Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Parking

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta sar l-ewwel pagament tal-Concession Fee mill-car park manager ta' l-iSptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk wara li l-Prim Ministru ddeċieda li jiġu riveduti l-fees tal-parking ta' l-iSptar Mater Dei hux sejjer joħroġ tender ġdid jew jidħol f'diskussjonijiet mat-tender's kollha li kienu ħadu sehem f'tender FMS 528/mdh/06 peress li issa jidher li sejrin jitbidlu l-kondizzjonijiet ta' l-istess tender?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru tal-Finanzi.

Mard kroniku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W366, tista' l-Ministru ġentilment terġa' tara ftit il-każ tal-persuna msemmija fil-mistoqsija oriġinali minħabba li meta l-istess persuna staqsa lid-dipartiment dawn qalulu li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari hija skorretta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nigbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Numru W366 ma kienetx dwar xi persuna specifika izda dwar informazzjoni generali biex persuna tikkwalifika ghall-Ghajnuna tal-Mard imhallsa taht l-Att dwar is-Sigurta Socjali. Ninsab infurmata li t-taghrif moghti bhala Twegiba ghal dik il-Mistoqsija hu korrett. Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna li qed jaghmel referenza ghaliha li taghmel applikazzjoni ghal din l-ghajnuna biex tikkonferma jekk ghandiex dritt jew le ghall-ghajnuna.

Universita' — Studenti fl-IT

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Universita' tgħidilna kemm se jiggradwaw studenti bid-Dottorat fl-IT, din is-sena? Kemm hemm studenti li qegħdin jirriċerkaw il-qasam ta' l-IT fil-livell ta' Dottorat? Kemm hemm studenti Maltin u barranin jistudjaw l-IT fil-livell post-gradwali? Tista' tagħtina lista ta' pubblikazzjonijiet minn akkademiċi lokali fil-qasam ta' l-IT? Tista' tgħidilna meta l-proġett tal-bini tal-Fakulta se jibda u jispiċċa?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Persuni boarded out

Question

In vista tal-fatt li l-eta' tal-pensjoni telgħet minn 60 għal 65 sena u li hawn mewġa ta' ħaddiema tal-Gvern li kienu boarded out għal perjodu u li issa reġgħu ġew dikjarati tajbin biex jerġgħu jirritornaw għax-xogħol, jidhirlu l-Prim Ministru li allura teżisti anomalija fil-Public Service Management Code par. 1.1.17.1 (iii) li jgħid li biex impjegat tal-Gvern jerġa' jidħol għax-xogħol mal-Gvern irid ikollu inqas minn 50 sena għaliex skond dan l-istess kodiċi dawn il-ħaddiema ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol? Jista' jgħid x'ser jiġri minn dawn l-impjegati u kif din is-sitwazzjoni se tiġi ndirizzata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-policy tal-Gvern dwar ingaġġ mill-ġdid tal-uffiċjali li jkunu boarded out qed tiġi riveduta. Sakemm din il-policy titlesta jibqgħu jgħoddu l-provvedimenti tal-PSMC (Public Service Management Code) f’paragrafu 1.1.17.1. Dawn il-provvedimenti m’għandhomx x’jaqsmu mal-policy tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali dwar l-età ta’ l-irtirar li telgħet minn 60 għal 65 sena.

Konvenzjoni tal-bdil tal-klima

Question

Jista' l-Ministru jgħid eżatt kemm hemm fondi allokati sabiex titħejja t-tieni komunikazzjoni ta' Malta lill-Ġnus Magħquda taħt il-Konvenzjoni tal-Bdil tal-Klima?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-fondi allokati biex titħejja t-tieni komunikazzjoni ta' Malta lin-Nazzjonijiet Uniti taħt il-Konvenzjoni tal-Bdil tal-Klima huma US $ 405,000.(erba' mija u ħamest elf dollari amerikani).
Leg 10 PQ #29109 Sitting 596 2007-12-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

CCTV camera

Question

Peress li fil-mużew tal-folklor ta' Għawdex ic-CCTV camera ilha xhur ma taħdimx u dik tal-mużew ta' l-arkoloġija f'Għawdex ilha wkoll maqlugħa għal diversi xhur u allura hemm nuqqas ta' sigurta' fl-istess mużewijiet, jista' l-Ministru jgħid meta din is-sitwazzjoni se tiġi rimedjata?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi s-sigurta kollha fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija f’Għawdex qed tkun parti integrali mill-proġett sħiħ li għaddej bħalissa biex jiġi msebbaħ u jsir aktar attraenti dan il-mużew. Fir-rigward tal-mużew tal-folklor f’Għawdex ukoll, is-sistema tas-CCTV żviluppat xi ħsarat tekniċi li bħalissa qed jiġu rranġati biex is-sitwazzjoni terġa lura għan-normal fl-iqsar żmien possibli.

Jerma Palace Hotel — Re-development

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-MEPA fuq re-development tal-Jerma Palace Hotel f'Wied il-Għajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-pjan għan-Nofsinhar ta' Malta li ġie approvat hemm policy speċifika li tirrigwarda dan is-sit. Il-policy tgħid hekk: SMMS 15 - Development Brief for Jerma Palace Hotel site Any development proposals on the Jerma Palace Hotel site will be subject to the submission of a Development Brief to be drawn up following Terms of Reference provided by MEPA. Whilst the development of the site should focus primarily on the provision of tourist accommodation, MEPA will consider other development options which would include residential and commercial development, provided these are part of a comprehensive development of the area and should include sufficient public urban open space whilst retaining access to the foreshore.
Leg 10 PQ #29111 Sitting 596 2007-12-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Heritage Malta

Question

Peress li f'Għawdex, Heritage Malta m'għandhiex manager imma hemm biss l-acting manager li għandu wkoll inkarigu Malta, peress li qed tinħass il-ħtieġa ta' din il-ħatra, jista' l-Ministru jgħid għaliex din il-ħatra għandha ma saritx u meta ser issir?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi wħud mill-progetti li Heritage Malta għandha mibdija f’Għawdex jew tlestew jew qorbu biex jitlestew. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ħatra msemmija mill-Onor. interpellant bdiet tiġi pproċessata u huwa mistenni li din is-sejħa toħrog fiż-żmien mhux ‘il bogħod.

Persuni bi bżonnijiet speċjali — Database

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-awtoritajiet Maltin għandhomx database dwar persuni bi bżonnijiet speċjali b’dettalji speċifiċi dwar id-diżabilita’ fiżika jew mentali li għandhom? Dan fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ sabiex kwalunkwe gvern tal-ġurnata jkun jista' jippjana aħjar għall-ġejjieni, speċjalment għal dawk it-tfal jew persuni bi bżonnijiet speċjali li għandhom bżonn attenzjoni sħiħa u li jistgħu jispiċċaw waħedhom jekk jiġu nieqsa l-ġenituri tagħhom jew ma jkollhomx qraba li jistgħu jagħtuhom l-attenzjoni li jinħtieġu? Jekk le, x’hemm ippjanat għall-ġejjieni u liema kejl qed juża l-Gvern bħalissa biex ikun jaf il-gravita’ ta’ dawn il-problemi umanitarji u soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' żżomm database ta' persuni li, volontarjament, jirregistraw magħha bħala persuni b'diżabilita'. Din id-database tinkludi t-tip ta' diżabilita' tal-persuni reġistrati u l-istatistika minn din id-database tiġi ppubblikata fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni, liema rapporti jinstabu fuq il-website tal-Kummissjoni. Għalkemm m'hemmx dubju li l-ippjanar f'dan il-qasam jibbenefika minn statistika bi klassifikazzjoni ta' diżabilita' aktar komprensiva u dettaljata, żgur li l-Onor. Interpellant jifhem li dan mhux possibbli jekk ir-reġistrazzjoni ma tkunx waħda tassattiva, xi ħaġa li l-Gvern m'għandux ħsieb li jagħmel. Barra minn hekk, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-gravita' tad-diżabilita' tista' tinbidel matul iż-żmien wara li persuna tkun irreġistrat.

Investigazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jistenna l-Ombudsman biex jibda jinvestiga l-ilmenti li ressqu quddiemu l-membri tal-Forzi Armata ta' Malta u dan wara li kważi għaddiet sena minn meta ħarġu l-promozzjonijiet? Jara li din hija inġustizzja fiha nnfisha aktar u aktar meta wieħed jaf li ser jerġgħu joħorġu promozzjonijiet f'dan ix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-kont tad-dawl u l-ilma ta' familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed ikun għoli aktar min-normal? Jista' jgħid jekk hemmx xi problema fir-readings tad-dawl u l-ilma jew xi leakages mid-dar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Hedging agreement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28903 u 28955 u jgħid jekk l-Enemalta għamlitx hedging agreement għax-xiri taż-żejt li jkopri s-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla? Jekk iva, kemm jivvaluta li kien f'miljuni ta' liri dak li ffrankat l-Enemalta fuq il-prezz taż-żejt kif inhu llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Pensjoni ta' invalidita'

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn ġie deċiż mill-Bord Mediku li l-pensjoni ta' invalidita' tiegħu mhix konsidrata meta dan il-każ tant hu serju li lanqas ma jerfa' b'idejh flixkun ilma? Tara li d-deċiżjoni ta' Bord Mediku li issa mhux appellabbli quddiem l-arbitru taħt il-Kap 318 hija fiha nnifisha inġustizzja doppja u xi tgħid dwar każ bħal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, meta ssir talba għall-Pensjoni għall-Invalidita’, qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu, id-Direttur hu tenut li jikkonsulta dwar l-aspetti mediċi tat-talba lil persuna waħda jew aktar li jkollhom il-warrant biex jeżerċitaw il-professjoni medika, maħtura biex jagħtu parir dwar dawn il-każijiet. Il-parir li ngħata d-Direttur dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien li, mill-aspett mediku, il-persuna ma kienetx tikkwalifika għall-Pensjoni għall-Invalidita’. Ninsab infurmata wkoll li, skond ir-rekords tad-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali, il-kundizzjoni medika tal-persuna ndikata ma taqbilx ma’ kif deskritta mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tikkuntattja d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali biex tagħmel appuntament ħalli tiddiskuti l-każ u tingħata l-parir meħtieġ dwar it-talba tagħha..

Knisja ta' Santa Ubaldeska

Question

Jista' l-Ministru wara l-inizjattiva u s-suġġerimenti tiegħi matul l-aħħar xhur għar-restawr tal-Knisja ta' Santa Ubaldeska f'Raħal Ġdid, u wara l-interess personali tal-Ministru nniffsu li ġie fuq il-post fuq talba tiegħi u wara x-xogħol fejjiedi li l-ħaddiema tal-ministeru tiegħu bdew jagħmlu fil-Knisja imsemmija, jispjega fid-dettall fhiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar s'issa u x'inhu x-xogħol li fadal isir minn issa 'l quddiem? Kemm intnefqu flus s'issa u kemm huwa maħsub li l-proġett kollu ser ikun jiswa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab inurmat illi l-faċċati tal-knisja l-antika kienu fi stat ħażin ħafna, bi kwantita’ ta’ ġebel kontinwament nieżel mill-faċċati. Għalhekk inħasset il-ħtiega li jitneħħa l-periklu u tiġi restawrata l-eqdem parti tal-knisja. Il-faċċati tal-parti l-antika, s-sagristija u l-ġenb ta’ l-altar maġġur, ġew imnaddfa minn lega sewda fejn kien hemm l-aktar ħmieġ bioloġiku. Ġew ukoll imkaħħla l-fili kollha ta’ l-istess partijiet sabiex titnaqqas il-ħsara mill-ilma. Barra minn hekk sar bdil ta’ ġebel limitat fil-partijiet l-aktar deterjorati, filwaqt li ġew konsolidati partijiet li kienu fraġli permezz ta’ injezzjoni b’materjal magħmul mill-ġir. Ġie mneħħi wkoll zokklatura tal-konkos, ta’ madwar sular fuq wara tal-knisja sabiex il-ġebla setgħet terġa’ tieħu n-nifs. Il-bjut tas-sagristija u anke tal-ġenb l-ieħor ġew mħallba tajjeb permezz ta’ taħlita tad-deffun sabiex nevitaw li jidħol ilma minnhom. Fuq il-bejt il-kbir ukoll sar xogħol ta’ tiswija fuq areas fejn kien hemm ħsarat fid-deffun. Minbarra dan twaħħlu monitors fil-knisja sabiex jiġi stabbilit jekk il-konsenturi li hemm humiex stabbli jew għad hemm iċ-ċaqlieq. Dawn hemm bżonn li jiġu investigati fuq medda ta’ sena sabiex wieħed ikollu idea ċara tal-problemi strutturali. Huwa biss wara dan il-proċess li wieħed jista’ jibda jaħseb fuq kif nistgħu nieħdu azzjoni fuq il-problemi jekk dawn jeżistu. Filwaqt li x-xogħol tar-restawr s’issa ġie jiswa Lm13,000, wieħed għadu ma jistax joħroġ figura għal xogħlijiet strutturali peress li ma nistgħux ngħidu għal issa x’ser ikun hemm bżonn.

Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni, u jekk iva għal liema perjodu mistenni jsir, dwal u cameras ta' sigurta fl-underpass li hemm bejn l-inħawi magħrufa tal-Bajjada f'Hal Qormi (ftit bogħod minnFlamingo Ltd) u Santa Venera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-dawl f’din il-mina kemm il-darba sar u jerġa’ jitkisser. Din is-subway għandha bżonn dekorażżjoni mill-ġdid u li jkunu installati cameras ta’ sigurta. Dan ix-xogħol għandu jingħata prijorita’ li tixraqlu. L-ADT sa tlesti l-istejjem neċessarji sabiex il-proġett jkun mplimentat għan-nofs is-sena d-dieħla.

San Gwann — Zebra crossing

Question

B'referenza għal mistoqsijiet parlamentari li diġa' saru fuq zebra crossing pjuttost perikoluża fi Vjal ir-Rhan, San Gwann, li hemm talbiet biex isir pelican lights fiz-zebra crossing, ir-residenti jistaqsu x'sar minnu dan il-ħsieb? Jekk se jsir, meta? Jekk mhux se jsir, l-informazzjoni li ngħatajt mir-residenti huwa għaliex hemm xi persuna li ma tridx dan il-pelican lights sabiex jdur komdu. Jista' l-Ministru jinfurmani biex ir-residenti jkollhom risposta ċara tal-pożizzjoni tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-talba għall-pelican lights fi Vjal ir-Rihan ġiet aċċettata. L-istima tax-xogħol imsemmi saret u qegħda attwalment tistenna l-approvażżjoni neċessarja.

Bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29017 u jgħid għaliex minkejja li f'mistoqsija parlamentari 27579 intqal li l-bus shelter f'Siġġiewi Road, Żebbuġ kellu jiġi nstallat sa Ottubru, 2007 sal-lum dan għadu ma sarx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur Faces Ltd informa lill-ADT li d-data tat-twaħħil tal-Bus Shelter in kwestjoni ġiet posposta għall-bidu ta’ Diċembru 2007.

Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 28875 u 29016 u jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet xahar b'xahar matul dawn l-aħħar tlett snin inkluż il-grad li ngħata kemm jekk hu post kif ukoll position fis-servizz pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 sa l-31 ta’ Ottubru 2007, ingħataw total ta’ 2513 promozzjoni permezz ta’ sejħiet t’applikazzjonijiet interni u bħala riżultat ta’ numru ta’ snin ta’ servizz sodisfaċenti fil-grad fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Dettalji ta’ l-informazzjoni, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħlas ta' taxxa żejda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28876 u 29015 u jgħid meta se tingħata lura t-taxxa żejda li tħallset mill-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, u li għandha tieħu lura s-somma li teċċedi 'l fuq minn Lm5,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumpanija se tkun infurmata bl-informazzjoni mitluba fil-ġranet li ġejjin.