Legislature:
Category:
Reset
Active:

Teatru Rjal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28782 u jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern dwar is-sit tat-Teatru Rjal? Meta ser isir ix-xogħol maħsub, jekk inhu l-każ, u kemm huwa maħsub li jiġi jiswa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-ħsieb tal-Gvern dwar dan il-proġett kien espress f'okazzjonijiet differenti kemm mill-Prim Ministru kif ukoll minni stess partikolarment waqt id-diskussjoni tal-estimi tal-Ministeru tiegħi.

Manoel Island — Art mill-MIDI

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27892 u jikkonferma li sar ir-rilaxx ta’ l-art mill-MIDI lill-gvern li tinsab ġewwa Manoel Island sabiex jinbena ground tal-football kif ukoll clubhouse li se jkunu għall-użu esklussiv tal-Gżira United FC u n-nursery ta’ l-istess club? Meta huwa maħsub li jibda’ x-xogħol fuq dan il-proġett? Jikkonferma li flimkien ma’ dan il-proġett hemm ukoll il-premises tar-Royal Malta Youth Club? Jekk iva, meta se jibda’ x-xogħol fuq dawn il-premises ħalli immedjatament wara jkun jista’ jibda dak tal-ground tal-football u l-clubhouse? Japprezza li fil-preżent il-club tal-football tal-Gzira United ma jistax jagħmel titjib u tiswijiet fil-ground preżenti, fosthom ta’ bini kkundannat, u għalhekk il-proġett huwa ta’ natura urġenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

PQ 28988 Ninsab infurmat li fil-kuntratt oriġinali ma hemmx kontemplat l-ebda rilaxx ta’ art. Il-kuntratt jipprovdi li l-bini tal-football pitch u l-clubhouse għandu jsir mill-MIDI u meta dan jitlesta jiġi mgħoddi lill-Gvern. Bħal issa hemm applikażżjonijiet pendenti mal-MEPA għall-bini tal-football pitch u l-clubhouse. Sadanittant ir-Royal Malta Yacht Club tefgħet applikażżjoni għall-bini ta’ premises ġodda li se jservi bħala sit alternattiv għall-clubhouse preżenti. Parti minn dan l-izvilupp huwa propost li jinbena taħt il-football pitch. Għalhekk huwa previst li waqt li jkunu għaddejin ix-xogħlijiet fuq il-premises ta’ l-RMYC, il-MIDI tibda x-xogħol li, fost affarijiet oħra, jinkludi l-football pitch. Ix-xogħol biex jitlestew dawn il-proġetti huwa madwar sentejn minn meta joħrog il-permess mill-MEPA. M’hemm xejn li jżomm lill-Gzira United milli jagħmel logħob fil-ground preżenti. Il-Gzira United FC jistgħu jibqgħu jużaw il-pitch tagħhom sakemm dawn jingħataw football pitch alternattiv.

Audit fl-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-Dipartiment irċevewx ilmenti mingħand kapijiet, assistenti kapijiet u għalliema minn xi skola jew oħra dwar il-mod kif qed isiru ċerti mistoqsijiet waqt li jkun qed isir l-audit fl-iskola, speċjalment dwar il-mod kif qed isiru mistoqsijiet lill-għalliema dwar il-kap u l-assistenti kif ukoll dwar il-mod kif qed isiru mistoqsijiet lill-istudenti fir-rigward ta’ l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li la l-Ministeru u lanqas id-Direttorati ta' l-edukazzjoni ma rċevew ilmenti mingħand Kapijiet, Assistenti Kapijiet jew għalliema dwar mistoqsijiet li qed isiru waqt l-Audit f'xi skola.

Universita' — Pubblikar ta' minuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-minuti tas-Senat, tal-Kunsill u tal-Bordijiet tal-Fakultajiet ta’ l-Universita` ta’ Malta m’għadhomx ikunu pubbliċi billi jiġu pubblikati fuq il-website ta’ l-istess Universita`?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Minuti tas-Senat, tal-Kunsill u tal-Bordijiet tal-Fakultajiet ta' l-Universita' ta' Malta qatt ma kienu pubbliċi.

Universita' — Promozzjonijiet u appointments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-promozzjonijiet u l-appointments li jsiru jew jingħataw fl-Universita` ta’ Malta m’għadhomx jiġu pubblikati bħalma kien isir qabel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' tippublika dawk il-promozzjonijiet u l-appointments li huma ta' interess pubbliku.

Bdil ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju waslet it-talba għal bdil ta' saqaf tal-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, peress li dan is-saqaf qiegħed fi stat strutturali perikoluż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar m’għandu ebda talba biex jinbidel saqaf ta’ l-appartament indikat mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmata wkoll li l-imsemmi Dipartiment għandu talba għall-bdil tas-saqaf tat-tromba tat-taraġ fl-istess blokk. Din it-talba ġiet approvata, ħarġet sejħa għall-offerti u x-xogħlijiet mistennija jsiru s-sena d-dieħla.

Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif l-inkwilini ta' blokk ta' appartamenti tal-gvern jistgħu japplikaw għall-installazzjoni ta' lift? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa u f'liema lokalita' jinstabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Biex inkwilini fi blokk ta’ appartamenti tal-Gvern japplikaw għal stallazzjoni ta’ lift trid issir talba fuq formola apposta li tinġabar mill-Awtorita’ tad-Djar. Applikazzjoni tiġi kkunsidrata jekk: · ta’ lanqas wieħed mill-applikanti jkun kerrej rikonoxxut; · wieħed mill-applikanti jew familjari li jgħixu miegħu jkun isofri minn diżabilita’ ta’ mobilita’, liema diżabilita’ tkun ikkonfermata minn bord imwaqqaf apposta b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal blokki fil-Belt Valletta, il-Furjana, Bormla, il-Birgu jew l-Isla; · il-blokk ikun ta’ tlett sulari jew aktar; · tkun ġiet iffurmata assoċjazzjoni tar-residenti; · l-istallar tal-lift irid ikun strutturalment possibbli mingħajr xkiel għat-tromba tat-taraġ. Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal bus shelters inkluż il-lokalita' fejn huma applikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) iżżomm din it-tip ta’ informazzjoni dwar applikazzjonijiet kif rikjest mill-Onorevoli Interpellant fuq is-sistema ta’ l-informatika tagħha u din hija aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità.

Proġett ta' l-Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ġewx impjegati konsulenti fuq il-proġett kontra l-għargħar? Jekk fl-affermattiv min huma, kif intgħażlu, kemm tħallsu s'issa u fejn wasal ix-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħataw?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku dwar liema proġett ta’ l-għargħar qiegħed jirreferi għaliħ.

Kmamar tan-nar — Saħħa u sigurta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport imħejji mill-kumitat maħtur apposta biex ikun hemm sigurta' u ħarsien aħjar għas-saħħa fil-kmamar tan-nar?

Response (BORG, TONIO)

Dan ir-rapport ser ikun lest fil-jiem li ġejjin, u ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talba għal akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet ilha tistenna l-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jingħata akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29066, f’Seduta Numru 593, dwar l-istess persuna suġġett ta’ din il-Mistoqsija.

Studenti post-sekondarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' studenti post sekondarji li temmew l-edukazzjoni tagħhom fi żmien is-sena skolastika 2006-2007? X'inhu t-total ta' studenti post sekondarji li ressqu għall-eżamijiet tal-Matsec f'xi waħda jew oħra mis-sezzjonijiet tal-Matsec ta' din is-sena u kemm għaddew studenti f'kull suġġett f'dawn is-sezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Studenti fil-Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total f'kull Junior Lyceum tal-bniet u subien ta' kull skola sekondarja fil-Form V, skola bi skola f'Malta u f'Għawdex? X'inhu t-total ta' studenti fil-Form V skola bi skola li qegħdin jistudjaw dawn is-suġġetti: Taljan, Spanjol, Ġermaniż, Franċiż, Għarbi u lingwi oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel statali — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' studenti sekondarji tal-Form V fl-iskejjel statali, privati u tal-Knisja fis-sena skolastika 2006 - 2007 u x'inhu t-total ta' studenti li bdew xi forma jew oħra ta' edukazzjoni post-sekondarja f'Malta u f'Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Lap tops

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw computer lap tops f'dawn l-aħħar tlett snin? Lil min ingħataw dawn il-lap tops u hemm xi persuni li għandhom aktar minn lap top wieħed? Dawn il-lap tops huma inklużi fl-inventarju? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar tliet snin inxtraw ħmistax-il computer laptop. Dawn il-laptops ingħataw lil persuni skond kif jidher fil-lista t’hawn taħt. M’hemm l-ebda persuna li għandha aktar minn laptop wieħed. Il-laptops huma nklużi fl-inventarju kif jidhru fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minister Head of Secretariat Permanent Secretary Permanent Secretariat (General Use) Director, People Management and Support Services Asst. Director, Management Support Director, EU Affairs Policy Development and Programme Implementation Director, Building and Engineering Principal Technical Officer - Restoration Drawing Office Director General (Services Division) Director General (Works Division) Director, Cleansing Services Executive Co-ordinator, Rehabilitation Committees Director Water, Malta Resources Authority Project Officer 1 - Water Directorate, Malta Resources Authority

Karozza tal-linja

Question

Minħabba li hemm madwar 25 nurse minn Wied il-għajn li jaħdmu l-iSptar Mater Dei, jista' l-Ministru jara l-possibilita' li ssir karozza tal-linja diretta minn Wied il-Għajn li tgħaddi xorta minn Haz-Zabbar imma mingħajr il-ħtieġa li n-nurses ta' Wied il-Għajn joqogħdu jibdlu l-karozza tal-linja Haz-Zabbar kif qed jiġri llum? In-nurses qed jiltaqgħu ma' problema speċjalment is-Sibt u l-Ħadd meta mhux dejjem ikun hemm karozza tal-linja u jaslu tard għax-xogħol.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-ADT u l-ATP sabiex tiġi diskussa l-possibilta li jittejjeb is-servizz fil-lokalita ta’ Wied il-Għajn.

Kuntratt definit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjoni għal xogħol bil-kuntratt definit fis-servizz pubbliku matul is-snin 2003,2004,2005,2006 u 2007? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skond il-grad mitlub fis-sejħiet? Jista' jgħid kemm ħaddiema fis-servizz pubbliku li jaħdmu fuq kuntratt fiss, ngħataw jew se jingħataw kuntratt indefinit skond il-gradi tal-kuntratt ekwivalenti mas-servizz pubbliku? Jista' jagħti l-informazzjoni skond il-ħaddiema humeix irġiel jew nisa f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Vapur MV Gaudos — Rampa

Question

Peress li r-rampa tal-vapur MV Gaudos ta' spiss tkun bil-ħsara u dan ikun kaġun ta' dewmien u nkonvenjent għall-pubbliku, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi riżolta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru xi modifikazzjonijiet wara konsulti mad-disinjaturi. Issa jidher li ġew aħjar u wara sajf bil-vapuri għaddejin bla waqfien, jidher li kollox mar sew.