Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara meta ser jibda jinħareġ il-benefiċċju soċjali lill-persuna li isimaha qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha jew iċċempel SPIC fuq freephone 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' tingħata attenzjoni xierqa l-każ tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, biex forsi tingħata akkomodazzjoni? Din bħalissa hija residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, hija omm ta' tifla ta' sena u ser tkun skontat s-sentenza tagħha f'Marzu li ġej.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tibgħat rapprezentanta tagħha t-Taqsima tal- Customer Care ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Mediċina Premarin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Premarin 1.25 mg tingħatax b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern m'għandhomx jixtru l-mediċina speċifika Premarin 1.25mg, għalkemm fadal xi stokk zgħir tal-prodott. Id-Dipartiment qiegħed jixtri u jqassam prodott alternattiv.

Zabbar — Żbir ta' siġra

Question

Jista' l-Ministru jara li tinżabar siġra li kibret ħafna li tinsab quddiem Block F fi Triq il-Klin, Zabbar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-lokalitá indikata mill-Onorevoli Interpellant taqa' taħt ir-responsabbiltá tal-Kunsill Lokali.

Għaqda li tieħu ħsieb l-qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna tista' tiġi offruta lil għaqda li tkun qed tieħu ħsieb il-qtates fil-lokalita' tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar baġit il-Gvern ippjana fond ta' Lm150,000 għal inizjattivi fil-qasam tat-trattament xieraq ta' l-annimali bla sid u s-santwarji li jieħdu ħsiebhom. Nofs din iċ-ċifra hija ntiża biex isir programm ta' tiswija fuq dawn l-annimali bla sid u n-nofs l-ieħor huwa ntiż biex organizazzjonijiet mhux governattivi reġistrati bħala non-profitable jiġu mgħejjuna jtejbu s-santwarji tagħhom wara li l-applikazzjoni tagħhom għal fondi tkun eżaminata minn panel imwaqqaf għalhekk taħt il-Kunsill dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali (Animal Welfare Council).
Leg 10 PQ #29693 Sitting 613 2008-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Host Families

Question

Billi fil-11 ta' Ġunju, 2007 l-host families kienu ġew avżati bil-miktub mic-Chairman ta' l-MTA li dawk li kienu għamlu contributions għas-sena 2007 kienu ser jingħataw moratoriumu refund in full tal-kontribuzzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jgħid meta dan ir-refund ser jinħareġ u għaliex tħalla jgħaddi dan ż-żmien kollu biex jinħareġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi r-refund in full tal-kontribuzzjoni tal-host families għas-sena 2007 ingħata kollu lura lill-familji f'Settembru tas-sena li għaddiet. Nixtieq inżid ukoll illi l-host families qed jiġu eżentati milli jħallsu l-kontribuzzjoni ta' l-MTA anke din is-sena.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Agricultural officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi vacancies għall-agricultural officers fid-dipartiment konċernat u jekk iva, hemmx xi ħsieb li jinħarġu xi applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li jeżistu vakanzi għal Agricultural Officers fid-Dipartiment konċernat. Bħalissa għaddej il-proċess biex jimtlew dawn il-vakanzi.

Taż-Żwejt Road — Dawl

Question

Tista' ġentilment il-korporazzjoni Enemalta tikkonsidra li ssaħħaħ l-istreet lighting ta' Taż-Żwejt Road qrib ir-residenza 231 fejn hemm dlam kważi ċappa, bit-tentazzjoni li dan jista' iġib miegħu serq, fastidju, eċċ.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-installazzjoni tad-dawl pubbliku jaqa' taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u mhux ta' l-Enemalta.

Riċerka CERN

Question

Jista' l -Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29625 u cioe': B’referenza għall-ftehim li ġie milħuq dan l-aħħar ma' l-organizazzjoni ta’ riċerka CERN fl-Isvizzera, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dan kienx ftehim formali jew biss memorandum of understanding li għad irid iwassal għal sensiela ta’negozjati intensivi qabel ma l-kollaborazjoni tiġi fis-seħħ u ċ-ċittadini Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu? Meta huwa mistenni li jintlaħaq il-ftehim bejn iż-żewġ naħat ħalli jkun jista' jibda jiġi attwat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

San Gwann — Triq Alessio Xuereb

Question

Jista' l -Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29627 u cioe': Billi meta l-Gvern ċentrali oriġinarjament għamel it-tarmac fi Triq Alessio Xuereb, San Gwann sar xogħol fuq tarmac diġa' mqiegħed u billi b'riżultat ta' dan ħafna mill-katusi li jinżlu minn fuq il-bejt ġew f'ċerti każi taħt it-tarmac bil-konsegwenza li meta tagħmel ix-xita l-ilma qed jidħol fil-basements ta' ħafna residenti tat-triq. Għalkemm normalment problemi simili jiġu trattati mill-kunsilli lokali ta' bliet u rħula, f'każ bħal dan fejn jirriżulta ċar li l-problema kienet kkawżata minn nuqqas ta' ippjanar serju mill-Gvern ċentrali, jista' l-Ministru jara li l-Gvern jidħol direttament biex isolvi problema li ilha tkaxkar għadd ta' snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li wasal il-waqt li meta ma jkunx hemm tfal biex jirtu x-xogħol bħala ħaddiema tax-xatt jew dawn ma jkunux f'pożizzjoni li jirtu, dan ix-xogħol għandu jintiret mill-aħwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm ebda ħsieb li tiġi estiża s-sistema tal-wirt sabiex jimtlew vaganzi għall-haddiema tal-port. Wara l-Ftehim mal-Ħaddiema nfushom il-liġi tistabilixxi li meta ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tal-port prospettivi, jiġifieri persuni li għandhom dritt tal-wirt, il-vaganzi għall-haddiema tal-port jimtlew wara sejħa pubblika.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies ħaddiema tax-xatt li ħadu s-somma? Jista' jagħti d-dettalji ta' min huma dawn in-nies, kemm kienu ilhom jaħdmu u kemm ħadu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm 183 ħaddiem tax-xatt li bbenifikaw minn somma li, skond ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-ħaddiema tax-xatt, tirrapreżenta t-total taż-żieda fl-għoli tal-ħajja sas-sena ta’ rtirar tagħhom. Ma nħossx li għandi ngħati dettalji ta' individwi.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm numru ta' nies jaħdmu mingħajr ma wirtu x-xogħol ta' ħaddiema tax-xatt f'dawn l-aħħar għaxar snin u jagħti dettalji ta' min huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sal-lum kull vaganza għall-ħaddiem tal-port imtliet minn persuni li bbenefikaw mis-sistema tal-wirt.

Qrati — Inkjesti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il inkjesta ġew reġistrati fis-snin 2006 u 2007? Kemm-il waħda minn dawn l-inkjesti rċieva kull maġistrat u kemm ġew mibgħuta lill-AG?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Qrati — Inkjesti pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-inkjesti li kienu pendenti quddiem il-Maġistrat Joe Cassar? Jista' jgħid kemm kien hemm? Min ħadhom? Kemm-il waħda ġiet assenjata u konkluża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkjesti li kienu pendenti quddiem il-Maġistrat Dr. Joe Cassar LL.D. għaddew għand il-Maġistrat Dr. Giovanni Grixti, LL.D. Infurmat ukoll illi kien hemm 217-il inkjesta pendenti li minnhom 50 ġew konklużi.

MEPA — Compliance certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li applikaw għal compliance certificate f'diversi distretti mhumiex ikunu moqdija minħabba li m'hemmx enforcement officer li qed jaħdem fuqhom u għalhekk mhumiex qegħdin jinħarġu? Ma jaħsibx li din il-problema qed tikkawża inkonvenjent kbir lil diversi familji? Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejja tilwima industrijali bejn il-Union Ħaddiema Magħqudin u l-Awtorità' ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn l-Enforcement Officers ġew mogħtija direttiva biex jaħdmu biss żoni tagħhom. L-Awtorita' qiegħda tesplora soluzzjonijiet biex tkun f'pożizzjoni li s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli.