Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ordnijiet minn barra

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif beħsiebu jirreaġixxi l-Gvern Malti għas-sitwazzjoni fejn minn banda irid jobdi u jesegwixxi tramite l-organi ġudizzjarji ta' l-Istat Malti, direttivi u liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea, ordnijiet tal-Qrati barranin li jaffettwaw it-tfal Maltin u l-ġenituri Maltin tagħhom, mingħajr dawn ma kellhom l-opportunita' li jikkontestaw fl-esteru dawn l-ordnijiet, u dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom u forsi l-aktar mportanti l-kwestjoni finanzjara?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29147, f’din l-istess Seduta.

Xiri ta' post

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' xiri ta' post minn persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li diġa' għamel il-konvenju fid-19 ta' Jannar 2007 u qed jistenna biex isir il-kuntratt? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar qed tistenna li jkollha t-titolu legali tal-post indikat biex tkun tista’ tipproċedi.

Battery operated cars

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29071 u jgħid jekk hemmx ħlas ta' reġistrazzjoni fuq vetturi tat-tip battery operated cars? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas ta' din ir-reġistrazzjoni fuq dawn il-vetturi u t-taxxi relatati magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fuq il-vetturi tat-tip battery operated hija applikabbli r-rata standard tal-VAT, jiġifieri 18%. It-taxxa tad-Dwana fuq il-vetturi tat-tip battery operated importati minn barra l-EU hija ta’ 10%.

Hal Far — Tined

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed iqumu t-tined mikrija jew mixtrija u li hemm f'Hal Far fejn qed jiġu akkomodati l-immigranti irregolari? Tista' tgħid għal kemm-il xahar iservu dawn it-tined, jiġifieri kull meta jkun hemm ħtieġa li jinbidlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tined li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti, minbarra tinda waħda, nxtraw mill-Forzi Armati ta’ Malta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Prim Ministru. Dik mixtrija mill-fondi tal-Ministeru tiegħi swiet Lm550. Ninsab infurmata wkoll li dawn it-tined iservu bejn tmien xhur u sena.

Toroq fil-Mosta — Wiċċ xieraq

Question

Jista' l-Ministru jirrikkmanda li jingħata wiċċ xieraq lil Trejqet it-Tin u Trejqet il-Bajtar fil-Mosta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ser issir spezzjoni fuq dawn it-toroq bil-possibilita’ li jiġu fil-programm tax-xogħol li jrid jsir.

Reġistrazzjoni ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ qatgħet mir-reġistrazzjoni lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, illum is-27 ta' Novembru, 2007 meta dan għadu jrid jidher quddiem il-bord mediku? Biex se tgħix din il-persuna sakemm tittieħed din id-deċiżjoni tal-bord mediku?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kuruduri

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir dak ix-xogħol neċessarju sabiex il-kuruduri ta' l-appartamenti f'St Nicholas Married Quarters, Bormla jerġgħu jibdew jixgħelu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.

Bormla Home

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha l-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għall-home ta' Bormla?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-aktar applikazzjoni antika li hemm fil-waiting list għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hija datata 9 ta' Frar 1999. Minn kuntatti li saru ma din il-persuna mis-Social Workers tad-Dipartiment min mindu applikat jirriżulta li din uriet ix-xewqa li tibqa tgħix fid-dar tagħha. Riċentament l-applikazzjoni ġiet riveduta u kienet approvata mill-Admission Board fis-7 ta' Diċembru 2006 bħala Low Priority.

Air Supplies

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqfet l-Air Supplies? Kemm kien hemm ħaddiema fl-aħħar qabel għaddiet għand Nuance Group? Jista' jgħid kemm-il ħaddiema tilef l-impjieg tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim biex Nuance Group qed topera dak li kienet tagħmel l-Air Supplies?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Air Supplies & Catering Co Ltd ġiet registrata fit-18 ta’ Ġunju 1974 u bdiet topera f’Awissu ta’ l-istess sena. Filwaqt li nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 26951, ninfurmaħ li peress li l-kumpanija msemmijja hi privata, m’għandiex informazzjoni kemm din il-kumpanija għandħa mpjegati fuq il-kotba tagħha. Il-Kuntratt tal-bejgħ tal-ishma tal-kumpanija huwa ta’ natura kummerċjali u għaldqstant ma nħossx li għandu jiġi ppublikat.

Servizz ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita' li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata s-servizz ta' l-ilma hekk kif ingħataw il-ġirien tagħha? X'inhi r-raġuni għala din għadha bla servizz daqshekk essenzjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Garage

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex possibbli li bitha li hemm ħdejn garage tat-transformer fi 162, Triq Brared, Birkirkara tistax tinkera lill-inkwilini tad-dar 164 li tmiss ma' dan il-garage?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-possibilta' li tinkera l-bitħa tas-sub-station imsemmija jew parti minnha tista' tiġi kkunsidrata la darba l'inkwilin jagħmel kuntatt formali mal-Enemalta.

Bord

Question

Tista l-Ministru tghid minn min hu kompost il-bord li se jaghmel l-interviews ghall-psikologi nhar il-Hamis 29 ta' Novembru 2007? Tista' tghid minn min hu kompost il-bord li se jaghmel l-interview ghal-chief psychologist nhar il-gimgha 30 ta' Novembru? Tista jghid xi kriterji se jintuzaw biex issir l-ghazla minn bejn il-kandidati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti taghmel il-Mistoqsija taghha lill-Ministru kkoncernat.

Msida — Appartamenti

Question

Peress li l-Imsida hemm żewġ blokki appartamenti magħrufa mill-MEPA fejn il-permessi inizjali ta' appartamenti ġew mibdula u issa hemm gzuz ta' mini appartamenti mikrija lill-barranin, u peress li dan biddel kemm il-kuntratt ta' bejgħ ta' appartamenti lill-Maltin u anke l-ġeneru ta' xogħol għaliex issa hemm mijiet joqogħdu f'dawn l-appartamenti kollha bi ħlas, u peress li nafu li l-MEPA kienet indikat dati fejn is-sidien kellhom jirranġaw il-pożizzjoni tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn din id-data sal-lum? Hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiddeskrivi aħjar għal-liema sit qiegħed jirreferi, idejalment permezz ta' site plan.

Flus miġbura

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jiġbor flus il-gvern mis-sistema ta' NI (national insurance)? Kemm minn dan l-ammont immur għas-saħħa u kemm imur għall-pensjonijiet? Kemm mill-ammont ta' VAT imorru għas-saħħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont li jinġabar minn sena għal sena mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jidher fl-Estimi Finanzjarji maħruġ ta’ kull sena mill-Ministeru tal-Finanzi, kif ukoll fir-Rapport Finanzjarju maħruġ ta’ kull sena mit-Teżor. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella A, ta’ l-Estimi Finanzjarji, li tindika kif jiġi approprijat dan id-Dħul, filwaqt li f’tabella B ta’ l-istess pubblikazzjoni, jidher kemm mid-dħul tal-VAT hu ddedikat lejn l-infiq għas-saħħa.

Xogħol ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw quotations u direct orders fuq xogħol ta' toroq matul l-aħħar sentejn? Jista' jgħid lil min ingħataw u kemm kienu l-valuri ta' kull waħda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Luqa — Triq Pietru Saliba

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta se tiġi surfaced u miftuħa Triq Pietru Saliba, Luqa li milli jidher din it-triq jinħtieġilha esproprjazzjoni ta' parti minnha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq tagħmel parti mill-pjan ta’ toroq ġodda li għandhom ikunu lesti sa l-aħħar tas-sena 2008.

Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, ġaladarba dawn tittieħdilhom 60% tal-pensjoni, ma għadhiex ttieħdilhom ordni ta' l-ikel preferit kull ħmistax bħalma kien jiġri qabel f'ċertu punt? X'inhi r-raġuni li, għad li d-diriġenti huma għal kurrent tal-fatt li l-maġġor parti ta' l-ikel li jiġi servut jintrema' tant kemm hu ħażin, ma jagħmlu xejn sabiex din is-sitwazzjoni titranġa? X'inhi r-raġuni li l-imwjjed ta' l-ikel ma jiġux imnaddfa b'mod regolari?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peres li dan it-tip ta' lment ma jirriżultalniex, jista l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema dar qiegħed jirreferi.

Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn persuni li ilhom jagħmlu x-xogħol ta' kindergarten assistants għal aktar minn għoxrin sena qed jiġu sottomessi għal eżamijiet bħal individwi li għadhom kif bdew jagħmlu dan ix-xogħol? Huwa minnu li l-esperjenza ta' tali individwi qegħda tiġi skartata konsegwenza tal-ftehim iffirmat dan l-aħħar? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid x'ser isir biex tali individwi ma jiġux mpoġġija fl-istess kategorija u sottoposti għall-istess rekwiziti bħal individwi ġodda fil-kamp?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.