Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozza mikrija għall-użu tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onor. interpellant li minn Jannar 2007 sal-lum, ma nkriet l-ebda karozza għall-użu tiegħi bħala Ministru.

Manutenzjoni tal-karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-manutenzjoni tal-karozza tiegħu bħala Ministru u s-second car separatament minn Jannar 2007 sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-ispiża ta' manutenzjoni tal-karozza uffiċjal minn Jannar 2007 sal-llum kienet ta' Lm1,924.30 filwaqt li l-ispiża fuq is-second car għall-istess perjodu kienet ta' Lm214.27.

Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi minn Jannar 2007 sal-lum inxtraw żewġ karozzi minn Heritage Malta għall-użu taċ-Chairman u tas-CEO għal prezz ta' Lm10,000 u b'ċilindrata ta' 1600cc u Lm 8,500 u b'ċilindrata ta' 1495cc rispettivament.

Nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu (inkluż safar ministerjali) minn Jannar 2007 sal-lum separatament, xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif tidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb li wieħed jinnota illi fil-każ ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu ta' Malta ħafna mix-xogħol ta' promozzjoni għall-pajjiżna isir permezz ta'-safar li jkun qed isir għall-iskop biex issir l-aħjar promozzjoni ta' Malta fis-swieq turistiċi tagħna.

Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull tip ta' hospitality fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu separatament u xahar b'xahar minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid minn ta l-approvazzjoni għal dan l-infiq f'kull każ separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif tidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jgħid illi parti konsiderevoli mill-ammont totali intefqet f' hospitality ma' ġurnalisti barranin bil-għan li jinkitbu artikli u riklamar fir-rivisti tagħhom.

Uffiċjali li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reggħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jafx x'kienet r-raġuni li rreżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali minn skala 1 sa 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reġgħux applikaw għall-istess pożizzjoni minn Jannar 2007 sal-lum kienu kif ġej: Uffiċjal Entita' Raġuni Kap Eżekuttiv Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti Laħaq l-eta' ta' l-irtirar Chairperson Teatru Manoel Ġie appuntat bħala ambaxxatur Executive Chairman Awtorita' tat-Turiżmu Il-Kuntratt ma ġiex mġedded Chief Executive Officer Awtorita' tat-Turiżmu Irriżenja għal raġunijiet personali Direttur Awtorita' tat-Turiżmu Ġie terminat waqt il-perijodu ta' probation

San Ġiljan — Pub

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x’qed iżomm lill-pulizija duty fl-għassa ta’ San Ġiljan milli jċemplu regolarment lil tat-towing services billi kważi ta’ kull fil-għaxija, fil-ħinijiet wara li jintemm il-ħin tad-duty tal-wardens qed ikun hemm karrozzi pparkjati fuq il-yellow lines ħdejn pub li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bil-konsegwenza li s-sidien ta’ madwar 30 garage space lanqas biss ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu bil-liberta’ mill-garages tagħhom u dan minkejja t-telefonati ripetuti tar-residenti lill-għassa kkonċernata? Jista' jgħid x’passi qed jittieħdu regolarment mill-pulizija kull meta dan l-istabbiliment jibqa' għaddej bl-għajjat u bil-mużika sas-siegħat bikrin ta’ filgħodu speċjalment fi tmiem il-ġimgħa jew kull meta jkun hemm logħob kompetittiv fuq it-televiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel ronda fit-triq imsemmija għall kull ksur ta' liġi, inkluż kontravenzjonijiet tat-traffiku. Kull meta l-Pulizija kellha lment minn xi sid ta' garaxx li l-entratura għall-garaxx tiegħu kienet qed tkun ostakolata minn xi vettura oħra, il-Pulizija dejjem ħadet azzjoni billi ssejjaħ it-tow truck. Jekk sakemm jasal it-tow truck, jilħaq jasal id-driver tal-vettura li tkun qed tikkaġuna l-ostakolu, dan jitħalla jsuq il-vettura u tinħariġlu ċitazzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi anke' f'dan ir-rigward il-Pulizija tieħu passi skond il-liġi kull meta jkun il-każ.

Proprjeta

Question

B’referenza għat-tweġiba tad-Direttur Estate Management tal-Government Property Division lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li l-plot ta' ħamrija f’din it-triq f'San Gwann hija tal-gvern u vakanti, jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi immedjati se jieħu l-gvern billi din qed tigi wżata minn terzi b’inkonvenjent għar-residenti tat-triq imsemmija? Site inspection mill-ewwel turi l-gravita’ u l-abbuż tas-sitwazzjoni.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-futur qarib it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ser toħroġ sejħa għall-offerti għall-kiri tal-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Esproprjazzjoni ta' art — Kumpens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li jingħata l-kumpens għall-esproprjazzjoni ta' art fi Triq Peditalwett, Swieqi meħud mill-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex issir estensjoni tat-Triq f'dik indikata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma kellu ebda talba minn xi Dipartiment tal-Gvern għal esproprijazzjoni ta' art fi Triq il-Pedalwett, Swieqi meħuda mill-familja li dettalji dwarha intbagħtu separatament. Sakemm ma ssir ebda talba għal espropriju ma jistax jitħallas kumpens.

Esproprjazzjoni ta' art

Question

B’referenza ta’ l-ittra li Direttur Ġenerali tax-xogħlijiet għadda lill-ADT li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bid-data ta’ l-24 ta' Ottubru, 2006 mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura bħala kopja ta' l-ittra li huwa bagħat lil-avukati tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar Triq Peditalwett, Ibraġġ, Swieqi, jista' l-Ministru wara konsultazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Artijiet jikkonferma fhiex wasal il-proċess ta' l-esproprijazzjoni ta' l-art sabiex din il-persuna tirċievi kumpens għat-telf kemm ta' l-art u tar-raba' tiegħu sabiex issir it-triq indikata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond stħarrig li qed isir bħalissa mal-entitajiet konċernati, huwa wisq probabli, li billi l-art hija f’zona barra mill-linja tal-iżvilupp kif stabbilita mill-MEPA, l-obbligu li triq tkun iffurmata jaqa’ fuq is-sidien tal-villa li jħarsu fuq it-triq għall-wisa’ kollu tagħha u għalhekk ma hemmx obbligu ta’ kumpens minn naħa tal-Gvern. Dan ma jfissirx li ma jistax jintalab kumpens kif stabbilit mill-liġi mingħand il-privat.

Universita' — Użu ta' farmhouse

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jgħix u/jew juża l-farmhouse li tinsab fl-Universita` ta’ Malta? X’inhu l-użu tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Campus ta' l-Universita' tal-Qroqq hemm aktar minn farmhouse waħda. Waħda minn dawn hija is-sede tad-Dipartiment ta' l-Arkeoloġija u Studji Klassiċi, oħra hija is-sede ta' l-Istitut ta' l-Agrikoltura, it-tielet waħda hija s-sede ta' l-Istitut tal-Mediterran u topera wkoll minn hemm il-Fondazzjoni Temi Zammit minħabba ir-rabta ma' l-Istitut tal-Mediterran. M'hemm ħadd jgħix fl-ebda waħda minn dawn il-farmhouses. Hemm farmhouse oħra viċin il-Kumpless Sportiv li prezentament hija okkupata minn persuna bla ebda titolu fuqha. Dan il-kaz qed jiġi trattat b'mod legali.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġiet magħżula l-persuna li qed tmexxi l-Foundation for International Studies li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Foundation for International Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Foundation for International Studies minn fejn iġġib il-finanzi tagħha? Kemm jirnexxielha tiġġenera fondi addizzjonali minbarra l-għotja li tingħata jekk inhu l-każ li tingħata fondi? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-accounts ta’ l-istess Fondazzjoni ta’ dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Foundation for International Studies — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim daħlet għalih il-Foundation for International Studies fejn jidħol studju ma’ universitajiet oħra matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Foundation for International Studies ma daħlet f`ebda ftehim ma` universitajiet oħra matul dawn l-aħħar sentejn.

Tfal ma jattendux l-iskola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'din is-sena skolastika kienx hemm studenti li ngħataw il-permess li ma jattendux l-iskola anke jekk ma għalqux is-sittax-il sena? Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-raġunijiet għal dan? Kemm kienu subien u kemm bniet? F'liema klassijiet kienu? Minn liema lokalitajiet huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li ngħataw il-permess li ma jattendux l-iskola qabel ma għalqu is-sittax-il sena f'din is-sena skolastika, jiġifieri mill-15 ta' Settembru 2007 sas-26 ta' Novembru 2007, kien hekk: Tifel Tifla Raġunijiet Klassi Lokalita' 1 / xogħol 5 Zebbuġ 1 / xogħol 4 San Ġwann / 1 xogħol 5 Kalkara 1 / xogħol 5 Zebbuġ / 1 xogħol 5 Kalkara Sal-lum dawn l-istudenti kollha għalqu s-sittax-il sena.

Għalliema li ngħataw estenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel ta' l-istat li ngħataw estenzjoni għalkemm laħqu l-eta' ta' l-irtirar? X'suġġetti jgħallmu? Għaliex inħass il-bżonn li tingħata din l-estenzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemm ebda għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat li ngħataw estensjoni wara li laħqu l-eta' ta' l-irtirar. Hemm 30 ex-għalliema li intalbu jagħtu servizzi edukattivi part-time f'oqsma diversi, bħal edukazzjoni għall-adulti, fejn il-ħlas hu Lm5 fis-siegħa.

DI Electronics

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-ħaddiema tal-fabbrika DI Electronics fil-Mosta Techno Park jitħallsu l-pagi tagħhom regolarment u jieħdu wkoll dawk is-salarji li għad għandhom jieħdu b'lura?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li nbdew proċeduri legali biex il-kaz jitressaq il-Qorti kif tipprovdi l-liġi.

Żgħażagħ jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' żgħażagħ fl-eta ta' bejn 16 u 20 sena li qed jirreġistraw għax-xogħol bħalissa? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom u x'inhu t-tip ta' xogħol li qed ifittxu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ zgħażagħ fl-eta ta’ bejn is-16 u l-20 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta’ Ottubru 2007 fuq l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-Reġistru kien ta’ 893. It-tabelli t’hawn taħt juru l-kwalifi tagħhom u x’inhu t-tip ta’ xoghol li kienu qed ifittxu: Livell ta' Edukazzjoni Numru ta' Zgħazagħ Working Knowledge/Operator 142 Competent/Skilled Operator 453 'O' Level/City & Guilds 226 Intermediate 2 'A' Level/Engineer by Experience 40 Diploma 29 Graduate/Graduate Engineer 1 TOTAL 893 Għal Liema Impjieg qed Jirreġistraw Numru ta' Zgħazagħ Professjonisti 19 Nies Tekniċi 53 Xogħol Klerikali 252 Nies li jagħtu servizz u li jaħdmu fi ħwienet 205 Nies imħarrġa fl-agrikoltura u s-sajd 11 Nies imħarrġa fi snajja 99 Xogħol fuq Makkinarju (fabbriki) 130 Xogħlijiet elementari 124 TOTAL 893

Studenti ta' Form V

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' studenti fl-Form V fil-Junior Lyceum u fl-iskejjel sekondarji ta' Malta u Għawdex fi żmien is-sena akkademika 2006 - 2007 u x'kien it-total ta' studenti f'dawn l-iskejjel li kisbu Grade 1 sa 5 f'xi wieħed mis-sezzjonijiet tas-SEC f'dawn is-suġġetti: Ingliż, Malti, Matematika, Xjenza, Kompjuter, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Direzzjonijiet

Question

Peress li dawk li qed jużaw l-Isptar Mater Dei ta' spiss qed jintilfu u ma jkunux jafu fejn iridu jmorru, jista' l-Ministru jara li jitpoġġew persuni f'pożizzjonijiet differenti tal-grounds tal-bini ta' l-Isptar biex jindikaw u jagħtu direzzjoni fejn iridu jmorru n-nies?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirringrazzja lill-Onor Interpellant tas-suġġeriment. Nixtieq ninfurmah pero li kull filgħodu qiegħed ikun hemm erba' voluntiera fl-entratura prinċipali ta' l-isptar u erba' fl-entratura ta' l-Outpatients. Dawn qed jgħinu l-pazjenti u l-viżitaturi jaslu fid-destinazzjoni meħtieġa. Dan barra l-uffiċjali tal-Customer Care u tas-Sigurta'. Minn nhar it-Tnejn 26 ta' Novembru se jiżdied is-servizz tal-voluntiera fl-entratura prinċipali minn erba' għal tmien vouluntiera. Barraminhekk, se jkun hemm tliet voluntiera bejn it-3 u s-6 ta' filgħaxija waqt il-ħin tal-parlatorju li se jgħinu l-viżitaturi fis-swali.