Jista' l-Ministru jara li tiżdied is-sigurta' madwar l-iskola tal-kindergarten tal-gvern fil-Mosta peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm xi inċident ikkaġunat mill-vetturi li jgħaddu minn dawn l-inħawi waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni għaliex il-kuntratt fuq l-akkwist tal-proprjeta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma jistax issir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratt għax-xiri tal-proprjeta’ indikata mill-Onor. Interpellant ma jistax isir qabel ma’ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha t-titolu legali ta’ l-art li fuqha hi mibnija din il-proprjeta’.
Peress li ħafna mill-ħaddiema tekniċi impjegati fl-iSptar San Luqa (inġiniera, tal-maintenance etc) ma ġewx mgħarrfa x'se jkun il-futur tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'hemm ippjanat għal dawn il-ħaddiema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-ħaddiema kollha tekniċi ġew infurmati bi dmirijiet ġodda tagħhom fuq bażi individwali mill-Inġiniera u l-Operations Manager. Dan il-proċess seta' jiġi fis-seħħ malli intemmet il-migrazzjoni. Dawn il-ħaddiema tqassmu skond il-ħiliet tagħhom u l-ħtiġijiet tas-servizz bejn l-isptar Mater Dei u l-isptar Karen Grech.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24645, jista' l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28123, 28412, 28586, 28717, 28836 u 29029 u jgħid kemm hemm organizzazzjonijiet kummerċjali li jinsabu lesti jikru partijiet minn Dar Malta u jgħid liema huma dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali?
Jista' issa l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28628, 28823 u 29034 u jgħid jekk hemm xi proġett maħsub għall-Little Armier peress li l-inħawi huma mitluqa u żdingati u hemm bżonn li jiġu rranġati u msebbħa l-faċilitajiet li hemm u li qed jagħtu impressjoni ħażina lit-turisti u lill-Maltin li jżuru l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru mhuwiex il-Ministeru responsabbli mit-tisbiħ, iżda huwa nvolut f'diskussjonijiet ma' Ministeri oħrajn biex ikun hemm titjib fl-inħawi.
Jista' issa l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27278, 27799, 27930, 28058, 28255, 28584, 28716, 28839 u 29036 u jgħid matul din is-sena liema għaqdiet u proġetti ġew iffinanzjati mill-Fund for Good Causes li ġej mill-lotteriji? Liema għaqdiet oħra ġew mgħarrfa li se jingħataw fondi u x'inhuma l-proġetti ffinanzjati? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-għaqdiet u l-proġetti?
Jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet li din il-mistoqsija ilha li saret ġimgħat sħaħ u għadha ma ġietx imwieġba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kriterji li bihom ġew magħżula l-proġetti ffinanzjati minn dan il-Fond huma kif stabbiliti bil-Liġi dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor, 2001, skond Artikolu 50(7).
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28843 u 28966 u cioe' : Minkejja li t-taqsima tal-consumer complaints unit tal-MFSA hija mifhuma li tagħmel xogħol tajjeb, jista' l-Prim Ministru jara li jkun hemm aktar viġilanza fuq kif ċerti banek kummerċjali li jużaw hard cell tactics meta ibiegħu Wealth Management products speċjalment fejn jidħlu Overseas Funds għaliex spiss niltaqa' ma' nies li ma jkunux konxji ta' riskji u opportunitajiet ta' dak li jkunu deħlin għalih bi flushom stess? Dan minħabba l-kummissjonijiet għolja li huma mifhuma li jaqilgħu uħud minn dawn l-uffiċjali fuq bejgħ ta' prodotti simili. Dan għandu japplika għas-settur tas-servizi finanzjarji kollu kemm hu, mhux biss għal dak bankarju, possibilment billi jkun hemm customer awareness akbar dwar l-implikazzjonijiet tat-teħid ta' dawn id-deċiżjonijeit ta' investiment.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28843.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28797 u 28964 u jikkunsidra li jnaqqas it-taxxa tad-dħul minn fuq dik il-parti tal-paga li konjugi separati jkunu obbligati li jħallsu f'manteniment għat-tfal tagħhom lill-parti l-oħra anke meta ma jkollhomx kustodja fuq dawn it-tfal sakemm dan kollu jkun qed isir skond digriet tal-Qorti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-manteniment imħallas (bħala eżempju) mir-raġel lill-mara fir-rigward tat-tfal tagħhom m’huwiex deduċibbli mid-dħul tiegħu iżda huwa eżenti f’idejn il-mara. Għalhekk l-income huwa ntaxxat darba biss.
Kieku l-koppja miżżewġa ma kinitx separata, id-dħul tar-raġel kien ikun kollu taxxabbli avolja xorta kien ikun qed imantni lit-tfal.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-15% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-25% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm nies iħallsu t-taxxa tad-dħul bil-35% u kemm hu l-ammont ta' taxxa li l-gvern ġabar fis-sena 2006 b'din ir-rata?
Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq overtime fis-sena 2006?
Jista' jgħid kemm ġabar taxxa l-gvern fuq part-time fis-sena 2006?
Jista' jgħid kemm hu kkalkulat li hemm nisa miżżewġin bit-tfal li ma jaħdmux?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spiżjara mal-gvern illum? Jista' jgħid meta tibda l-iskema tal-POYC? Kemm se jkollu bżonn spiżjara? X'inhi l-ispispiża totali li l-gvern iħallas għall-ispiżjara tiegħu? Kemm kienet l-ispiża totali tal-gvern tal-mediċini li ta taħt schedule II u V kull sena fl-2005 u fl-2006?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li tiġi riveduta l-kirja tal-fond f'isem il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi dan l-aħħar l-inkwilin tilef lil martu li kienet intitolata għall-pensjoni wkoll u b'hekk id-dħul totali naqas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma nfurmatx lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali bit-tibdil fiċ-ċirkostanzi tagħha. Għalhekk nitolbu jagħtiha parir li tmur it-taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment biex tirrapporta dan it-tibdil u tieħu magħha id-dokumenti li juru d-dħul tagħha preżenti u ċ-ċertifikat tal-mewt tal-konjuġi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29060 u jgħid :
Kemm huwa l-ammont ta' postijiet vakanti fil-gradi ta'
i) prinċipal anzjan
ii) prinċipal
iii) assistent prinċipal
f'kull dipartiment/ministeru rispettivament fl-aħħar ta' Novembru 2007?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivament ser jimtlew
i) minn uffiċjali pubbliċi li jgħaddu l-eżami intern, u
ii) minn kandidati li jidħlu minn barra s-servizz pubbliku?
Kemm minn dawn il-gradi rispettivi ilhom vakanti
i) inqas minn 3 xhur
ii) bejn 3 u 6 xhur
iii) aktar minn 6 xhur?
Kemm hu stamt li dan ir-reklutaġġ ser jaffettwa n-nefqa pubblika tal-gvern matul is-sena 2008?
Kemm minn din in-nefqa addizzjonali ġiet provduta fl-estimi finanzjarji ta' l-2008 taħt id-diversi ministeri/dipartimenti konċernati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
i) Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li vakanzi fil-gradi msemmija fis-Servizz Ċivili jinħolqu kontinwament minħabba irtirar ta’ Uffiċjali, mobilità dejjem tikber tal-ħaddiema jew ħolqien ta’ postijiet ġodda skond l-esiġenzi tas-servizz partikulari.
ii) Il-mili ta’ postijiet vakanti fil-gradi msemmija huwa regolat mill-Ftehim Settorjali Relattiv bejn il-Gvern u l-Unions.
iii) Huwa stmat li d-Dipartimenti jkunu ħasbu biex jitolbu l-fondi neċessarji għal dawk li huma postijiet ġodda.
iv) Għar-rigward ta’ mili ta’ vakanzi, minħabba irtirar tal-ħaddiema rispettivi, diġa jkun hem mil-fondi neċessarji pprovduti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li biċċa art li kienet tal-knisja u issa ġiet tal-gvern u s-sid irid jixtri din il-biċċa art, li llum huma garaxxijiet, mingħand il-gvern? Jista' jara li dan l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jekk għandux dritt li jixtri ċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat mid-dipartiment ikkonċernat li ma jirriżultax li saret xi talba formali biex jinfeda ċens mill-individwu li joqgħod fl-indirizz indikat fid-dettalji mogħtija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29067 u jgħid x'inhu n-numru ta' nies jirreġistraw għax-xogħol minn dawn il-lokalitajiet: L-Isla, Bormla, il-Birgu, il-Kalkara, Wied il-Għajn, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Ix-Xgħajra u Marsaxlokk, lokalita b'lokalita? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond is-sess?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li n-numru ta' nies li sabu xogħol minn Jannar sa Ottubru 2007 fl-istess lokalitajiet u li qabel kienu qed jirreġistraw hu ta' 952 u dawn huma mqassma hekk :-
Bormla - 129 Xgħajra - 23
Fgura - 150 Żabbar - 205
Kalkara - 51 Żejtun - 144
Marsascala - 115 Isla - 50
Birgu - 60 Marsaxlokk - 25.
Fl-okkażjoni tal-jum dinji tat-tfal bil-ftaħir kollu tal-Gvern, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f'dan il-pajjiż? Jista' jgħid meta l-Gvern beħsiebu jimplimenta permezz ta' leġislazzjoni bi provvedimenti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat dwar il-qagħda tat-tfal in ġenerali.
Dwar konvenzjonijiet internazzjonali infakkar lill-Onor Interpellant li l-Gvern ħabbar li se jirratifika Il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Prostituzzjoni u Pornografija tat-Tfal, u l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-traffikar tat-tfal.
Għal dan il-għan, dan il-Ministeru ippublika Abbozz Nru 110 dwar dawn il-konvenzjonijiet, fatt li donnu li sfuġġa lill-Onor Interpellant.
Fl-okkażjoni tal-jum dinji tat-tfal bil-ftaħir kollu tal-Gvern, tista' l-Ministru tgħid x'qiegħed jagħmel favur it-titjib tal-qagħda tat-tfal f'dan il-pajjiż? Tista' tgħid meta l-Gvern beħsiebu jimplimenta permezz ta' leġislazzjoni bi provvedimenti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-tfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-snin, dan il-Gvern ħa diversi passi biex, bil-fatti, itejjeb il-qagħda tat-tfal f’dawn il-Gżejjer. Fost dawn kien hemm:
· l-ippromulgar tal-liġi għall-ħatra ta’ Kummissarju tat-Tfal bis-setgħa li jinvestiga kull ksur jew kontravvenzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
· il-ħatra ta’ Kummissarju tat-Tfal u t-twaqqif ta’ l-Uffiċċju tal-Kummissarju;
· l-ippromulgar tal-liġi li tirregola l-
fostering
u t-twaqqif ta’ l-istrutturi u l-bordijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din il-liġi;
· l-ippublikar ta’ liġi ġdida dwar l-adozzjoni;
· ir-ratifikar ta’ Konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw it-tfal bħal ma huma l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ulied u Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor u l-Konvenzjoni dwar Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri;
· investiment finanzjarju qawwi fuq servizzi relatati mat-tfal inkluż dawk provduti mill-Aġenzija Appoġġ u diversi entitajiet mhux Governattivi;
· twaqqif u tħaddim ta’ programmi u servizzi ġodda, fosthom Programm Innoċenti,
Home Start
, il-
High Support Service
u
hotline
kontra l-abbuż ta’ tfal mill-
internet
;
· it-twaqqif ta’
Smart Kids
fil-kumpless Aċċess fil-Kottonera u ieħor f’Birkirkara u ser jiftaħ
child care centres
f’postijiet oħra ta’ Malta;
· l-ippublikar ta’ regolamenti għaċ-
Child Care Centres
;
· ir-reviżjoni tas-sistema taċ-
Children's Allowance
; u
.
ir-revizjoni ta' beneficci ohra relatati mat-tfal.
Minbarra dawk imsemmija hawn fuq, il-gvern diga ha diversi mizuri legali u amministrattivi ohra li jirriflettu l-provvedimenti ta' din il-Konvenzjoni.
Dan il-Gvern mhux se jieqaf hawn u ser ikompli b’aktar ħidma u inizjattivi, inkluż dawk leġislattivi, li jkunu ta’ fejda għat-tfal.
F'realta' fejn jeżisti numru kbir ta' żweġijiet imħallta, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif sejjer il-Gvern Malti jassigura d-drittijiet ta' tant tfal Maltin li jiġu esportati mill-ġenituri tagħhom bħala riżultat ta' proċeduri meħudin fl-esteru li għaliha t-tfal Maltin la qatt ipparteċipaw u wisq anqas ingħataw l-opportunita' li juru x-xewqa tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Il-materja tad-domanda hi regolata bi strumenti internazzjonali bħar-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropea magħrufa bħala Brussels II u l-Hague Convention On The Civil Aspects Of International Child Abduction. Dawn l-istrumenti it-tnejn jipprovdu għall-opportunita’ sabiex il-minuri jkun jista' juri lill-Qorti x-xewqa tiegħu, iżda dan ma jfissirx li neċessarjament li l-Qorti timxi skond ix-xewqa tal-minuri.
F'realta' fejn jeżisti numru kbir ta' żweġijiet mħallta, tista' l-Ministru tgħid kif sejjer il-Gvern Malti jassigura d-drittijiet ta' tant tfal Maltin li jiġu esportati mill-ġenituri tagħhom bħala riżultat ta' proċeduri meħudin fl-esteru li għaliha t-tfal Maltin la qatt ipparteċipaw u wisq anqas ingħataw l-opportunita' li juru x-xewqa tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif bla dubju jaf l-Onor. Interpellant, il-proċeduri u d-drittijiet li jirrigwardaw tfal, kemm Maltin kif ukoll barranin, li jittieħdu barra minn Malta b’riżultat ta’ deċiżjonijiet ta’ Qrati barranin huma regolati minn diversi trattati internazzjonali li Malta aderiet għalihom, bħal ma huma l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ulied u Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor u l-Konvenzjoni dwar Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri.
F’dawn il-każijiet, il-Gvern Malti jimxi mal-provedimenti u l-proċeduri ta’ dawn l-istrumenti internazzjonali, bħal ma jrid jagħmel kull Gvern ieħor li aderixxa għal dawn l-istrumenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif beħsiebu jirreaġixxi l-Gvern Malti għas-sitwazzjoni fejn minn banda irid jobdi u jesegwixxi tramite l-organi ġudizzjarji ta' l-Istat Malti, direttivi u liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea, ordnijiet tal-qrati barranin li jaffettwaw it-tfal Maltin u l-ġenituri Maltin tagħhom, mingħajr ma dawn kellhom l-opportunita' li jikkontestaw fl-esteru dawn l-ordnijiet, u dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom u forsi l-aktar mportanti l-kwestjoni finanzjara?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm xejn x’iżomm lil persuna Maltija li tkun f’sitwazzjoni finanzjarja ħazina milli tipparteċipa fi proċeduri quddiem Qrati ta’ Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea peress li teżisti Direttiva li permezz tagħha l-iStati Membri huma obbligati li joffru għajnuna legali b’xejn kemm -il darba dik il-persuna tikkwalifika għal tali għajnuna taħt il-liġi ta’ l-iStat Membru in kwestjoni.