B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22447, il-każ huwa ġo Triq Howard Tas-Sliema, l-uniku każ li ħa deċiżjoni dwaru l-ombudsman.
L-ombudsman għandu dritt huwa stess jagħti reserved parking u f'każ fl-affermattiv, b'liema legal notice jew liġi jista' ikun hemm iżjed każi fejn l-ombudsman jordna li jsiru reserved parking?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Skond l-Att dwar l-Ombudsman, il-funzjoni ta’ l-Ombudsman hi li jinvestiga kull azzjoni li ssir minn jew f’isem il-Gvern jew awtorità wara li, fost l-oħrajn, jasallu ilment bil-miktub minn xi persuna li tippretendi li tkun ġiet leża minn dik l-azzjoni.
F’każ li l-
Ombudsman
isib li bl-azzjoni li dwarha jkun sar l-ilment tkun inkisret xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-artikolu 22 ta’ l-imsemmi Att, hu jista’ jirrakomanda – u mhux jordna – li jingħata xi rimedju.
Jien infurmat min-naħa ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport li qatt ma ġiet ordnata mill-
Ombudsman
biex isir xi parkeġġ riservat. Fir-rigward tal-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, li l-persuna konċernata kienet ħadet il-każ tagħha quddiem l-
Ombudsman
u dan irrakkomanda li fid-dawl ta’ kif qed tkun applikata l-
policy
eżistenti din il-persuna għandha tkun intitolata għal parkeġġ riservat.
Huwa fid-diskrezzjoni tal-ADT jekk tapplikax ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman. F'dan il-każ partikolari l-persuna li resqet l-ilment mietet u għalhekk il-każ waqa'.
Fil-preżent kemm hemm binjiet li qed jinbnew mill-awtorita' tad-djar? Fejn huma? Kemm tiswa kull binja? Fiex tikkonsisti kull binja? Meta mistennija jitlestew? Min hu l-kuntrattur?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fis-sena 2007 humiex se jinbiegħu xi units ġodda, mhux tas-shared ownership mill-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, matul l-2007, il-units il-ġodda ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li ma jiġux mgħoddija lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jinkrew, ser jinbiegħu taħt l-inizjattiva tax-Shared Ownership.
Tista' il-Ministru tgħid kemm għaddew units l-awtorita' tad-djar lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex jitqassmu bil-kera, sena b'sena, mis-sena 2000 sa llum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21273 f’Seduta Numru 442.
Ninsab infurmata li t-tagħrif mogħti f’dik it-Tweġiba għadu validu sa llum.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna separata minn Bormla li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tgħix bid-dħul benefiċjali, tibbenefika mill-inizjattiva care and repair minħabba li l-aperturi ta' l-injam u tal-post tal-gvern jinsabu fi stat prekarju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant diġa’ rċeviet għotja biex tibdel il-madum u tistalla kamra tal-banju ġdida taħt skema W ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna tista’ titlob għal għotja addizzjonali taħt it-talba oriġinali biex isiru x-xogħlijiet imsemmija fil-Mistoqsija.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Bormla ġie mitlub japplika għal skema Z ta' l-awtorita' tad-djar, meta dan li jgħix bil-benefiċċji soċjali kellu jieħu l-għajnuna mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li persuni li jirċievu benefiċċji soċjali jistgħu jibbenefikaw kemm taħt skemi għall-irranġar kif ukoll taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-persuna konċernata applikat minn jeddha taħt skema Z u mhux ġiet mitluba tagħmel dan.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2005 u l-2006 kemm kien hemm impjegati ma' l-isptar Zammit Clapp li kellhom impjieg full-time f'xi dipartiment u tawhom impjieg ieħor part-time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar?
F'dawn il-każi, x'parir ta l-management lill-impjegati dwar b'liema rati ta' taxxa jinqabdu għal full-time u part-time?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Żammit Clapp matul l-2005 u l-2006 kellu tlett impjegati ma' l-isptar kellhom impieg full time u impjieg ieħor part time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar.
Ir-rata ta' taxxa li tiġi applikata mill-isptar hija proviżjonalment dik ir-rata li tiġi applikata fl-FS4, li tiġi ffirmata mill-impjegat stess u wara tiġi applikata r-rata li jiddetta d-dipartiment tat-taxxa wara li dan id-dipartiment jieħu f'konsiderazzjoni l-qliegħ totali tal-individwu għal kull sena taxxabli.
L-isptar qatt ma jagħti parir fuq taxxa w dejjem jesiġi li l-individwu jieħu opinjoni professjonali jekk dan huwa meħtieġ. Id-deċiżjoni finali ta' liema rata ta' taxxa hi applikabbli hija bejn l-individwu u d-dipartiment tat-taxxi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Air Malta ċ-chief officer, il-group head u l-heads ingħatawx performance bonus u għal kemm kien jammonta dan il-bonus u jekk dawn il-bonuses suppost kenux "frozen" bħal increments ta' l-impjegati skond il-perijodu mniżżel fil-memorandum of understanding li kien sar ma' l-unions?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuni li qedin fil-grad ta’ Chief Officer u ta’ General Manager għandhom kuntratt ta’ tlett snin, u għalhekk mhumiex qedin f’din il-kariga b’mod permanenti. Parti mid-dħul tagħhom huwa bbażat fuq performance bonus.
Il-bonus relatat mal ‘performance’ għall-grad ta’ Chief Officer u General Manager huwa kkalkulat kif spjegat hawn taħt:-
- Jekk ir-riżultati operattivi tal-Grupp mill Operat ewlieni jiġi milħuq, 66.67% tal-bonus relatat mal performance jiġi mħallas.
- Jekk l-għanijiet (KPIs) li ġew stabbiliti għad-Divisjonijiet rispettivi jiġu milħuqa, 33.33% tal-bonus relatat mal-performance jiġi mħallas.
Fis-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Marzu 2006, l-ebda Chief Officer jew General Manager ma ġie mħallas bonus relatat mal-‘performance’ fl-iskema marbuta mar-riżultati Operattivi tal-Grupp.
Is-somma totali ta’ Lm29,401 ġiet imħallsa lil 9 Chief Officers u 21 General Managers bħala bonus relatat mal-fatt li l-għanijiet tad-Diviżjonijiet u Dipartimenti (KPIs) ġew milħuqa.”
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ekwivalenza li għandha c-certificate of chartered institute of bankers vis-a-vis diploma jew degree universitarja, li għalih ikkwalifikaw studenti fil-Liceo Paolino Vassallo fis-snin li għaddew u kien jagħmilhom eliġibbli għal impjieg fil-qasam bankarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li fis-snin li għaddew kkwalifikaw mill-Liceo Paolino Vassallo għas-Certificate of Chartered Institute of Bankers kisbu kwalifika komparabbli biex setgħu japplikaw biex jidħlu l-Universita' għall-Baċellerat fil-Kummerċ sakemm flimkien ma' dan iċ-ċertifikat ikunu għaddew mill-Pure Maths f'livell intermedju.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġunijiet tneħħiet it-tabella ta' l-unloading li kien hemm mal-ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hija bżonnjuża ħafna għall-ħanut u li għal snin sħaħ ma ħolqot problema għal ħadd fit-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ġiet mitluba mill-Kunsill Lokali tal-Gżira, b'ittra datata 15 ta' Ġunju 2006, sabiex tinvestiga każ ta' allegat abbuż mill-użu ta' un/loading bay li għaliha qed tirreferi din il-mistqosija parlamentari.
L-użu ta' tali un/loading bay ġie investigat minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u ġie kkonfermat li tali bay kienet qed tintuża bħala estenzjoni tal-ħanut billi bdew jiġu eżibiti oġġetti għall-bejgħ fuqha u f'ġranet oħrajn tali bay kienet qed tintuża għal-parkeġġ tal-karozzi privati.
Għaldaqstant, il-permess ta' tali un/loading bay ġie revokat fit-30 ta' Novembru, 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li bdiet il-pulizija kontra l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, dwar serqa ta' tliet snieter? (referenza liċenzja nru. 08824/2004 maħruġa mis-Sliema Weapons office fil-11 ta' Frar 2004 u x'se jiġri minn dawn is-snieter ta' persuna oħra li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-23 ta' Mejju 2005, kienet ġiet irrapurtata serqa minn residenza f'Tas-Sliema, minn fejn fost l-oġġetti misruqa kien hemm tlett snieter. Infurmat ukoll illi waqt tfittxijiet li il-Pulizija kienet qed tagħmel fil-kors ta' investigazzjoni separata, fost l-oġġetti misjuba kien instab senter li rriżulta li kien wieħed minn dawk irrapurtati misruqa minn Tas-Sliema. Sussegwentement persuna kienet ġiet akkużata quddiem il-Qorti u s-senter imsemmi kien ġie eżebit quddiem il-Qorti f'dawn il-proċeduri, li għadhom pendenti quddiem il-Qorti. Fiċ-ċirkostanzi sid dan is-senter jista' jagħmel talba lill-Qorti sabiex tikkonsidra r-rilaxx tas-senter.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ċ-ċertifikat tal-perit tal-gvern li kien perit ta' l-għassa tal-Belt fil-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi kien tħalla xi ċertifikat ta' perit fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt kif indikat fil-Mistoqsija. Madanakollu l-Pulizija kellmet lis-sinjura imsemmija mill-Onor. Interpellant, fejn irriżulta li din ma kienetx taf lil min kienet kellmet, għalkemm stqarret li kien mar xi perit mid-Dipartiment tad-Djar. Għaldaqstant nhar id-29 ta' Diċembru 2006, il-Pulizija infurmat lill-perit tal-gvern tal-għassa, li wara li spezzjona l-post (mhux fl-istess numru kif indikat separatament), iċċertifika li parti mill-gallarija ta' l-injam kienet ta' periklu għall-pubbliku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tieħu l-passi skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help u b'kemm sigħat fil-ġimgħa? Kemm hemm home helpers ingaġġati sena b'sena mill-aħħar elezzjoni? Minn liema lokalitajiet huma l-anzjani li qed jibbenefikaw mill-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li qed jistennew li jingħataw il-home help għall-ewwel darba u minn liema lokalitajiet huma (numru ta' anzjani skond il-lokalita')? Kemm hemm anzjani li talbu biex jiżdidilhom il-ħin tal-home help (numru ta' anzjani skond il-lokalita')?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn f'St Vincent de Paule residence (irġiel u nisa) sena b'sena u minn liema lokalitajiet?
X'inhuma l-kriterji li permezz tagħhom jiġi deċiż li anzjan/a tidħol f'St Vincent de Paule residence?
Kemm hemm anzjani rġiel u nisa jistennew biex jidħlu f'St Vincent de Paule residence u minn liema lokalitajiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm daħlu anzjani mill-aħħar elezzjoni 'il hawn fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule sena b'sena u lista ta' numru ta' anzjani bil-lokalitajiet jistennew biex jidħlu fir-Residenza.
Il-proċedura biex anzjan jidħol fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule tikkonsisti filli ssir applikazzjoni fuq il-formola uffiċjali li timtela minn tabib. L-applikazzjoni hekk mimlija tiġi mgħoddija lil social worker biex tagħmel żjara f'darhom ħalli jsir ir-rapport soċjali. L-applikazzjoni tmur quddiem l-Admissions Board li mill-informazzjoni miġbura jassessja u jipprijoritiżża kull każ skond il-ħtiġijiet soċjali u ta' saħħa ta' l-individwu. Kull applikant jiġi mpoġġi fuq żewġ listi, waħda għal San Vinċenz de Paule u oħra għad-djar residenzjali fil-Komunita. Kull applikazzjoni, jekk ma tkunx miċħuda, tiġi prijoritiżżata bħala urġenti,prijorita' għolja jew prijorita' baxxa. Hi l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Anzjani li fil-fatt iddaħħal l-anzjani minn din il-lista skond il-prijoritajiet rakkomandati mill-Admissions Board.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u issa li anke ġew allokati l-kuntratti lill-kuntratturi li se jagħmlu dan ix-xogħol, jista' il-Ministru jgħid b'liema dati huma marbutin il-kuntratturi biex jibdew dan ix-xogħol u jispiċċawh, fuq dawn it-toroq f'Ħal Qormi: Triq Fonzu Meli; Triq il-Kaċċaturi; parti minn Triq Bellic; Triq ta' l-Armal; Triq ir-Ragħaj; Triq Mons Gerald Frendo u Triq Ġuże Maria Camilleri?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li l-kuntratturi ġew allokati t-toroq li ser jaħdmu fihom, dawn applikaw għal permessi meħtieġa mill-ADT liema permess ikun jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Kif joħorġu dawn il-permessi l-ADT toħroġ l-ordni biex jibda x-xogħol. Il-kuntrattur hu marbut bi tnax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u fis-26 ta' Diċembru 2006, tħabbar li għadd ta' toroq se jitlestew sa Mejju 2007, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal ix-xogħol għal bini ta' dawn it-toroq li ġejjin fis-Siġġiewi: Ta' Fonzu Area (Wearing Course); NS in Blat il-Qamar; NS parallel to Blat il-Qamar; Triq Dun Manuel Zammit; NS in Triq Nicolo Baldacchino; Part of Triq Angelo Dorin; Triq John Debattista? Għaldaqstant meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li Triq John Debattista diġa ġiet mibnija u asfaltata f’Diċembru li għadda.
It-toroq li se jsiru fis-Siġġiewi kienu indikati bħala prijorita mill-Awtorita dwar it-Trasport flimkien mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. It-Toroq li ser isiru ma' l-ewwel lot :-
1) Triq Dun Manwel Zammit
2) Triq Gdida fi Triq Blat il-Qamar
3) Triq Gdida parallel ma’ Triq Blat il-Qamar u
4) Triq Gdida fi Triq Angelo Dorini.
Il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda x-xogħol kif joħroġ il-permess meħtieġ liema permess jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Il-kuntrattur ħa jkun marbut b’sittax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
It-toroq l-oħra jiġu mibnija bħala parti mill-
lots
li jridu joħorġu sa l-2008.
Wara li l-Gvern ħabbar f'Awissu 2006 u ġie speċifikat permezz ta' leaflet ippubblikat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq flimkien ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT) fil-11 ta' Awissu 2006, il-lista ta' toroq residenzjali li se jinbnew u fis-26 ta' Diċembru 2006, tħabbar li għadd ta' toroq se jitlestew sa Mejju 2007, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal ix-xogħol għal bini ta' dawn it-toroq li ġejjin f'Ħal-Luqa: Triq Ġanni Vassallo; Triq Patri Indri Schembri; Triq Sebastjanu Saliba; Triq Dun Ġużepp Micallef; Triq Ġużeppi Elul; Triq Pietru Saliba; Triq l-Ekru u Misraħ iż-Żgħażagħ? Għaldaqstant meta huwa ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li x-xogħol f’Misraħ iż-Żgħażagħ mistenni jibda dan ix-xahar u jieħu ħames ġimgħat biex jitlesta.
Triq Ġanni Vassallo, Triq Ġużeppi Micallef u Triq l-Ekru huma t-toroq li se jinbnew f’Ħal-Luqa ma’ l-ewwel
lot
wara li jkunu indikati mill-Awtorita dwar it-Trasport li jimmerithom prijorita'. Il-kuntrattur jingħata l-ordni biex jibda x-xogħol kif joħroġ il-permess meħtieġ liema permess jinkludi proċess ta’ koordinazzjoni mall-entitajiet tas-servizzi. Il-kuntrattur ħa jkun marbut bi tnax-il ġimgħa sabiex ilesti dawn ix-xogħlijiet.
It-toroq l-oħra jiġu mibnija bħala parti mil-
lots
li jridu joħorġu sa l-2008.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm imwiet direttament jew indirettament mit-tipjip matul is-sena 2006? F'din is-sena l-ġdida, x'se jagħmel id-dipartiment tas-saħħa biex ikompli jħajjar nies jaqtgħu t-tipjip? X'se jsir fl-iskejjel b'koperazzjoni mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex juru l-istudenti l-periklu tat-tipjip?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet matul ix-xhur ta' Jannar sa Novembru tas-sena 2006 li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 339 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 239 rġiel u 100 nisa.
Huwa ppjanat li d-Dipartiment ħa jniedi dawn l-attivitajiet:
1. għall-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħa ssir ġimgħa ta' attivitajiet qrib iż-żgħażagħ li ħa jinkludu fost l-oħrajn testijiet tal-carbon monoxide,
2. partiċipazzjoni attiva għall-Jum Dinji Kontra t-Tabakk,
3. programmi għal fuq il-postijiet tax-xogħol immirati biex wieħed jaqta` t-tipjip,
4. il-programm Ewropew HELP ser ikompli għaddej matul din is-sena bit-testijiet tal-CO fejn applikabbli,
5. klassijiet tas-Smoking Cessation fiċ-Ċentri tas-Saħħa u counselling fuq livelli personali meta tinħass il-ħtieġa,
6. artikli u intervisti fuq stazzjonijiet tar-radju u l-istampa biex jedukaw il-poplu fuq il-ħsara li jġib miegħu t-tabakk, ma jonqsux,
7. ktejjeb ta' informazzjoni utili dwar it-tabakk ser jiġi ppubblikat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm facilitators li bħalissa huma impjegati mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Kemm hemm talbiet minn ġenituri biex uliedhom ikollhom facilitator? F'liema livell ta' skola jinsabu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 1076 persuni Learning Support Assistants impjegati mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni u li huma mqassmin hekk:
Facilitators 293
Kindergarten Assistants (KA) 37
KA (Special Education) 59
Supply KA (Special Education) 684
Part-time KA (Special Education) 3
Informat ukoll li rigward in-numru ta' talbiet minn ġenituri biex uliedhom ikollhom support, huwa ta' 333, li huma mqassmin hekk:
Livell Sekondarju 29
Livell Primarju 304
Dawn it-talbiet jinsabu fi stadju differenti tal-proċess ta' evalwazzjoni.