Tista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Tista' tgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Tista' tgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 ma żdiditx. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fis-sena 2006, is-safar tal- Onorevoli Ministru ġie approvat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru filwaqt li s-safar l-ieħor ġie approvat mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq safar fl-2005 u l-2006 kienet kif jidher hawn taħt:
2005:
Ministeru / Dipartiment:
Lm 20,274 – minn dawn ġew rimburżati Lm 2,720 filwaqt li Lm908 għad iridu jiġu rimburżati.
Awtorita dwar it-Trasport:
Lm16,857.
2006:
Ministeru / Dipartiment:
Lm 15,640 – minn dawn ġew rimburżati Lm 3,898 filwaqt li Lm2,508 għad iridu jiġu rimburżati.
Għad hemm xi spejjeż oħra żgħar li jridu jitħallsu.
Awtorita dwar it-Trasport
: Lm 28,233.
In-nefqa tal-Ministeru/Dipartiment naqset mill-2005 għall-2006 filwaqt li kien hemm żieda fin-nefqa ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport. Madankollu iż-żieda fin-nefqa globali tal-Ministeru/Dipartiment u l-ADT kienet minima.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-safar kollu sar skond il-ħtiġijiet u l-obbligi tal-Ministeru / Dipartiment jew ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport. Is-safar kollu ġie approvat skond il-proċeduri stabbiliti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l fl-2005, l-ispiża globali għas-safar kienet ta’ Lm200,820.54, li minnhom irċivejna lura l-ħlas ta’ Lm83,831.04 mill-Unjoni Ewropea. Fl-2006, l-ispiża globali għas-safar kienet ta’ Lm211,294.10, li minnhom mill-Unjoni Ewropea Lm82,925.34.
L-ispejjeż qed jirriżultaw l-aktar mill-fatt li qed jiżdiedu l-obbligi tal-Ministeru minħabba proposti ġodda fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ l-ambjent, agrikoltura u sajd u fil-qasam ta’ l-affarijiet veterinarji. Il-fatt li din l-ispiża kienet koperta mill-
Budget
approvat ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ l-approvazzjoni tal-Prim Ministru.
Is-safar ta’ matul is-sena 2006 ġie approvat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kif inhi l-proċedura.
Jista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema dipartimenti qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax titneħħa kiosk ħadra li ilha fi Triq San Publiju, Floriana tokkupa post ta' parkeġġ għal vetturi għal żmien twil ħafna, preċiżament quddiem il-kunsill lokali tal-Floriana?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ser jieħu l-passi li hemm bżonn sabiex din il-kiosk titneħħa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22041 u jgħid: Fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar il-commission for fair trading ikkonkludiet li l-bejgħ tal-prodotti tad-demm lill-kliniċi u sptarijiet privati kienu diskriminatorji u għalhekk kien qed ipoġġi lill-istess kliniċi u sptarijiet privati fi żvantaġġ finanzjarju, jista' il-Ministru jinformana bejn is-snin 2003 u 2006 kemm ġew mibjugħa boroż tad-demm u prodotti tad-demm lil dawn il-kliniċi u sptarijiet privati, kull sena u x'kienu l-ammonti ta' flus miġbura f'dan ir-rigward kull sena? Hemm il-ħsieb li l-flus li tħallsu minn dawn il-kliniċi u sptarijiet jiġu mrodda lura u għalhekk jerġgħu jingħataw lura dawn il-flus lill-pazjenti?
Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni, għandux jintalab ħlas għal dawn il-prodotti mid-dipartiment tas-saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Niċċaraw l-ewwelnett li dan mhux każ ta' bejgħ ta' demm. Din kienet talba mid-Diviżjoni tas-Saħħa lill-kliniċi u sptarijiet privati għal rifużjoni ta' spejjeż amministrattivi li tidħol fihom id-Diviżjoni biex tiżgura li demm u prodotti tad-demm isirulhom it-testijiet meħtieġa li jiżguraw li jkunu ta' l-aqwa kwalita'.
2. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant..
3. Ma hemm l-ebda ħsieb li flus li diġa' tħallsu jiġu mrodda lura.
4. Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jevalwa is-sitwazzjoni sabiex jara x'policy jista' jaddotta dwar ħlas għall-ipproċessar ta' dawn il-prodotti.
Tista' l-Ministru tgħid min ħallas għal avukat fil-każ tat-tifel Għawdxi li ismu qed jintbagħat separatament, li ġie appuntat biex jirrappreżenta lil omm imsiefra, waqt il-kawża waqt il-proċeduri legali li kienu qed isiru fil-qorti ta' Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-proċeduri legali li ttieħdu mid-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali bħala l-Awtorita’ Ċentrali ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni ta’ l-Ajja dwar Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, ninsab infurmata li dawn tmexxew mill-avukat tad-Dipartiment u li l-omm kienet xhud u ma kienetx rappreżentata minn xi avukat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22836 u jgħid kemm tmur lura fiż-żmien l-aktar applikazzjoni qadima għall-operazzjoni ta' hip replacement?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dewmien fuq waiting list għal hip replacement tvarja minn kunsulent għall-ieħor. L-itwal stennija hija ta' ħames snin pero hemm raġunijiet mediċi għal dan id-dewmien.
Tista' l-Ministru tgħid liema ente qed tieħu ħsieb il-problema tat-traffikar tan-nisa u tfal? X'tip ta' traffikar qed isir? X'xogħol qed isir f'dan ir-rigward? Xi statistika teżisti għal dawn l-aħħar ħames snin, kemm bħala numru ta' nisa u tfal traffikati kif ukoll persuni involuti f'dan it-traffikar?
Kemm każijiet ġew rappurtati?
Kemm każijiet tressqu l-qorti?
Għand min jistgħu jirrikorru għall-għajnuna u kenn dawn in-nisa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li n-nisa u t-tfal indikata jistgħu jirrikorru għas-sapport għand l-Initial Response Team ta' l-Aġenzija Appoġġ.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferihom lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti statistika għal dawn l-aħħar għaxar snin ta' kemm ġew rappurtati każijiet ta' vjolenza fuq in-nisa - domestika u mhux - inkluż każijiet ta' stupru fiż-żwieġ? Kemm minn dawn tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kompjuterizzata ta' l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22837 u jgħid x'inhuma l-operating costs attwali tas-sistema park and ride?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-operating costs attwali tal-Park & Ride kienu jammontaw għal Lm27,678.55 (Lm10,052.66 f’Novembru u Lm17,625.89 f’Diċembru).
Huwa stmat li bl-introduzzjoni tas-CVA (
Controlled Vehicular Access
) f’Marzu, l-ispiża fix xhur ta’ wara tonqos għal madwar Lm9,500 (fix-xhar).
Għargħur — Triq Santa Katerina - Fawran ta' Drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22955 u jgħid x'passi ħadet il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tirrimedja l-problema ta' fawran tad-drenaġġ fi Triq Santa Katerina, l-Għargħur meta għandi għaliex nifhem illi kellhom jittieħdu passi ta' rimedju madwar sena ilu - fi Frar 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġa bdiet tagħmel ix-xogħol neċessarju biex tirrimedja din il-problema.
Dan ix-xogħol huwa mistenni li jkun lest fi żmien erba' ġimgħat oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru ikun daqstant ġentili u jgħid għaliex minkejja li persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kellu l-petizzjoni tiegħu l-E.T. il-President ta' Malta milqugħa fit-8 ta' Awissu 2005 sabiex jieħu lura l-effetti tiegħu personali hemm isemmija, u minkejja li fl-4 ta' Diċembru 2006 l-uffiċċju tal-President informa lil din il-persuna li għaddew l-ittra tiegħu tat-23 ta' Novembru 2006 lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex id-deċiżjoni tal-President tkun implimentata, għala wara dawn ix-xhur kollha din id-deċiżjoni qed tiġi stultifikata bir-rifjut tal-kummissarju tal-pulizija li jirritorna l-effetti tiegħu personali?
Jista' għalhekk il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu ritornati dawn l-oġġetti lill-persuna in kwestjoni kif deċiż mill-kap ta' l-Istat?
In linea ma' l-istanding orders, l-Interpellant qed jiddikjara li huwa kien il-konsulent legali li kiteb il-petizzjoni għan-nom ta' din il-persuna.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet milqugħa bil-kondizzjoni li jinħarġu dawk il-liċenzji neċessarji. Għaldaqstant qabel ma' dawn l-armi jkunu jistgħu jiġu rritornati, iridu jinħarġu l-liċenzji rikjesti mill-liġi. L-applikazzjoni sabiex dawn l-armi jkunu liċenzjati għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21802 cioe' jista' jgħid kemm huwa previst li se jkun hemm benefiċċjarji li se jgawdu mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers li huwa l-uniku impjieg tagħhom, bil-miżura introdotta fil-budget?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-mod ta’ kif inhi strutturata l-informazzjoni li tinġabar mid-dipartiment mhux possibbli li jiġi stabbilit kemm hemm nies li jistgħu jibbenefikaw mill-aġġustament fil-bolla tal-part-timers.
Dan għaliex in-numru ta’ part-timers indikati fil-formolarji tat-taxxa huma dawk biss li jħallsu t-taxxa bil-15%. Dawn il-part-timers mhumiex suġġetti li jħallsu bolla fuq il-part-time għax ikollhom impjieg/dħul prinċipali ieħor. Persuni oħra li m’għandhomx impjieg/dħul prinċipali, u għalhekk ma jikkwalifikawx taħt id-definizzjoni ta’ part-timers skond il-liġijiet tat-taxxa, ma jiġux indikati bħala part-timers minn min jimpjegahom.
Barra minn hekk lanqas ma tista’ tasal għal figura ta’ part-timers mill-kategorija tal-bolla mħallsa għar-raġuni li din hi l-istess bħal dik li tapplika għal min hu fuq il-minimum wage. Hemm ukoll persuni li ħallsu kategoriji differenti ta’ bolla għaliex matul l-istess sena jkunu biddlu x-xogħol kemm-il darba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT mill-kumpannija Spanjola li kienet qed tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Għawdex u Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Spanjola li kienet tħaddem is-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex, Helicopters de Suerte S.A., ħallset is-somma ta’ Lm4997, li minnhom kien hemm Lm41 multi u interessi, bħala VAT, minn din is-somma, il-kumpanija kienet tħallset lura Lm1755 bħala rifużjoni.