Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pumping station

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-tisħiħ tal-pumping stationtal-Marsa u x'rabta se jkollu mal-bini ta' l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fin-nofsinhar tal-pajjiż? Fiex se jkun jikkonsisti dan it-tisħiħ, għaliex kien hemm il-ħtieġa li jsir u kemm se jiswa l-investiment li mistenni jsir? Jikkonferma li dan it-tisħiħ se jkun finanzjat ukoll minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proġett tat-tisħieħ tal-pumping station tal-Marsa jifforma parti minn pjan estensiv li jikkonsisti fi tqegħid ta’ mejnijiet ġodda u mina tad-drenaġġ li testendi minn Paola sa l-impjant il-gdid ta’ tisfija ta’ drenaġġ fin-nofsinhar ta’ Malta. Dan huwa meħtieġ biex tissaħħaħ is-sistema prezenti tad-drenaġġ fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-kuntrattur għadu ma ssottomettiex id-disinji tat-tgħamir mekkaniku u elettriku. Darba dawn id-disinji jkunu approvati, ix-xogħol fuq dan it-tgħamir ikun jista jinbeda. L-investiment mistenni jammonta għal madwar Lm3.2 miljuni (ca €7.4 miljuni) li 73% tiegħu hu iffinanzjat minn fondi strutturali tal-Unjoni Ewropeja 2004/2006.

Nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu (inkluż safar ministerjali) minn Jannar 2007 sal-lum separatament, xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċjali li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reggħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jaf, x'kienet r-raġuni li rreżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm riżenja waħda fil-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ta' Ceo fi skala 4.

Impjegati 'l fuq minn 61 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum li għandhom 'l fuq minn 61 sena? Min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed nagħti tagħrif kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct orders minn Jannar 2007 sal-lum mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa fuq petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, tal-uffiċjali biss (eskluż l-użu ġenerali) separatament minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid liema uffiċjali huma intitolati għal petrol imħallas mill-Gvern fl-istess perjodu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Provvista baxxa ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Minsitru jara li l-Enemalta tinvestiga għaliex anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, qed ikollha provvista baxxa ħafna ta' l-elettriku fir-residenza tagħha tant li electrical equipment qed jintefa'? Billi din il-mara qegħda taħt kura medika u jkollha bżonn tuża apparat ta' l-elettriku b'konessjoni mal-kundizzjoni medika tagħha possibli ssir spezzjoni fl-iqsar żmien possibbli u jittieħdu l-passi li hemm bżonn biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata? Possibbli jiġi nnutat li din l-anzjana ġabet l-electrician li ċċertifika li l-ħsarat mhumiex min-naħa tagħha iżda min-naħa ta' l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ilment ġie nvestigat u sar ix-xogħol meħtieġ biex titwassal provvista tal-elettriku adekwata.

Studenti li ma jattendux skola

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28604 u jgħid jekk hemmx kazijiet ta' studenti li mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum ma bdewx jattendu l-iskola u l-iskola ma ġietx infurmata dwar dan, jew inkella li l-istudenti ġew trasferiti f'xi skola oħra? X'passi jittieħdu f'dawn iċ-ċirkustanzi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex isiru appuntamenti għall-Isptar Mater Dei l-persuni qed ikollhom imorru personalment l-isptar u ma jistgħux jinqdew minn fuq it-telephone jew b'xi mezz ieħor?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Hemm tliet modi kif wieħed jista jagħmel appuntament ma' professur fi Sptar Mater Dei. 1. It-tabib taċ-Ċentri tas-Saħħa jew dak privat (li jkun qed jirreferi pazjent għall-isptar) jista jagħmel użu mill-online service. It-tabib jimla formola ta' riferiment u jibgħatha dak il-ħin stess b'mod eletroniku. 2. It-tabib jista' jagħti l-formola mimlija lill-pazjent, u jitlob lill-istess pazjent biex jew (a) jibgħatha bil-posta jew (b) iwassalha personalment l-isptar. Meta il-formola ta' riferiment tasal fil-klinika fejn il-pazjent ikollu bżonn jattendi, din tiġi murija lill-konsulent responsabbli biex dan ta' l-aħħar jiddeciedi b'mod professjonali jekk dak il-każ huwiex urġenti jew le. Wara jintbagħat l-appuntament bil-posta lill-pazjent. Dawn il-proċeduri ġew stabbiliti biex b'hekk jiġi assigurat li: a) il-pazjent jingħata kura skond il-bżonnijiet mediċi tiegħu u mhux fuq first come first served basis. b) ma jsirux żbalji bħal per eżempju li jingħata appuntament ma' konsulent minflok ieħor.

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sal-lum student tal-Junior College li jinsabu fl-ewwel sena u qed jagħmlu kors ta' l-IT f'livell intermedju għadhom mingħajr għalliem? Jista' jsir xi ħaġa ħalli din is-sitwazzjoni ma tibqax jew għallinqas tittaffa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Junior Lyceum San Gużepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni ttieħdet dwar il-Junior Lyceum San Ġużepp li jinsab ġewwa Raħal Ġdid? Fejn se jmorru l-istudenti u l-għalliema ta' l-istess skola u minn liema sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ikun jista' jingħata meta jkunu deċizi d-dettalji rilevanti wara l-konsultazzjoni meħtieġa ma' min hu involut.

Diretturi Ġenerali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ħlas u kundizzjonijiet ser ikollhom id-Diretturi Ġenerali l-ġodda ta' l-edukazzjoni? Minn meta jibda jseħħ il-kuntratt u meta jiskadi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diretturi Ġenerali l-ġodda ta' l-edukazzjoni għandhom il-ħlas u l-kondizzjonijiet stabbiliti għal Diretturi Ġenerali fis-Servizz Pubbliku flimkien ma' allowance annwali ta' Lm2000 fil-kaz tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, u ta' Lm4000 fil-kaz tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Kwalita' u l-iStandards fl-Edukazzjoni in vista tal-kwalifiki u esperjenzi ta' l-uffiċjali rispettivi kif avzat fis-sejħa għal applikazzjonijiet.

Gzira — Edgar Bernard Str

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi konkreti dwar il-problema ta' flooding li jkollhom fil-jiem tal-maltemp ir-residenti ta' Edgar Bernard Str, Gżira speċjalment minħabba ilmijiet li jkaxkru ħafna affarijiet minn taħt il-pont?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant hija parti minn zona li dwarha l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħejja proġett li qiegħed quddiem il-MEPA għal ħruġ tal-permessi meħtieġa.

Surcharge

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28902 u jikkwantifika f'miljuni ta' liri Maltin kemm tiswa sija s-surcharge u sija n-nofs tas-surcharge bil-prezz taż-żejt kif inhu llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jekk wieħed jieħu l-prezzijiet taż-żejt ta' nhar 8 ta' Novembru 2007 li kienu Fuel Oil USD 522.00/MTon, Gas Oil USD 874.25/MTon u r-rata tad-dollaru 3.4074 is-surcharge hija kalkulata li tammonta għal 132%. Din tiswa Lm62 miljun (in-nofs jiġi Lm31 miljun). Ta' min jinnota li s-surcharge hija maħduma abbażi tal-mudell ta' operat tal-Korporazzjoni Enemalta għas-sena li għaddiet 30/09/07. Il-mudell tas-surcharge irrid jiġi aġġustat biex jirrifletti l-operat għas-sena li tagħlaq 30/09/08.

Kordin — Football ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xi pjanijiet hemm għall-ground tal-football magħruf bħala s-C ground ġewwa Kordin li jidher li huwa mmarkat għal żvilupp industrijal? Jista' jiġi kkunsidrat li dan il-ground jibqa' jintuża għal skop ta' sport u jigi wkoll mogħti, bil-proċedura parlamentari tas-soltu, lit-tim tal-football li qed jagħmel użu minnu fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ground imsemmi ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta tal-Ministeru tiegħi. Għalhekk, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tigħu lill-Ministru konċernat.

Taxxa tad-dħul — Konjuġi separati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28797 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Riklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28844 u jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.