Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mtarfa — Riabilitazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 17212 u 12620, tista' il-Ministru ġentilment tgħid jekk il-MEPA approvatx il-pjanti sottomessi mill-perit Paul Camilleri & Associates f'Ottubru 2005? Xi progress sar f'dan il-proġett s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar għad m’għandiex deċiżjoni mill-MEPA dwar il-pjanti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Imtarfa — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi u t-toroq li se jsiru fl-Imtarfa fl-ewwel grupp ta' toroq li se jsiru f'din is-sena? Meta hu mistenni li jibda x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ewwel grupp ta’ toroq li se jsiru din is-sena fl-Imtarfa jinkludi Triq l-Imtarfa. Ix-xogħlijiet fuq din it-triq se jsir minn Hydrocks Co Ltd u huwa mistenni li dan ix-xogħol jinbeda fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħad-Dingli — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kuntratturi u t-toroq li se jsiru f'Had-Dingli fl-ewwel grupp ta' toroq li se jsiru f'din is-sena? Meta hu mistenni li jibda x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Triq Daħlet is-Sienja f’Ħad Dingli. Ix-xogħlijiet fi Triq Dun Karm Azzopardi, p/o Triq il-Ġnien, Triq Dun Karm Frendo u p/o Triq l-Irdum huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

San Ġwann — Traffic lights

Question

Tista' l-awtorita' dwar it-trasport tikkonsidra li tressaq it-traffic lights fin-naħa ta' fuq ta' Naxxar Road, San Ġwann aktar 'l isfel għall-quddiem CIMBA Upholsterers minħabba li ħafna sewwieqa qed jabbużaw mis-side road li hemm qrib id-dwal preżenti biex jaqbżu t-traffic lights - kultant bi speed imdaqqas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjal tat-Traffic Management Unit irriżulta li tali pelican crossing ġiet implimentata fil-post tul Naxxar Road fejn l-aktar li jaqsmu n-nies minħabba l-ħwienet li hemm u l-pożizzjoni tal-flats residenzjali li jiġġeneraw ammont sostanzjali ta’ pedestrians. Għaldaqstant mhux irrakkomandat li tali pelican crossing titressaq aktar ‘l isfel.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir reklutaġġ fil-ġejjieni qarib fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili, speċjalment fejn tidħol il-fire fighting section billi bħalissa d-dipartiment spiss jirrikorri għas-servizz ta' għadd ta' voluntiera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili permezz ta' Regolamenti li saru għal dan il-għan, waqqaf Korp tal-Voluntiera u qiegħed jagħti taħriġ u jħaddem għadd ta' voluntiera sabiex jassistu lid-Dipartiment kemm f'xogħol normali kif ukoll f'każ ta' diżastri. L-iskop huwa illi diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja jiffurmaw parti minn dan id-Dipartiment bħalma jsir f'diversi pajjiżi oħra Ewropej. Ir-riżultat ta' dan l-eżerċizzju huwa ta' sodisfazzjoni kbir u pubblikament nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ssieħbu f'dan il-Korp tal-Voluntiera. Qatt ma kien l-iskop ta' dan il-Korp Volontarju li jitwaqqaf sabiex ma jiġux ingaġġati nies ġodda mad-Dipartiment.

Għajnuna finanzjarja

Question

Tista' tiġi proċessata l-applikazzjoni għall-għajnuna materjali u allowance finanzjarja għal persuna minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ġiet iċċertifikata minn speċjalista li tbati mill-inkontinenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ għall-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali, liema Karta nħarġitilha. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi speċifikament għal talba għas-servizz relatat ma’ inkontinenza, nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

University of Malta — Members of Staff

Question

How many Members of Staff Accademic and Non Accademic over 61 years old are still in employment at the University of Malta on full-time basis? Kindly include their age and grade.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Staff Akkademiku: 89 membru li għandhom iktar minn sittin sena li qed jaħdmu fil-Fakultajiet ta’ L-Arkitettura, Arti, Edukazzjoni, Xjenza, Medicina, Ekonomija Management u Accountancy, Inġinerija, Teologija, Liġi, l-Mediterranean Institute, is-Centre for Communication Techonology, u Junior College li minnhom 33 membru għandhom aktar minn 65 sena u li jaħdmu fil-Fakultajiet tal-Arti, Edukazzjoni, Mediċina, Inġinerija, l-Institute of Health Care, l-Matsec u l-Junior College Staff Mhux Akkademiku: 29 membru li għandhom iktar minn sittin sena li jaħdmu fil- Fakultajiet ta’ l-Inġinerija, Liġi, Mediċina, Mediterranean Institute, u fl-Amministrazzjoni Ġenerali ta’ l-Universita'. 3 minn dawn il-membri għandhom iktar minn 65 sena.

MEPA — Environment Permits

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra minn meta bdew joħorġu l-environment permits mill-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar? Taħt liema liġi qed joħorġu dawn u x'inhi l-proċedura li qed tiġi adottata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li environmental permits huma dawk il-permessi li jinħarġu taħt l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent. Dawn il-permessi li qegħdin jinħarġu bħalissa huma prinċiparjament permessi ta’ waste management (LN337/01); permessi ta’ l-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) kif definiti mill-Unjoni Ewropea (LN234/02 u amendi); permessi ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ speċi (LN19/92 u amendi); permessi dwar attivitajiet u offroading, ħitan tas-sejjieħ u siġar (LN257/03 u varji permessi dwar kimiċi ta’ riskju ambjentali (LN varji).

Għawdex — Klieb li sfaw mgħallqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux eżamijiet forensiċi bħal finger prints, etc fuq il-post fejn instabu tlett iklieb mgħallqa f'Għawdex? Billi dan hu att mill-aktar brutali u selvaġġ kontra l-annimali li xxokkja lil diversi nies u billi atti ta' moħqrija b ħal dawn huma ksur tal-liġijiet ta' pajjiżna, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min qed jinvestiga dan l-inċident? Għalkemm mhux interessat f'ismijiet, jista' jgħid jekk ġewx interrogati xi persuni mill-pulizija? Jista' jaċċerta li dan l-att krudili jiġi investigat kif suppost bit-tama li min hu responsabbli jitressaq biex iwieġeb għal għemilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett ta' Għawdex għadha għaddejja bl-investigazzjoni tar-rapport li kien sarilha nhar id-9 ta' Jannar 2007 dwar tlett ikliet li kienu nstabu minn sidhom mgħallqa fir-razzett tiegħu. Is-sid irraporta wkoll li kien sab diversi oġġetti nieqsa minn ġo kamra fl-istess razzett. Għalkemm f'dan l-istadju mhux opportun li tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-investigazzjoni, ninsab infurmat illi kien hemm numru ta' persuni li ġew interrogati mill-Pulizija, fejn anke' saru xi tfittxijiet għal oġġetti relatati ma' dan ir-reat.

Applikazzjonijiet għal parties

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet il-pulizija biex jiġu organizzati attivitajiet (parties) f'lejliet l-Ewwel tas-Sena? Min kienu l-applikanti? Kemm ġew aċċettati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha 9 applikazzjonijiet għall-parties għal nhar l-ewwel tas-sena, li għalihom ukoll inħarġu l-permessi. Dawn kienu kif jidher hawn taħt: Monte Cristo Vine Vaults, Ħal Farruġ l/o Qormi Jean Borg Olivier – Dice Ltd. Caraffa Vaults, Birgu Dr Mark Bencini LL.D. St Mary Band Club, Għaxaq Jesmond Debono Cottage Gardens, Żurrieq Tanya Bartolo T G I Friday, Sliema Luc Adams Schembri National Park, Ta’ Qali David Parascandolo – Leon Productions Malta Fairs and Conventions, Ta’ Qali George F Said Melita Bar & Restaurant, Ħal Balzan Adrian Gomez Blanco Independence Sqr, St Georges Sqr & Republic Str, Victoria - Gozo Robert Tabone - Victoria Local Council

Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ammonti ta' flus għall-ispiża kapitali u għall-ispiża rikorrenti (material and supplies u maintenance) li qed jingħataw lill-iskejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji kollha ta' l-Istat, settur b'settur u għal kull skola separatament għal din is-sena 2007? Kemm kienu dawn l-ammonti ta' flus mogħtija lill-iskejjel ta' l-Istat, settur b'settur u sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2006?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed izid li minbarra dawn il-fondi l-iskejjel ta' l-Istat jibbenefikaw minn investiment kbir finanzjarju li jitwettaq sew mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Biex tingħata stampa sħiħa x'sar f'kull skola u x'jiswa jinħtieġ aktar xogħol ta' ġbir ta' informazzjoni.

Parties f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid qabel ma l-pulizija toħroġ permess biex jiġu organizzati parties f'postijiet pubbliċi jsiru spezzjonijiet biex jiġi żgurat li hemm biżżejjed sigurta' u faċilitajiet sanitarji fost affarijiet oħra? Dawn saru mal-postijiet kollha fejn saru applikazzjonijiet għall-parties f'lejliet l-Ewwel tas-Sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-parties magħmula mal-Pulizija jinkludi li dawn ikunu ikklerjati, fost l-oħrajn, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Universita — Studenti bi Bżonnijiet Speċjali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22663 u jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien hemm studenti bi bżonnijiet speċjali fl-Universita'? Jistgħu jingħataw dettalji dwar x'tip ta' għajnuna qed tingħatalhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Sena Skolastika Numru ta' studenti b'disabilita' 2002/03 19 2003/04 9 2004/05 11 2005/06 7 2006/07 12 Informat ukoll li fl-Universita' hemm 'Special Needs Unit' li tieħu ħsieb il-bżonnijiet individwali ta' l-istudenti kollha b'disabilita' li jattendu xi kors li toffri l-Universita'. L-għajnuna tingħata għal studenti kemm full-time kif ukoll part-time. Il-ħtiġijiet ta' dawn l-istudenti tvarja skond id-diżabilita' individwali ta' kull student. Fl-Universita' nsibu żewġ uffiċini , wieħed għall-facilitators u l-ieħor għal-istudenti b'diżabilita' biex tiprova tgħin kemm jista' jkun lil dawn l-istudenti. Informat li l-Universita' qed tinvesti u tagħmel arranġamenti biex tiffaċilita' lil dawn l-istudenti.

Universita' — Lecturers

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22674 u jgħid kemm huwa n-numru ta' full-time lecturers, part-time lecturers u visiting lecturers impjegati ma' l-universita'? Kemm minnhom huma barranin u ta' liema nazzjonalita' huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Full-time Part-time Universita' 71 89 Junior College 26 0 Informat li dawn il-Lecturers huma kollha ta' nazzjonalita' Maltija. L-Universita' m'għandha l-ebda impjegat barrani f'dan il-grad.

Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba taż-żagħżugħa Bormliża li tgħix f'post perikoluż li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Ħal-Luqa — Triq Ħal Farruġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ħal Farruġ, Ħal-Luqa se tiġi rranġata, peress li ilha s-snin mimlija ħofor u mkissra b'riskju mhux biss għal pedestrians imma aktar għas-sewwieqa, iżda wkoll minħabba l-ħsarat għal vetturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

F'Ħal Luqa bħalissa qegħdin isiru numru ta' toroq u mhux possibli jiżdiedu oħrajn mall-commitments li hemm. L-ADT ser tistudja jekk fil-futur jistax isir xogħol ta' major patching f'din it-triq.

Ħal-Luqa — Triq Ħal Farruġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi mdawwla Triq Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa li hija mhux biss mudlama iżda toffri perikli serji għal kulmin ikollu jgħaddi minnha filgħaxija?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onor Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat peress li dwal ġodda fit-toroq ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali.

Ħal Luqa — Triq Ħal Farruġ - parking industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'permessi għal parking industrijali hemm u li huma maħruġa mill-MEPA fi Triq Ħal Farruġ, Ħal Luqa faċċata ta' Triq id-Daqquqa l-Kaħla? Jekk hemm permessi għal dan il-parking, jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA għamlitx studju dwar l-impatt ambjentali f'din l-area fuq il-Wied il-Kbir f'Ħal Qormi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk il-mistoqsija tirreferi għall-impjant ta' l-Express Trailers li jinstab faċċata ta' Triq id-Daqquqa l-Kaħla f'Ħal Farruġ, limiti ta' Ħal Luqa, dan huwa suġġett ta' żewġ permessi ta' l-iżvilupp. Permess PB 4063/90/3375/89 kien ingħata mill-Planning Area Permits Board (PAPB) għall-kostruzzjoni ta' boundary wall, depot għat-trailers, trailer wash, u bini anċillari. Permess PA 7264/98 kien inħareg mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit-8 ta' Novembru 1999 għall-kostruzzjoni ta' bini li jintuża għall- Vehicle Roadworthiness Test (VRT) testing. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma talbitx studju dwar l-impatt ambjentali għaliex il-proposta ma kinitx ta' entità li timmerita dan l-istudju. Barra minn hekk, is-sit kien diġà committed għal użu industrijali bil-permess tal- Planning Area Permits Board (PAPB).

Triq Ħal Farruġ — Emissions

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA qatt stħarrġietx l-emissions ta' trab aħmar li qiegħed joħroġ minn ċumnija fi Triq Ħal Farruġ u li hija tan-negozju li d-dettalji tiegħu qegħdin jidhru kunfidenzjalment? Jekk stħarrġet, x'passi ttieħdu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li, wara investigazzjonijiet li saru fuq il-post, kien ikkonfermat li ċ-ċumnija msemmija tintuża bħala parti minn sistema ta' estrazzjoni ta' l-arja waqt attivitajiet ta' spraying li ma jsirx b'mod frekwenti. Waqt l-ispezzjoni saru rakkomandazzjonijiet biex kull inkonvenjent li setgħa ġie kkawżat minn din l-attività jiġi mneħħi. Is-sit ser jibqa' jkun immoniterjat biex jonqos ir-riskju li tirrepeti ruħha din il-problema.