Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imsida — Triq ta' Xmiexi

Question

Jista' l-Ministra jara li tingħata priorita' u urġenza lit-talba ta' għadd kbir ta' residenti ta' Triq ta' Xmiexi, Msida sabiex jitkomplew it-tentattivi li kien hemm fil-passat sabiex tinfetaħ it-triq li tinfed ma' Triq San Alwigi, l-Imsida għaliex f'kaz ta' emerġenza r-residenti ġieli damu 'l fuq minn 25 minuta jistennew ambulanza tasal, filwaqt li ir-residenti jinsabu tant izolati li lanqas jistgħu jwasslu it-tfal l-iskola meta tagħmel ix-xita u ma jkunx possibbli li wieħed jinzel mit-taraġ dejjaq fi tmiem it-triq minħabba l-ilmijiet li jkun hemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Msida — Triq it-Torri

Question

Jista' l-Ministra jara li jsir xi ħaġa dwar il-parkeġġ fi Triq it-Torri, l-Imsida li qed joħloq inkonvenjent regolari lit-traffiku li jkun nieżel jew tielgħa speċjalment fir-rush hours ta' filgħodu u wara nofsinhar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li fl-aħħar ittra li ntbgħatet mit-Taqsima lill-Kunsill Lokali Msida ġie ssuġġerit li l-parkeġġ fi Triq it-Torri jitħalla li jsir fuq naħa waħda biss. It-Taqsima ma rċevietx l-ebda risposta mill-Kunsill rigward tali suggeriment għaldaqstant it-taqsima bagħtet korrispondenza oħra lill-Kunsill f’dan ir-rigward.

Imsida — Triq it-Torri - tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li titnaddaf il-parking area li hemm ħdejn il-bring-in sites qrib Triq it-Torri, l-Imsida u jitħalla spazju għal parking għar-residenti li jistgħu jkunu effettwati? Dan l-immaniġġjar aħjar ta' traffiku jista' itaffi l-inkonvenjent li qegħdin isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti effettwati, b'mod partikolari minn numru 27 sa 47, Triq it-Torri, Msida kif ukoll il-vetturi li juzaw din it-triq.

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Public Works Department — ATO

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-grad ta' ATO fi ħdan id-Dipartiment tal-Public Works, jew aħjar l-MSD, ilu żmien twil ma jingħata promozzjoni għalih avolja hemm nuqqas u d-Dipartiment qed jinqeda b'nies fi grad anqas?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li r-raġuni prinċipali għaliex naqsu l-Assistant Technical Officers (ATOs)fid-Dipartiment tal-Manifattura u s-Servizzi (MSD) hi li f’dawn l-aħħar snin ħarġu diversi promotions għall-grad ta’ Technical Officers. F’Novembru tal-2005 biss saru 10 Technical Officersf’daqqa, li 8 minnhom ingħataw lil ATOs fl-istess Dipartiment u dawn allura ħolqu vakanzi fil-grad ta’ ATOs.

Għawdex — Water polishing plant

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat miksub mill-istallazzjoni tal-polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Meta kien istallat dan l-impjant, fejn u fiex jikkonsisti u kemm sewa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jsiru mpjanti simili f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal-PQ 18608. Bl-istallazzjoni ta' din il-polishing plant l-ilma provdut lill-konsumatur f'Għawdex fih livell baxx ta' chlorides u nitrates.

Infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' infermiera impjegati mal-gvern fl-1987 u kemm hu fil-preżent? Jista' jgħid ukoll x'kien l-ammont globali ta' pagi/salarji, kif ukoll ta' sahra, imħallsa lill-infermiera fl-1987 u fl-2006 rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bini/manutenzjoni ta' skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-1999 'il hawn kienu investiti flus mill-gvern: a) f'bini ta' skejjel ġodda; u b) f'manutenzjoni ta' skejjel eżistenti? Jista' jgħid ukoll xi proġetti maġġuri saru ta' manutenzjoni u ta' bini ta' skejjel u kemm swew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investiment kapitali f'immodernizzar, manutenzjoni ta' skejjel ġodda u bini li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada nefqet fuq skejjel mill-perjodi 2001 sa Settembru 2006 kienet tlaħħaq Lm 19,628,898. Minn dan l-ammont Lm 3,506,791 ntefqu fuq skejjel ġodda. Lista ta' xogħolijiet riċenti tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal Mistoqsija Numru 20601.

Appartamenti tal-gvern — Istallazzjoni ta' lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il lift ġew istallati s'issa b'kollox fi blokki ta' appartamenti tal-gvern/awtorita' tad-djar, f'liema lokalitajiet u kemm kienet l-ispiża globali s'issa? Tista' tgħid ukoll jekk humiex qegħdin ikunu stallati lifts oħra u fejn, u x'talbiet oħra hemm pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn Ġunju 1999, meta nfetħet l-iskema ta’ stallar ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar stallat 81 lift f’dawn il-blokki bi spiża ta’ Lm1,302,800. It-tagħrif dwar il-lokalitajiet ta’ dawn il-blokki hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li, xi ġimgħat ilu, ingħataw kuntratti għal stallar ta’ lifts f’żewg blokki oħra, wieħed ir-Rabat u l-ieħor f’Ħal-Lija, u nħarġu sejħiet għall-offerti għal tliet lifts oħra fi blokki l-Isla, il-Birgu u Tarxien. In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li qiegħdin fi stadji differenti ta’ ipproċessar huma 12.

Tkabbir tad-dwieli għall-inbid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tad-dwieli għall-inbid kull sena mis-sena 2000 'il hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru d-dwieli għall-inbid, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 14205. Nista’ nżid li fis-sena 2006 kien hawn reġistrati 910 ettari jew madwar 8,100 tomna u madwar 3000 bidwi rreġistrati. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm826,150.40. Minnha Lm 113,667.20 ġew mill-Unjoni Ewropea.

Tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ kull sena mis-sena 2000 'il hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li jkabbru s-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk tinżammx statistika ta' kemm siġar taż-żebbuġ hawn għall-produzzjoni taż-żejt u dawk għall-produzzjoni taż-żebbuġ għall-konsum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ċensiment li sar fl-2006 ġew reġistrati l-bdiewa li jkabbru is-siġar taż-żebbuġ. Mid-dikjarazzjonijiet joħroġ li matul is-snin żdiedu dawn l-ammonti ta’ sigar: 2005 2,560 2004 15,275 2003 5,992 2002 3,274 Dwar għajnuna għat-tkabbir tad-dwieli, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23067. It-total ta’ siġar taż-żebbuġ huwa ta’ 43,484 bi 856 bidwi reġistrat. Ir-reġistrazzjoni għas-sena 2006 għadha mhux magħluqa peress li s-siġar taż-żebbug jitħawlu bejn Novembru u April. Mis-sena 2006 bdiet sistema ta’ dikjarazzjoni tal-produzzjoni ta’ żebbuġ għall-mejda u żebbuġ għall-għasir.

AC Milan

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 23000, jista' l-Ministru jgħid jekk xi enteoħra governattiva jew fond finanzjarju tal-Gvern ħariġx flus biex l-AC Milan jinġiebu għal Training Camp f'Malta u biex jilagħbu logħba ta' ħbiberija ma' Birkirkara FC?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru tiegħi ma jkollux l-informazzjoni mitluba.

Clubs tal-Football — Għotjiet Finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23004 u jgħid liema huma dawk il-clubs tal-football li bbenefikaw minn għotjiet finanzjarji tul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienu l-ammonti ta' dawn l-għotjiet u minn liema fond finanzjarju ngħataw? Jista' f'kull każ jgħid għal liema skop speċifiku ngħataw dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għotjiet finanzjarji li ngħataw mill-Ministeru tal-Finanzi lill-clubs tal-football matul dawn l-aħħar sentejn.

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22999 u jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-uffiċċju tiegħu, il-ministeru u s-segretarju parlamentari ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Każini tal-Banda — Għotjiet Finanzjarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23008 u jgħid liema huma dawk il-każini tal-banda li bbenefikaw minn għotjiet finanzjarji tul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienu l-ammonti ta' dawn l-għotjiet u minn liema fond finanzjarju ngħataw? Jista' f'kull każ jgħid għal liema skop speċifiku ngħataw dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għotjiet finanzjarji li ngħataw mill-Ministeru tal-Finanzi lill-każini tal-banda matul dawn l-aħħar sentejn. Dawn ingħataw kollha mill-Good Causes Fund.

Pilloli ADALAT LA

Question

Jista' il-Ministru jara li jinħarġu l-pilloli ADALAT LA fit-tqassim tal-mediċini tal-gvern? Dan peress li hemm persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha teħodhom tliet snin u għandha marda kronika.

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Gvern qed jipprovdi l-mediċina Nifedipine li hija 'normali', modified release jew slow release. Il-persuna li tixtieq tingħata Nifedipine long acting tista' tgħid lill-konsulent tagħha japplika għall-permess speċjali. Din l-applikazzjoni tiġi evalwata u jekk tinsab valida tkun approvata biex b'hekk din il-persuna tingħata Nifedipine long acting b'xejn. Iżda il-policy hi li ma jiġux approvati mediċini ta' ditta speċifika.

ETC — Kors tac-Childcare

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-viċin jiftaħ il-kors mill-ETC taċ-childcare? Xi jrid isir biex wieħed japplika għalih, u xi kwalifiċi jrid ikollu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għadha ma ġietx iffissata data meta ser jerġa jiftaħ il-kors mill-ETC taċ-‘childcare’ u bħalissa mhux qed jintlaqgħu applikazzjonjiet. Meta joħorgu l-applikazzjonijiet, persuni interessati jkunu jridu jimlew formola u jkun meħtieġ ukoll minnhom li jkollhom 3 ezamijiet fil-livell ordinarju, fl-Ingliz, Malti u Matematika. L-ezami tal-Matematika jista’ jiġi sostitwit minn 2 ezamijiet f’suġġetti oħra. Persuni li ma ghandhomx dawn il-kwalifiki jistgħu jagħmlu ezami fit-tlett suġġetti msemmija aktar qabel.

Permit No. 04089/05

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22943 u jara li jiġi milqugħ ilment ta' persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar permit no. 04089/05?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Benefiċċji Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ tal-benefiċċju ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed idur bil-ġenitur tiegħu peress li tinstab b'saqajha maqtugħin u għadha ma rċeviet xejn? Jista' jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-djar — Ispezzjoni f'post tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li ssir ispezzjoni mill-perit f'post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u ħadet sussidju mill-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret f’Novembru 2006 mill-perit ta’ l-Awtorita’ tad-Djar fir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant irriżulta li x-xogħol, li għalih l-Awtorita’ approvat l-għotja, ma kienx komplut. Ninsab infurmata wkoll li għalhekk l-Awtorita’ ser tagħmel spezzjoni oħra biex tivverifika jekk ix-xogħol sarx kollu.