowances qed jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-allowances lill-impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, inkluż dawk li jaħdmu fiċ-Ċentri għall-Persuni b’Diżabilita’, jingħataw skond il-policies stabbiliti ta’ l-istess Fondazzjoni.
Għal dak li jirrigwarda l-impjegati tal-Gvern li huma
deployed
mal-Fondazzjoni f’dawn iċ-Ċentri, peress li dawn għandhom struttura differenti, fejn indikat, jingħataw l-
allowances
tal-Fondazzjoni wara evalwazzjoni tax-xogħol tal-persuna konċernata skond l-istruttura tal-Fondazzjoni.
Ninsab infurmata wkoll li reċentement ġiet introdotta
allowance
għal
care workers
jew
sapport workers
li jkunu nvoluti fil-preparazzjoni ta’ l-ikel għall-klijenti fiċ-Ċentri l-kbar.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28677 u t-tweġiba tagħha fejn il-Ministru wiegħed li x-xogħol fuq Triq Ħammieri, f’Ħal Qormi, kien se jinbeda fil-ġimgħa ta’ l-1 ta’ Novembru, 2007 jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ix-xogħol għadu ma nbediex wara kwazi ħmistax-il ġurnata li suppost kellu jinbeda? U dan specjalment meta r-residenti f’din it-triq u dawk kollha li b’xi mod jgħaddu minnha huma suġġetti għal perikli għas-saħħa u s-sigurta’ tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi x-xogħol kien verament ippjanat li jsir kif ġie dikjarat.
Madankollu l-Kunsill talab li jipposponi x-xogħol peress li l-perit rappreżentant tal-Kunsill Lokali ma kienx disponibbli.
Għaldaqstant ix-xogħol ġie differit u għandu jkun lest fil-ġranet li ġejjin.
B'riferenza għat-tweġibiet mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsijiet parlamentari numri 23726 u 25904 dwar xiri ta' karozzi, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li x-xiri taż-żewġ karozzi kien skond Ċirkolari Nru. 5/98 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28090.
Nirriferi lill-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi għat-tweġibiet mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għal mistoqsijiet parlamentari 23726, 25904 u 27535 dwar xiri ta' karozzi. Jista' l-Prim Ministru issa jikkonferma li x-xiri taż-żewġ karozzi kien skond Ċirkolari Nru. 5/98 maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi? Huwa minnu li x-xiri ta' dawn il-karozzi ma kienx skond il-proviżjonijiet taċ-ċirkolari msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, qabel ix-xiri ta’ waħda mill-vetturi msemmija, kien hemm diverġenza fl-interpretazzjoni u kif jinftehmu l-linji gwida li fuqhom jimxu l-Ministeri f’dawn iċ-ċirkustanzi u d-direzzjoni maħruġa minn dan il-Ministeru f’din l-okkażżjoni. Sa dan it-tant saru l-kjarifiki neċessarji sabiex jiġu ċċarati d-direttivi kkonċernati biex ma jkunx hemm ambigwita’ aktar ’il quddiem.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kellha mpjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha minn Jannar 2007 sal-lum li għandhom 'l fuq minn 61 sena? Min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ingħatawx direct orders minn Jannar 2007 sal-lum mill-Ministeru, dekasteru u enti tagħha u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tagħha, tal-uffiċjali biss (eskluż l-użu ġenerali) separatament minn Jannar 2007 sal-lum? Tista' tgħid liema uffiċjali huma intitolati għal petrol imħallas mill-Gvern fl-istess perjodu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Tista' tagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għal mistoqsija Nru. 26151.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz ta' l-internet provdut fir-residenzi ta' l-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tagħha minn Jannar 2007 sal-lum separatament, uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Tista' tgħid min hu l-ISP f'kull każ separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għal dawk li jirhanu d-deheb fil-Monte di Pieta' minn Lm1-il gramma niżlet għal 75c-il gramma? Hemm xi ħaġa tinten jew xi cover up għal xi ħabib?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-rata ta’ self fuq deheb mirhun il-Monti jiġifieri l-ammont misluf għal kull gramma deheb iddepożitata jiddependi mill-fondi disponibbli għal dan is-self b’imgħax baxx ta’ biss 5%.
Dawn l-aħħar ħames snin ir-rata msemmija kellha titnaqqas għal sebgħa u ħamsin ċenteżmu-il gramma proprju biex l-istituzzjoni tal-Monti tibqa’ viabbli u ma tkunx ta’ piż fuq fondi pubbliċi. Dan it-tnaqqis inħass neċessarju biex jiġi żgurat il-futur ta’ dan is-servizz.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-Monte di Pieta' meta x-xogħol kważi spiċċa kollu, hemm wieħed li għadu jagħmel l-overtime kuljum? Dan qed jitħallas tiegħu jew qed iżomm il-mażżri ta' xi ħadd f'idejh u ma jistgħux ikellmuh? Jew qed ipatti għal ħin ta' filgħodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-ħaddiema d-deheb u l-ħaddiema l-fidda li daħal fis-seħħ f’April 2004 ġab ħafna tibdiliet pożittivi u biddel sostanzjalment il-profil tax-xogħol fl-Uffiċċju tal-Konslu.
Bis-saħħa ta’ l-Att, il-Konslu minn uffiċċju ta’ kontroll fuq importazzjoni u xogħol lokali, sar entità regolatorja responsabbli għall-għoti ta’ permessi biex oġġetti prezzjużi jiġu mbullati privatament u anke spettorat fis-suq. Dan minbarra li xorta baqa’ miftuħ biex jimbolla oġġetti prezzjużi bil-boll tal-konslu minflok il-boll privat.
Minbarra dan, il-konslu xorta baqa’ responsabbli għall-valutazzjoni ta’ oġġetti prezzjużi miġjuba mill-pubbliku, dwana, dipartimenti oħra jew il-Qorti kif ukoll irid jagħmel stand-ins fl-assenza tal-Keepers tal-Monte di Pieta’.
Ta’ min wieħed isemmi wkoll li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tat dimensjoni oħra fix-xogħol amministrattiv tal-konslu u ġabet xogħol ġdid ta’ armonizzazzjoni.
M’huwiex għaldaqstant korrett tgħid li x-xogħol tal-Konslu spiċċa; mhux talli ma spiċċax talli ħa żvolta aktar aġġornata u addattata għall-kundizzjonijiet tas-suq ġdid.
L-overtime limitat ħafna li jingħata lil grad tal-Konslu (għal tlett persuni mhux persuna waħda) hu strettament marbut ma’ nuqqas ta’ nies fl-istaff fil-gradi tal-Konslu u tal-Monte di Pieta’.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tagħha u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 2005 u 2006 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24519 f’Seduta Numru 517.
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar is-snin l-oħra hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex ikollha sistema ta' awditjar akkademiku u amministrattiv serju? Jista' jgħid ukoll għalfejn l-evalwazzjoni ta' l-istudenti kienet intemmet ħesrem u għaliex s'issa għad m'hemmx mekkaniżmu kif l-istudenti jesprimu ruħhom dwar it-tagħlim ta' l-akkademiċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-ġimgħat li ġejjin, l-Universita' sejra tibdel is-sistema prezenti ta' awditjar tal-programmi akkademiċi tagħha għal waħda bbazata fuq prattiċi moderni simili għal dawk adottati f'universitajiet oħra ewropej. Is-sistema l-ġdida se tinvolvi proċeduri rigoruzi li bihom, fost affarijiet oħra, korsijiet ġodda jiġu verifikati qabel jiġu adottati, filwaqt li korsijiet li diġa' jezistu jiġu evalwati perjodikament. Biex jista' jsir dan, diġa ddaħħlu proċeduri akkademiċi u amministrattivi ġodda bl-għajnuna ta' staff amministrattiv li ġie dedikat apposta għal dan il-għan.
Fost il-proċeduri li se jifformaw parti integrali mill-mekkanizmi ta' l-awditjar akkademiku, l-Universita' se terġa tintroduċi l-evalwazzjoni tat-taqsimiet ta' studju. Dan se jsir permezz ta' formoli li se jimtlew mill-istudenti b'sistema on-line. B'hekk xi problemi li setgħu nħolqu fil-passat meta kien sar dan l-ezerċizzju bl-uzu ta' karti li kienu jimtlew manwalment mill-istudenti jiġu evitati. B'din is-sistema l-ġdida, ir-risposti ta' l-istudenti jkunu magħrufa mill-għalliema u mill-amministrazzjoni immedjatament kif l-istudenti jibgħatuhom.
Dan ma jfissirx li prezentement l-Universita' ma għandiex sistemi effettivi ta' kontroll tal-kwalita'. Ta' min ifakkar li fit-tul tas-snin l-Universita' dejjem stiednet ezaminaturi barranin biex mhux biss jieħdu sehem fil-proċess ta' l-ezamijiet, imma wkoll jagħtu rapport dwar l-evalwazzjoni tagħhom tal-korsijiet. Kostantement, dawn ir-rapporti indikaw li l-korsijiet ta' l-Universita' ta' Malta jilħqu l-ogħla livelli u jikkomparaw sew ma' dawk ta' l-aħjar universitajiet internazzjonali.