Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratt mill-Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir il-kuntratt mill-awtorita' tad-djar biex isir ix-xogħol fuq Ref. 5 HA 155/2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar qiegħda fil-proċess li tivverifika l-assi ta' l-applikant u li kif dan il-proċess jitlesta tkun tista' tibgħat għalih biex jiġi ffirmat il-kuntratt ta' l-għotja.
Leg 10 PQ #23086 Sitting 484 2007-01-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 22593 u 22743 u jgħid mill-budget ta' l-MTA 2006 u 2007: 1) x'persentaġġ qed imur fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex; 2) x'persentaġġ qed imur fuq għajnuna lil-low cost airlines; 3) x'persentaġġ qed imur fuq market support għat-tour operators?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi fl-2006, 52% mill-budget ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu mar fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex filwaqt li għall-2007 dan il-persentaġġ kien ta' 38%. 24% u 32% mill-budget ta' l-Awtorita' marru fuq market support għat-tour operators għall-2006 u l-2007 rispettivament. L-għajnuna lill-low cost airlines hija nkluża fil-market support għat-tour operators.

Sptar Zammit Clapp — Ħaddiema fuq xogħol part-time

Question

Matul is-sena 2006 u Jannar 2007, jista' il-Ministru jgħid jekk ħarġux sejħiet għal xogħol part-time fl-isptar Zammit Clapp biex isiru minn ħaddiema full timers ma' l-istess sptar? Jista' jagħti d-dettalji tad-dati ta dawn is-sejħiet u jgħid liema minnhom ġew irtirati u għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul 2006 u Jannar 2007, fl-Isptar Zammit Clapp ma kien hemm ebda sejħa għal xogħol part time biex isir minn ħaddiema full-timers mal-istess sptar.

San Ġiljan — Qasam tad-Djar ta' Giorni - istallazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'possibbiltajiet hemm li jitwaħħal lift fi Block G, Qasam tad-Djar ta' Giorni, f'San Ġiljan peress li fis-sulari ta' fuq hemm anzjani li qed ikollhom tbatija jitilgħu bix-xirja u qed isibuha diffiċli jiġu pprovduti b'servizzi bħaċ-ċilindri tal-gass minħabba t-taraġ twil li hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita’ tad-Djar tikkunsidra applikazzjonijiet għal stallar ta’ lift fi blokk mikri mill-Gvern jekk ikun hemm persuna b’diżabilita’ ta’ mobilta’ residenti f’dak il-blokk. Ninsab infurmata li minn riċerka li saret ma jirriżultax li l-Awtorita’ għandha applikazzjoni għal stallar ta’ lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.

Studenti Maltin fuq studju fl-Ingilterra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bħalissa għandna studenti Maltin jistudjaw f'xi universita' fl-Ingilterra u qed jieħdu minn Malta l-istipendju li jieħdu l-istudenti Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm tliet studenti jsegwu studji barra minn Malta u li qed jirċievu stipendju.

MCAST — Pharmacy Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-istudenti tal-MCAST fl-ewwel sena tal-kors tal-Pharmacy Technician ma' l-Institute of Business and Commerce humiex se jingħataw l-istipendju, l-ismart card u għajnuna biex itaffu l-ispejjeż tat-trasport pubbliku peress li hemm studenti minnhom li m'hu qed jirċievu xejn minn dawn l-għajnuniet ta' stipendju, smart card u sussidju tat-trasport?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm numru ta' studenti li ġew mill-Junior College u bdew il-kors tal-Pharmacy Technician ma' l-Institute of Business and Commerce ta' l-MCAST. Peress li teknikament huma qed jirrepetu l-istess livell/sena li kienu fiha fil-Junior College allura ma jistgħux jingħataw stipendju. Kif diġa kelli l-okkażjoni ngħid bi tweġiba għal interpellenzi oħra l-każi ta' dawn l-istudenti qed jiġu mistħarrġa kull wieħed fuq il-merti tiegħu biex jiġu stabbiliti l-fatti preċiżi.

MCAST — Pharmacy Technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-kors ta' l-ewwel sena Pharmacy Technicians, MCAST Institute of Business and Commerce hemm lecturer fil-qasam Action And Use of Drugs li mhux qed jattendi biex jagħti lectures? Meta se jibdew il-lectures u kif se jintrebaħ iż-żmien mitluf?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm żewġ għalliema li jgħallmu s-suġġett imsemmi, Action & Use of Drugs. Informat li dawn l-għalliema kienu ma jifilħux għal xi lezzjonijiet u kellhom ċertifikat mediku. Informat ukoll li wieħed minn dawn l-għalliema għadu kemm rriżenja, iżda diġa' hemm sostitut li ser jibda fl-aħħar ġimgħa ta' Jannar. L-istudenti ser jingħataw siegħa żejda kull ġimgħa għal kumplament tax-xhur li fadal. Dawn għandhom jikkumpensaw il-lezzjonijiet li ntilfu.

Servizz Pubbliku — Reduced Hours

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min jikkwalifika għal miżura tar-reduced hours fis-servizz pubbliku kif imħabbra fil-budget bħala miżura favur il-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-miżura li tħabbret fil-budget fissret li l-benefiċċju applikabbli fis-servizz pubbliku issa japplikaw ukoll fis-Settur Pubbliku. Jikkwalifikaw għar-reduced hours dawk l-impjegati li jaħdmu whole-time b’eċċezzjoni ta’ dawk li jaħdmu fuq Performance Agreement jew Kuntratt bil-kundizzjonijiet stabbiliti, kif ukoll il-membri bl-uniformi ta’ l-Armata ta’ Malta. Iżjed dettalji dwar dan il-benefiċċju jinstabu f’Sezzjoni 3.1.6 tal-PSMC (Public Service Management Code).

Diviżjoni tax-Xogħlijiet — Operation managers

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 22928, jista' l-Ministru jgħid min huma l-operation managers li għandhom allowance għall-użu tal-karozza u liema huma dawk li għandhom allowance għall-użu tal-mobile?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-ebda Operations Managers ta’ dan il-Ministeru m’għandu allowancela għall-użu tal-karozza u lanqas għall-użu tal-mobile. Nirreferi għall-mistoqsija Parlamentari Numru 22928 fejn f’dan il-Ministeru minħabba n-natura tax-xogħol ta’ xi Operations Managers, erba’ minnhom jagħmlu użu minn karozza tal-kiri biex ikunu jistgħu jmorru fuq il-lant tax-xogħol, filwaqt li tlieta jingħataw cards tal-mobile biex ikunu aċċessibli waqt li jkunu barra fuq xogħol.

San Pawl il-Baħar — Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21621, 21852, 22067, 22226, 22480, 22620, 22704 u 22945 u jgħid kemm hu stmat ix-xogħol ta' kostruzzjoni għall-irranġar ta' dik il-parti tal-bypass ta' San Pawl il-Baħar li ċediet minħabba xogħol ta' eskavar minn kuntrattur privat? Min se jħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

MIA

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22953, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx xi ċans illi l-ajruport internazzjonali ta' Malta jingħata xi isem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa ma kien hawn l-ebda suġġeriment jew proposta biex f'Malta tintuża d-drawwa li hemm f'xi pajjiżi oħra li ajruport jissema wkoll għall xi persuna llustri bħal Rome Fiumicino jew Leonardo da Vinci.

Riżorsi u Infrastruttura — Karozzi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22065, jista' l-Ministru jgħid jekk l-allowances imsemmija jinkludux l-uzu tal-karozzi u l-fuel? Jekk fin-negattiv, għalkemm kien jammonta l-allowance għall-karozzi u l-fuel?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mistoqsija numru 22065 li għaliha rrefera, m’għandha x’taqsam xejn ma’ din il-mistoqsija.

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 22949 u jagħti lista ta' proprjeta' li ġiet akkwistata mill-Enemalta sabiex tintuża bħala substations ta' l-elettriku f'dawn l-aħħar 12-il xahar, inkluż il-valur li nxtraw bih?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista bid-dettalji tal-proprjeta’ li ġiet akkwistata mill-Enemalta sabiex tintuża bħala substations ta’ l-elettriku f’dawn l-aħħar 12-il xahar.

Qrati — Atti kriminali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti fuq reati konnessi ma' twettiq ta' atti kriminali fil-pubbliku s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni jaħdmu mingħajr permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti talli ħaddmu persuni bla permess is-sena l-oħra u x'weħlu f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-każ ta’ ħaddiema barranin, hija l-pulizija li tħarrek lil dawn il-persuni. Informat ukoll li fil-każ ta’ kawżi rigward il-ħaddiema Maltin li jkunu qed jaħdmu illegalment, nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 20057.

Każi ta' rapes

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rapes jew indecent assaults s-sena l-oħra? X'weħlu f'kull każ dawk imressqa fuq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar rapporti ta' rapes jew indecent assaults matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Reġistru tal-qgħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru s-sena l-oħra u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar sa’ Diċembru 2006 inqatgħu 1,391 persuna minn fuq l-Ewwel u t-Tieni parti tar-reġistru. Minn dawn il-1,391 persuna, 180 nqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 862 irrifjutaw opportunita ta’ xogħol, filwaqt li 349 persuna rrifjutaw opportunita ta’ taħriġ.

Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk żdidietx in-nefqa fuq is-safar mill-2005 għall-2006 u f'każ affermattiv, kemm kienet iż-żieda fuq l-ispiża tas-safar mill-2005 u l-2006 globalment? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni ta' din iż-żieda u jekk kienx hemm l-approvazzjoni ta' l-uffiċċju tal-prim ministru għat-tali spiża? Jista' jgħid min approva s-safar ta' matul l-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Napprezza jekk l-Onor. Interpellant jindika għas-safar ta' min qed jirreferi biex inkun nista' ntih l-informazzjoni mitluba.