Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx nies mis-segretarjat tiegħu involuti fit-tmexxija tal-kumpanija MALTA GOVERNMENT TECHNOLOGY INVESTMENTS LTD.?
X’kienet il-ħidma ewlenija ta’ din il-kumpanija kemm ilha mwaqqfa?
Huwa minnu li certi Private Training Providers iffirmaw ftehim ma din il-kumpanija fejn gew mitluba/mistiedna jieħdu studenti li ma kienx hemm post jew għalliema għalihom fl-MCAST? B’kemm gew iffinanzjati dawn il-PTPs s’issa?
Kemm kien hemm studenti li gew iffinanzjati minn din l-iskema?
Kemm kien hemm PTPs li ibbenefikaw minn din l-iskema? U liema kienu?
Huwa minnu li din il-kumpanija qeghda f’mod indirett tiffinanzja
extra top up allowances
li ġieli jlaħħqu madwar Lm2500 il-persuna fis-sena sabiex ma jkunx hemm
drain
ta’ għalliema fl-ICT Institute tal-MCAST?
Huwa minnu li sa ftit zmien ilu id-Direttur ta’ dan l-Istitut kien qed jitħallas is-salarju tiegħu mill-kumpanija Maltacom billi huwa mifhum li il-pakkett finanzjarju li kellu kien ferm ogħla mill-istrutturi ta’ pagi permessi mill-Gvern fi hdan il-qafas tal-istruttura tal-pagi tal-istess Kullegg?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jgħidli min hu responsabbli mill-għajnuna li kienet tingħata lill-ommijiet li jkollhom numru ta' trabi f'daqqa aktar min normal, bħal fil-każ ta' quadruplets, f'assistenza li kienet tingħata fi ħrieqi u mediċini lil dawn l-ommijiet?
Staqsejt lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' (PQ 28929) u qalli biex nirriferi l-mistoqsija lill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali u meta staqsejt lill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali (PQ 29072) din qaltli biex nirreferi l-mistoqsija lill-ministeru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jelenka l-lista ta' xogħol li għad baqa' xi jsir biex l-isptar Mater Dei ikun lest mill-bini, equipment, IT, eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini ta’ Sptar Mater Dei huwa lest.
Fl-aspett ta’ l-IT, aktar kmieni din is-sena l-Gvern ħass li kellu jitwaqqaf il-proċess ta’ aġġudikar tat-tender ta’ l-IT minħabba li l-proċess seta’ ġie preġudikat. Hemm proċeduri tal-Qorti li bħalissa għaddejjin fil-konfront ta’ persuni li allegatament setgħu ippreġudikaw dan il-proċess. Dan huwa l-mod serju li l-Gvern ħass li kellu jimxi bih f’dan il-każ.
Minħabba f’hekk, il-proċess waqa’ lura fiż-żmien sakemm sar ftehim ieħor għall-installazzjoni tas-sistemi ta’ l-IT fi Sptar Mater Dei.
Madankollu, is-sistemi magħrufa bħala Radiology Information System u Picture Archiving and Communication System qegħdin jiġu implimentati bħalissa. Il-Laboratory Information System tibda tiffunzjona ftit wara ż-żewġ sistemi l-oħra.
Fadal jasal xi ftit apparat mediku li ġie ordnat riċentament u li mhux urġenti u lanqas kritiku għall-proċess ta’ trasferiment minn Sptar San Luqa għal Sptar Mater Dei. Hemm ukoll xi testijiet li jridu jsiru fuq il-waste water treatment plants tal-kamra mortwarja.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27071 u jelenka l-lista ta' xogħol li għad baqa' xi jsir biex l-isptar Mater Dei ikun lest mill-bini, equipment, IT, eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27071.
Jista' l-Prim Ministru jirranġa l-anomaliji li jeżistu fis-sens li single parents huma kkonsidrati fl-istess skala bħal persuni li m'humiex miżżewġa għar-rigward tar-rifużjoni tal-VAT fuq xiri ta' l-ewwel residenza sa l-ammont ta' Lm400?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li, fir-rigward ta’ l-iskema ta’ l-Awtorità tad-Djar li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, kemm-il darba single parents ikollhom il-kura u l-kustodja ta’ wliedhom, dawn jiġu kkunsidrati bħala familja u jikkwalifikaw għal rifużjoni sa massimu ta’ Lm3,000 dwar post mibni qabel l-1990 u sa massimu Lm2,500 jekk il-post ikun mibni wara.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x'ċilindrata għandha l-karozza f'kull każ separtament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli A u B għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament u li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk minn Jannar 2007 sal-lum fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu kienx hemm uffiċjali fi skala 1 sa skala 4 jew chairpersons li rriżenjaw jew għalqilhom il-kuntratt u ma reggħux applikaw għall-istess pożizzjoni? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid liema pożizzjonijiet kienu fihom dawn l-uffiċjali u jekk jafx x'kienet r-raġuni li rreżenjaw jew ma applikawx għall-istess pożizzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul iż-żmien imsemmi, fir-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sur David Spiteri Gingell irriżenja minn Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Ir-raġuni tar-riżenja kienet dik li s-Sur Spiteri Gingell ġie appuntat bħala Chief Executive Officer ta’ l-Enemalta.
Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm riżenja waħda, dik ta’ Direttur Ġenerali fl-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu mpjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum li għandhom 'l fuq minn 61 sena? Min huma, x'pożizzjoni għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif tidher fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct orders minn Jannar 2007 sal-lum mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu u f'każ li fl-affermattiv kemm ingħataw, għal liema raġuni, kemm kien l-ammont u min ingħata d-direct order separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu, tal-uffiċjali biss (eskluż l-użu ġenerali) separatament minn Jannar 2007 sal-lum? Jista' jgħid liema uffiċjali huma intitolati għal petrol imħallas mill-Gvern fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif tidher hawn taħt:
Enti
Uffiċjali
Nefqa Totali Jan – Set (Lm)
Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u Dipartiment tat-Turiżmu
Ministru
Segretarju Permanenti
Segretarju Privat
Direttur Servizzi Korporattivi
Direttur Affarjiet tal-UE
Office-Coordinator
Konsulent Oil Polution Response Module
4367.00
Awtorita’ tat-Turiżmu
Chairman
Chief Executive
Director Regulatory
Director Planning
Director Marketing
Director Finance
Director Visit Malta
Director PR & Communications
Head - Industry HR Development
Head - Key Clients
3470.00
Heritage Malta
Chairman
Chief Executive
839.37
Kunsill Malti għall-Kultura
u l-Arti
Direttur Eżekuttiv
Uffiċjal responsabbli – Sezzjoni Luqa
632.00
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi
General Manager
Marketing and Sales Manager
Sales and PR Executives
762.80
Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita’ ta’ San Ġakbu
Chairman
General Manager
Operations Manager
1222.66
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali
Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali
40.00
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onor. interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 26163.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz ta' l-internet provdut fir-residenzi ta' l-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament, uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Jista' jgħid min hu l-ISP f'kull każ separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'kontijiet ta' mobile phones fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Minkejja li t-taqsima tal-consumer complaints unit tal-MFSA hija mifhuma li tagħmel xogħol tajjeb, jista' l-Prim Ministru jara li jkun hemm aktar viġilanza fuq kif ċerti banek kummerċjali li jużaw hard cell tactics meta ibiegħu Wealth Management products speċjalment fejn jidħlu Overseas Funds għaliex spiss niltaqa' ma' nies li ma jkunux konxji ta' riskji u opportunitajiet ta' dak li jkunu deħlin għalih bi flushom stess? Dan minħabba l-kummissjonijiet għolja li huma mifhuma li jaqilgħu uħud minn dawn l-uffiċjali fuq bejgħ ta' prodotti simili. Dan għandu japplika għas-settur tas-servizi finanzjarji kollu kemm hu, mhux biss għal dak bankarju, possibilment billi jkun hemm customer awareness akbar dwar l-implikazzjonijiet tat-teħid ta' dawn id-deċiżjonijeit ta' investiment.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tuża’ l-mezzi tal-media popolari biex tiggwida lill-pubbliku dwar aspetti differenti relatati mal-investimenti u x’prekawzjonijiet għandu jieħu investitur biex, qabel ma jinvesti, jiżen u jifli sew ir-rakkomandazzjonijiet li jsirulu minn operaturi liċenzjati biex jipprovdu das-servizz. Min-naħa l-oħra, l-MFSA tibqa’ dejjem viġilanti għar-rapporti li jidħlulha dwar prattiċi ta’ bejgħ ta’ investimenti u prodotti oħra finanzjarji li ma jirriflettux tajjeb fuq is-settur u li jikkrejaw riskji mhux aċċettabbli għall-konsumatur.
Għad hawn ħafna investituri li ma jqisux sew l-għażliet li jkollhom quddiemhom u ma jieħdux deċiżjoni nfurmata meta jinvestu. Jintebħu bl-għażliet żbaljati tagħhom meta ħafna drabi jkun tard wisq, avolja jkun ingħatalhom dokumentazzjoni li tispjegalhom il-prodott kif jaħdem u x’jista’ jirrendi. Importanti li l-konsumatur jaqra d-dokumentazzjoni li tingħatalu, u ma jaqbadx u jiffirma dokumenti qabel ma jkun fehem sew xi jkun qed jiffirma. L-MFSA se tkompli tuża’ l-media biex tkompli teduka lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji b’tagħrif imparzjali dwar is-servizzi finanzjarji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern mill-VAT s'issa matul din is-sena? Kemm-il persuna ttelgħet l-Qorti għaliex wagħqet lura fil-ħlas tal-VAT? Kemm huwa kkalkulat li kien dan l-ammont li għandu jieħu l-gvern fil-31 ta' Ottubru 2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li daħħal il-Gvern mill-VAT s’issa matul din is-sena kien ta’ Lm149,620,580.
Id-dipartiment tal-VAT itella’ l-Qorti biss nies li ma jibgħatux id-denunzji tat-taxxa, u minnhom, sa Ottubru 2007 kien hemm 3486. Sadanittant, rigward ħlas lura tal-VAT, id-dipartiment jieħu azzjoni legali permezz ta’ ittri ġudizzjarji u jagħmel anke mandat ta’ sekwestru fejn jidhirlu xieraq.
Sal-31 ta’ Ottubru 2007, l-ammont li kellu jieħu l-Gvern bħala arretrati ta’ VAT meta tneħħi l-istimi ta’ taxxa maħruġa meta ma tintbagħatx id-denunzja tal-VAT, kien ta’ Lm3,166,433.
Nixtieq nikjarifika illi l-ammont tad-dħul gross mill-VAT sa l-aħħar t’Ottubru 2007 kien ta’ Lm186,970,765. Pero’, tħallsu Lm37,350,185 bħala rifużjonijiet u għalhekk id-dħul nett kien ta’ Lm149,620,580.
Jista' l-Prim Ministru jgħid s'issa matul din is-sena kemm kien hemm ħwienet, ristoranti eċċ li nqabdu li ma ħarġu irċevuti tal-VAT u f'liema lokalitajiet kienu? X'passi ttieħdu? Kemm kien hemm persuni li twaqqfu huma u ħerġin wara li jkunu xtraw xi prodott u ma kellhomx irċevuta tal-VAT? X'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar 2007 sal-lum kien hemm 588 persuna li nqabdu ma joħorġux irċevuta fiskali, li l-irċevuta ma kenitx kif titlob il-liġi jew li ma żammewx kopja ta’ l-irċevuta. Dawn kienu fil-lokalitajiet kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-passi li ttieħdu matul is-sena 2007 konċernati dawn il-persuni huma l-istess proċeduri li dejjem ittieħdu mill-Kummissarju tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud f’ċirkostanzi simili. Dan ifisser li meta n-nuqqas ikun wieħed li jista’ jiġi kwalifikat taħt artikolu 84(3) ta’ l-Att tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-persuna tiġi nnotifikata sabiex tħallas multa li fl-ewwel istanza tammonta għal mitt lira Maltin. F’dawk il-każijiet li din il-miżura ma tistax tiġi konċessa u / jew ma tiġix imħallsa għal kwalunkwe raġuni, dawk il-persuni jittellgħu l-Qorti fejn ikunu suġġetti għall-multi kontemplati taħt artikolu 77 ta’ l-Att.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ispetturi jew ikunu waqqfu lill-klijent li ma jkollux irċevuta jew ikunu osservaw illi ma nħarġitx irċevuta waqt il-bejgħ. Għalkemm il-klijenti huma obbligati skond partita 12 tat-Tlettax-il Skeda li jżommu l-irċevuta għal erbgħa u għoxrin siegħa, mhix il-prassi tad-Dipartiment li ttieħed xi azzjoni kontra l-klijenti jew dawn ma jkollhomx l-irċevuta.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm kien hemm persuni li nqabdu jaħdmu għalkemm kienu qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Minn liema lokalitajiet kienu? X'kienu x-xogħlijiet li kienu qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il darba kellna żjajjar minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jissorveljaw jekk hux qed jiġu segwiti l-proċeduri tal-Unjoni Ewropea fin-nefqa ta' fondi Ewropej fuq proġetti lokali? X'rapport għamlu tul dawn iż-żjajjar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2007 il-Kummissjoni Ewropea wettqet żewġ żjarat fid-Dipartiment tal-Kuntratti. L-ewwel waħda seħħet f’Ġunju, bejn l-4 u s-6 tax-xahar, minn żewġ awdituri tal-Kummissjoni bl-iskop li teżamina t-twettiq tas-Sistema Estiża ta’ l-Implimentazzjoni Ċentralizzata fl-appalti. Ir-rapport dwar dan l-istħarriġ għadu qed jiġi kkompilat. Fit-tieni żjara tliet awdituri mill-Kummissjoni żaru d-Dipartiment tal-Kuntratti bejn id-19 u t-22 ta’ Novembru sabiex jistħarrġu proċeduri kuntrattwali mill-Programm tal-Fondi ta’ l-Iżvillup Reġjonali Ewropew u dak dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni għall-perijodu tas-snin 2004 sa 2006.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-flus tal-budget 2007 - 2013 ta' l-Unjoni Ewropa liema proġetti ġew sottomessi mill-gvern Malti u ġew approvati diġa' mill-Unjoni Ewropea biex isiru?