Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 48 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, reati relatati ma' droga, serq, stupru, korruzzjoni ta' minorenni, frodi, u attentat ta' omiċidju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa s-sena l-oħra? X'eta' kellhom? X'sess kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 319 persuna li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija bħala nieqsa. L-eta' tagħhom kienet tvarja bejn is-sentejn u l-ħamsa u tmenin sena. Minn dawn 157 kienu tas-sess maskil u 162 kienu tas-sess femminil, filwaqt li 81 kienu barranin.
99% fil-mija ta' dawn irritornaw lura jew instabu mill-Pulizija; ħafna minnhom ikunu telqu mid-dar minħabba inkwiet fil-familja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw probations mill-Qrati s-sena l-oħra u x'kienu r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika hawn taħt imniżżla tinkludi kemm persuni ingħataw Ordni ta’ Probation fis-sena 2006 u x’kienu r-reati.
Ordnijiet ta’ Probation ingħataw 135
L-Ordnijiet ta’ Probation ingħataw dwar dawn ir-reati segwenti:
1 ksur ta’ Ordni ta’ Probation
1 pussess ta’ droga u serq
1 pussess ta’ droga b’intenzjoni ta’ traffikar
1 korruzzjoni ta’ minuri
1 pedophilia
1 ikkaġuna feriti ta’ natura ħafifa
1 serq u reċidiv
2 serq u offiża tat-traffiku
2 heddu lil mara u t-tfal
2 tlajjar bl-intenzjoni ta’ prostituzzjoni
2 żammew persuna kontra l-volonta tagħha
2 ikkaġunaw feriti ta’ natura gravi
2 ħebbew għal persuna
3 serq u ħsara volontarja
3 serq, irċevew oġġetti misruqa u ħsara volontarja
3 frodi u serq
3 ksur ta’ l-ordni pubblika
3 ħruq ta’ propjeta
3 għamlu rapport falz lill-pulizija
4 ħsara volontarja
4 serq u rċevew oġġetti misruqa
5 offiża tat-traffiku
5 ħebbew għal uffiċjal pubbliku
9 frodi
20 pussess ta’ droga
51 serq
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin jgħixu legalment Malta u ta liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 19,723 persuna ta' nazzjonalita' barranija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). Minn dawn, 10,940 huma minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja. Mhux kull min għandu karta' ta' identita', neċessarjament qed igħix f'Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' pedofelija s-sena li għaddiet u x'weħlu f'kull każ? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Il-pedofelija hu reat li jiġri minħabba kondizzjoni ta' attrazzjoni sesswali għal tfal. Matul is-sena 2006, kien hemm 39 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni li jinkludi kemm tfal kif ukoll żgħażagħ taħt 18-il sena. Minn dawn, s'issa, ħdax kellhom il-każ tagħhom deċiż, li minnhom tlieta ġew mogħtija sentenza ta' priġunerija, seba' ġew mogħtija sentenza sospiża, u wieħed kellu l-każ dikjarat proċediment eżawrit. Il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-kumplament għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Karnival 2007? Minn dawn il-parteċipanti, jista' jgħid jekk hux kollha ngħataw post jew maħżen fejn jibnu l-karrijiet tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-postijiet jew imħażen fejn l-imsemmija parteċipanti qed jużaw? Jista' jgħid ukoll minn min qed titħallas il-kera, fejn dan huwa l-każ, u min qed iħallas għad-dawl u l-ilma?
Jista' jgħid jekk kienx hemm ċirkostanzi fejn persuni li xtaqu jipparteċipaw ma ġewx aċċettati għax ma kellhomx fejn jaħdmu jew inkella ġew aċċettati li jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss tal-Karnival minkejja li m'għandhomx post jew maħżen fejn jaħdmu? Hemm xi mħażen jew postijiet li ġew trasferiti taħt il-kunsill Malti għall-kultura u l-arti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W317.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22929 u jgħid kemm tħallsu flus lill-iskejjel tal-Knisja għas-snin 2005 u 2006 separatament? Kemm kienet is-somma vvotata fil-budget għal kull sena u jekk kienx hemm xi varjazzjoni? Jekk fl-affermattiv, ta' kemm kienet f'kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu u kemm kien il-ħlas f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena 2005, l-ammont li tħallas lill-iskejjel tal-Knisja kien ta' Lm11.5 miljuni. L-ammont li tħallas tul is-sena 2006 kien ta' Lm12.75 miljuni.
Is-somma vvutata fil-budget għall-2005 kienet ta' Lm 11.5 miljuni, u s-somma vvutata fil-budget 2006 kienet ta' 11.75 miljuni. Minn dan joħroġ li fil-2006 kien hemm varjazzjoni (zieda) ta' miljun lira. Din iz-zieda kienet ġiet approvata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Informat ukoll li l-ħalasijiet lill-iskejjel tal-Knisja isiru kull xahrejn b'mod proporzjonali għall-ammont ivvutat kull sena, jiġifieri 1/6 kull xahrejn ta' l-ammont approvat kull sena. Kien hemm zmien preċedenti meta l-ħlasijiet kienu jsiru kull xahar, u l-ammont kien ikun ta' 1/12 tas-somma approvata għas-sena finanzjarja partikolari.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22825, jista' l-Ministru jgħid min kienu t-13-il persuna l-oħra li applikaw għall-post ta' CEO tas-Segretarjat tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhix il-prattika li jsiru magħrufa pubblikament ismijiet ta' applikanti li ma jkunux intagħzlu għall-post li għalih ikunu applikaw.
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma daħalx mill-entijiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tweġiba tingħata b'xi Seduta oħra wara li l-ġbir tat-tagħrif ikun komplet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Matul il-perijodu msemmi tħallsu dawn l-ammonti tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċċjali Governattivi kif ġej:
2005 - Uffiċċjali Governattivi f'Malta Lm2,509.34
- Uffiċċjali Governattivi barra minn Malta Lm18,011.29
2006 - Uffiċċjali Governattivi f'Malta Lm1,697.62
- Uffiċċjali Governattivi barra minn Malta Lm16,681.98
Ma narax li hija prudenza li nsemmi l-ismijiet fil-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus li tħallas f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006 kien ta' Lm 2,096.39 u Lm 2,215.34 rispettivament.
Ma narax li jkun prudenti li nsemmu l-ismijiet fil-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ma narax li hija prudenza li nsemmu l-ismijiet fil-Parlament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li n-nefqa f'kontijiet tat-telephones ta' residenzi ta' uffiċċjali governattivi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrasstruttura matul is-snin 2005 u 2006, kienet kif tidher hawn taht:
Sena 2005: Lm 4526.62
2006: Lm 4704.50
Ma narax li hija prudenza li nsemmu l-ismijiet fil-Parlament.
Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali għall-kiri ta’ karozzi u vetturi fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura nkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006, kienet ta’ Lm 48,918.23ċ.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephone fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jiġifieri Department of Elderly and Community Care, Medicines Authority, Mount Carmel Hospital, Division, Zammit Clapp Hospital fis-sena 2006 kienet ta' Lm503,277.76c.
Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali fuq mobile phonesmill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura nkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006, kienet ta’ Lm 9,089.00ċ.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' Karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għall-kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.