Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħlas ta' taxxa żejda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28876 u jgħid meta se tingħata lura t-taxxa żejda li tħallset mill-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandha tieħu lura s-somma li teċċedi 'l fuq minn Lm5,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28875 u jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet xahar b'xahar matul dawn l-aħħar tlett snin inkluż il-grad li ngħata kemm jekk hu post kif ukoll position fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid li minkejja li f'mistoqsija parlamentari 27579 intqal li l-bus shelter f'Siġġiewi Road, Zebbuġ kellu jiġi nstallat sa f'Ottubru 2007 sal-lum dan għadu ma sarx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

WSC — Każ ta' anzjan

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjan, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li għandu l-każ tiegħu quddiem il-bord ta' l-appell tal-Water Services Corporation, mill-aktar fis u jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onor Interpellant kien riferut lill-Advisory Board tal-Water Services Corporation. Il-Konsumatur se jkun infurmat bil-kreditu li se jingħatalu minn dan il-Bord fi żmien qasir.

Għawdex — Victoria

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-uffiċjali fid-Dipartiment ta' l-Artijiet qegħdin iħallu abitanti jgħixu fi Flat 6, HE, taċ-Ċawla, Victoria, Għawdex li qegħed f'perikolu imminenti li jiġġarraf u l-istess dipartiment ta' l-art lanqas jindenja ruħu jagħmel t-tiswijiet strutturali li hemm bżonn ġo fih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-Housing Estate taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex hemm iżjed minn blokk wieħed u għalhekk hemm iżjed minn flat wieħed bin-numru sitta, u peress ukoll li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha l-ebda rapport dwar perikolu imminent f'xi wieħed minn dawn il-flats, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħti iżjed informazzjoni dwar il-flat li qed jirreferi għalih.

ADT — Talba għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir xi ħaġa fuq it-talba ta' persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jitratta dwar anzjana ta' 90 sena u din it-talba hija ta' neċessita'? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċreka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta kif ġej: · It-talba għal parkeġġ riservat ma ġietx milqugħa minħabba li hemm garaxx fil-viċinanżi tar-residenża ta’ l-applikant u għalhekk ma jikkwalifikax għal tali serviżż. · Fl-applikażżjoni li ġiet sottomessa w ffirmata minn bint l-applikant ġie ddikjarat li ma kienx hemm garaxx mar-residenża w lanqas fil-viċinanzi. · Il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid informa lil Bord għal Parkeġġ Riservat Persuni B’Disabbilita’ li l-applikant għandu garaxx viċin id-dar. · It-tabib mediku ta’ L-Awtorita Dwar it-Trasport ikkonferma li hemm garaxx viċin ir-residenża ta’ l-applikant. Kull applikazzjoni fejn hemm garaxx mar-residenza ta’ l-applikant jew fil-viċinanżi ma tiġix milqugħa skond il-kriterji għal dan is-serviżż.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28836 u ċioe': B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645 jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28123, 28412, 28586 u 28717 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Disposable nappies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28786 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u issa ġiet riferuta lilu u jivverifika ilmenti li qed jasluli ta' spiss minn għadd ta' ġenituri ta' persuni diżabbli li d-disposable nappies li qed jingħatawlhom mill-gvern għax huma ntitolati għalihom huma ta' kwalita' ħażina u mhux qed iservu l-iskop tagħhom? Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex id-disposable nappies ikunu ta' kwalita' tajba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nappies huma provduti minn żewġ kuntratturi, skond id-daqs ta' nappies li jkunu meħtieġa. Il-kuntratturi kienu mitluba jissottomettu samples ta' dawn in-nappies lid-Dipartiment. Dawn in-nappies għaddew mit-testijiet tal-laboratorju.

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28820 u jara x'inhi r-raġuni li l-istudenti Group 4 l-ewwel sena tal-Junior College għadhom mill-bidu tas-sena akkademika mingħajr għalliem tal-IT fil-livell intermediate? Meta se jintbagħat dan l-għalliem biex l-istudenti ma jibqgħux imċaħħda min għalliem ta' l-IT?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-1 ta' Ottubru, 2007, wieħed mill-għalliema tal-Computing/I.T. impjega ruħu post ieħor. Ħarġet aplikazzjoni għal post fil-Computing/I.T. fil-5 ta' Ottubru, 2007 u saru l-intervisti fit-30 ta' Ottubru, 2007. Informat ukoll li sadanittant irrizenja għalliem ieħor ta' l-I.T./Computing. Il-persuna li ġiet l-ewwel fl-interviews irrifjutat l-ħatra, u z-zewġ persuni li ġew wara fil-lista ta' dawk li ġew magħzula kienu offruti l-post. Hemm perjodu ta' notice li wieħed ikollu jagħti qabel jieħu l-ħatra l-ġdida fil-Junior College.

Attard — Triq iz-Zahar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' esproprijazjoni biex jitlesta x-xogħol fi Triq iz-Zahar, H'Attard?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa t-Taqsima tal-Proprjeta' tal-Gvern qegħda fl-istadju li tipprepara l-pjanti neċessarji biex wara jkun jista' jitkompla l-proċess ta' l-espropriju.

Fund for good causes

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930, 28058, 28255, 28584, 28716 u 28839 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti? Jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet li din il-mistoqsija ilha li saret ġimgħat sħaħ u għadha ma ġietx imwieġba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kopja tal-kuntratt tal-kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament qed jiġi mċaħħad milli jingħata kopja ta' kuntratt ta' kera li huwa għandu mad-dipartiment tal-housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jieħu l-azzjoni mitluba.

Talba għal akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid fhiex waslet l-applikazzjoni ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li sa l-aħħar ta' din is-sena se tisfa bla dar għax jgħalqilha l-kuntratt tal-kera tad-dar fejn qed toqgħod? Tista tiġi kkunsidrata t-talba tagħha għal akkomodazzjoni fl-inħawi ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Gżira, Pembroke u Msida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa. L-applikanta ddikjarat li tixtieq akkomodazzjoni alternattiva tas-Sliema, fejn id-Dipartiment m'għandux postijiet għall-kiri.

Xiri ta' ċens

Question

Tista' l-Ministru tara li biċċa art li kienet tal-knisja u issa ġiet tal-gvern u s-sid irid jixtri din il-biċċa art, li llum huma garaxxijiet, mingħand il-gvern? Tista' tara li dan l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jekk għandu dritt li jixtri ċ-ċens?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ċ-ċens li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu dovut lill-Uffiċċju Konġunt u għalhekk nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tarxien — Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28943 u jgħid għaliex il-bus shelter fi Triq il-Knisja ma' Triq Żejtun, Tarxien twaqqaf fuq in-naħa opposta tal-bus-stop sign (destinazzjoni lejn il-Belt) bil-konsegwenza li min irid jirkeb il-karozza tal-linja għall-Belt ikollu jaqsam f'paniku din it-triq li saret traffikuża ħafna? Għaliex il-bus-stop sign bit-tabella tal-ħinijiet qodma ma tneħħewx minn Triq Żejtun, Tarxien? Għaliex il-kuntrattur li għamel l-aħħar xogħol fuq it-twaqqif tal-bus-shelter fi Triq il-Knisja, ma wittiex il-bażi tal-bus shelter li tneħħa? Wara sena jistennew, il-passiġġieri li jridu jirkbu karozza għall-Belt, fit Triq il-Knisja, Tarxien, se jkollhom post ta' kenn? Dawk li jużaw il-karozzi tal-linja meta se jkollhom dritt isemmu l-opinjoni tagħhom fuq l-ippjanar tar-rotot u fejn jitwaqqfu l-bus-sheltersgħax milli jidher min jippjana ma jużax is-servizz tal-karozzi tal-linja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-bus stopsign bit-tabella tal-ħinijiet qodma tneħħew. Fir-rigward tal-Bus Shelter li twaħħal fi Triq il-knisja, saret speżżjoni fuq il-post mill-uffiċjali ta’ l-ADT u ser jieħdu ħsieb li l-bankina tiġi irrenġata. Infurmat ukoll li ser jitwaħħal bus shelter fi Triq il-Knisja direzzjoni lejn il-Belt u fir-rigward ta’ l-ippjanar tar-rotot, l-ADT tagħmel dan mal-Kunsill Lokali, liema kunsill jirrapreżenta lir-residenti tal-lokal. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda kopja ta’ pjanta li turi fejn ser jitwaħħal dan il-Bus Stop.

OOPS — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28937 u jikkonferma jekk ma sarux operazzjonijiet ġo OOP3 fl-iSptar San Luqa minħabba li ma kienx hemm bolts ta' l-istainless steel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jista l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku u jindika għal liema perjodu qed jirreferi?

Qormi — Triq il-Kanun

Question

Jista' l-Ministru jordna lill-ADT biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex fi Triq il-Kanun, Qormi isiru sinjali ta' traffiku kif wkoll tissewwa l-bankina (pedestrian) biex ikunu mħarsa r-residenti li jgħixu fi triq hekk traffikuża? Nirreferi prinċipalment għal dak il-parti ta' fuq li testendi mill-Mrieħel bypass lejn ċ-ċentru ta' Hal Qormi.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tkun qed tagħmel spezzjoni fl-imsemmija triq.

Qormi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid x'passi ttieħdu mill-MEPA biex ma jinfetaħx bla permess bieb mill-Fabbrika Tessons li jagħti fuq triq dejqa residenzjali ġo Hal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 28745.