Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-fuljett dwar il-budget li tqassam fid-djar t'Għawdex f'dawn l-aħħar ġranet? Jista' jgħid fejn sar l-istampar u jekk ix-xogħol ngħatax b'offerta?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27158, peress li skond l-informazzjoni mogħtija ngħataw diversi promozzjonijiet lill-istess persuni f'qasir żmien, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan u l-kriterji li fuqhom ingħataw dawn il-promozzjonijiet?
Jista' l-Ministru jgħid:
Liema kumpanija Maltija tas-sajd talbet il-permess lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) biex timpjega lil Liu Chang f'Mejju li għadda?
Meta d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali skrutinizza l-kuntratt tax-xogħol mogħti lil Liu Chang u lil ħaddiema Ċiniżi oħra bħalu li ġew impjegati ma' din l-istess kumpannija tas-sajd?
Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali vverifika li dan l-employer żamm mal-kuntratt tax-xogħol li Liu Chang u oħrajn kellhom mal-kumpanija tas-sajd imsemmija?
X'kienu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u salarju li Liu Chang u ħaddiema Ċiniżi oħra ngħataw minn din il-kumpanija?
Liu Chang u l-ħaddiema Ċiniżi bħalu kienu inxurjati mill-kumpanija?
Il-kumpannija li mpjegat lil Liu Chang u l-ħaddiema Ċiniżi ħallset il-kontribuzzjonijiet soċjali ta' dawn il-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema kumpanija kien rreġistrat fl-ETC li kien qed jaħdem iċ-Ċiniż Liu Chang Hua meta ddaħħal l-isptar fit-3 ta' Awissu 2007 minn emoroġija celebrali waqt li kien qiegħed jaħdem fuq il-vapur tas-sajd Degre?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tispeċifika dak li qalet f'artiklu li ġie pubblikat fil-ħarġa tal-ġurnal "The Times" ta' l-20 ta' Novembru, fl-okkażjoni ta' Jum Internazzjonali għat-Tfal dwar il-liġi ta' l-adozzjoni? Meta se titressaq il-liġi l-ġdida quddiem il-Parlament? Meta se tiġi ntrodotta l-estenzjoni għall-adoption leave u b'kemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Abbozz tal-liġi dwar l-adozzjoni ġie ppubblikat fis-16 ta’ Novembru 2007 u qiegħed fuq l-Aġenda ta’ dan il-Parlament għat-Tieni Qari.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferiha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid :
Kemm huwa l-ammont ta' postijiet vakanti fil-gradi ta'
i) prinċipal anzjan
ii) prinċipal
iii) assistent prinċipal
f'kull dipartiment/ministeru rispettivament fl-aħħar ta' Novembru 2007?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivament ser jimtlew
i) minn uffiċjali pubbliċi li jgħaddu l-eżami intern, u
ii) minn kandidati li jidħlu minn barra s-servizz pubbliku?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivi ilhom vakanti
i) inqas minn 3 xhur
ii) bejn 3 u 6 xhur
iii) aktar minn 6 xhur?
Kemm hu stamt li dan ir-reklutaġġ ser jaffettwa n-nefqa pubblika tal-gvern matul is-sena 2008?
Kemm minn din in-nefqa addizzjonali ġiet provduta fl-estimi finanzjarji ta' l-2008 taħt id-diversi ministeri/dipartimenti konċernati?
Jista l-ministru jgħid kemm kellna mwiet kawża tal-kanċer tas-sider fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006, sena b'sena? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet u l-lokalitajiet li ġejjin minnhom il-vittmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna twelid ta' trabi minn single mothers fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006, sena b'sena? Jista jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet u skond il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-ommijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-fanal tal-lighthouse l-antika ta' Delimara qed jitħalla jitmermer?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li permezz ta' ftehim milħuq bejn l-Awtorita’ Marittima u l-għaqda Din l-Art Ħelwa fis-sena 2006, il-fanal ta' Delimara ġie mgħoddi lil din l-istess għaqda sabiex jiġi restawrat. Fil-fatt, fit-2 ta’ Marzu 2006, l-Awtorita’ Marittima kienet ħabbret dan permezz ta’ konferenza stampa li kienet saret fil-post. L-iskop aħħari ta’ dan il-ftehim huwa li wara li dan il-monument storiku jiġi restawrat ikun ukoll aċċessibli għal pubbliku inġenerali. Fl-istess okkażjoni l-Awtorita’ kienet ukoll preżentat is-somma ta’ Lm13,000 sabiex tgħin lill-għaqda fix-xogħolijiet ta’ restawr li kienu meħtieġa. Arranġament simili kien sar ma’ l-istess għaqda rigward it-torri ta’ Santa Marija ġewwa Kemmuna.
L-Awtorita’ hija nfurmata li x-xogħolijiet relatati mar-restawr fuq dan il-fanal huma fi stadju avvanzat u fil-jiem li ġejjin Din l-Art Ħelwa sejra tħabbar iktar dettalji dwar ix-xogħolijiet li saru f'dan ir-rigward.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali ma pprovdiex post alternattiv lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, meta saret l-ewwel applikazzjoni quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma kellhiex applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies jirreġistraw għax-xogħol minn dawn il-lokalitajiet: L-Isla, Bormla, il-Birgu, il-Kalkara, Wied il-Għajn, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Ix-Xgħajra u Marsaxlokk, lokalita b'lokalita? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond is-sess?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid hux qed issir inkjesta dwar il-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li l-ġimgħa l-oħra ddaħħal fl-emerġenza fl-10p.m. u li wara xi siegħa telaq minn hemmhekk u nstab f’xi s-siegħa ta’ filgħodu ħdejn il-kamra mortwarja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma kienx hemm ħtieġa ta' inkjesta. Dan il-kaz jirrigwarda persuna ta` nazzjonalita` barranija impjegata ma kuntrattur Malti li giet licenzjata mill-isptar taħt ir-responsabilita` ta` min kien iħaddimha. Wara ftit siegħat barra mill-isptar, din il-persuna giet abbandunata fl-isptar minn nies mhux magħrufa. Instabet fl-inħawi tal-Kamra Mortwarja u reġgħet ġiet ammessa fil-ward minn fejn kienet ġiet licenzjata. Nhar il-Ħadd 25 ta` Novembru 2007, din il-persuna irritornat lura pajjizha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħlas ta' reġistrazzjoni fuq vetturi tat-tip battery operated cars? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas ta' din ir-reġistrazzjoni fuq dawn il-vetturi u t-taxxi relatati magħhom?
Tista' l-Ministru tgħid għaliex twaqqfet l-għajnuna lill-ommijiet li jkollhom numru ta' trabi f'daqqa aktar min-normal (bħal fil-każ ta' quadruplets) f'assistenza li kienet tingħata fi ħrieqi u mediċini lil dawn l-ommijiet? Ma taħsibx li każijiet bħal dawn ikunu jeħtieġu din l-għajnuna minħabba l-piż finanzjaru li jsofru dawn il-familji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid għaliex familji li għandhom tfal żgħar li qed isofru mill-marda tad-dijabete mhux qed jingħataw labar tas-siringi size 4mm iżda qed jingħataw sizes akbar li mhux addattati għalihom? Jista' jgħid għaliex dawn il-familji mhux qed jingħataw glucose sticks li huma meħtieġa għalihom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ladarba tkun lesta.