Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tagħha, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtha, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal li f'qasir żmien ikun hemm bidla fiċ-chairman tal-kunsill Malti għall-kultura u l-arti? Kif ġiet magħżula din il-persuna u xi kriterji ntużaw? Kemm se jkun il-ħlas li l-persuna magħżula se tieħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti rriżenja għax ħass li, minħabba x-xogħol tiegħu, ma setax jiddedika l-ħin neċessarju għall-qadi ta’ din il-kariga.
Iċ-
Chairman
il-ġdid intgħażel għax għandu l-kriterji neċessarji sabiex imexxi l-Bord tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Ir-rimunerazzjoni taċ-
Chairperson
hija ta’ Lm 6,000 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid u jispjega l-arranġamenti li saru dan l-aħħar dwar it-tagħlim tad-drama fl-iskejjel fejn persuna jew persuni li m'għandhomx il-kwalifiki ta' għalliema qed jitħallew igħallmu dan is-suġġett? Kif intagħżlu dawn il-persuni u kemm hu l-ħlas li qed jingħataw? F'liema skejjel qed isir dan it-tagħlim? Jistax jitqies dan kollu bħala sfiduċja fid-drama unit ta' l-istess diviżjoni ta' l-edukazzjoni? Jista' jgħid ukoll x'sillabu qed jiġi segwit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena skolastika li għaddiet l-HSBC Cares for Children's Fund sponsorja lid-direttur ta' skola tad-drama privata biex imexxi sessjoni darba fil-ġimgħa mat-tfal tal-ħames sena dwar Teaching English through Drama. L-esperiment kien suċċess u l-HSBC Cares for Children's Fund urew ix-xewqa li jkomplu dan l-esperiment ma' l-istess tfal matul din isena skolastika. L-għalliem/a tal-klassi tkun prezenti waqt il-lezzjoni.
Ix-xogħol li qed isir qed jikkumplimenta x-xogħol li jagħmlu l-għalliema tad-drama fl-iskejjel għax qed jgħin lill-istudenti jwessgħu l-għarfien tagħhom tal-lingwa ingliza u jkabbru l-fiduċja fihom infushom ħalli jkunu jistgħu jesprimi ruħhom aħjar.
Informat ukoll li l-iskejjel fejn qed isir dan it-tagħlim huma ta' Bormla u l-Birgu, l-għazla ta' dawn il-persuni saret mill-HSBC u l-iskejjel ma ħallsu xejn. Is-sillabu li qed jiġi segwit hu tal-Ingliz skond il-Kurrikulu Nazzjonali b'enfasi fuq il-kreattivita', l-intonazzjoni tal-lingwa Ingliza, tkabbir tal-vokabolarju u s-self-esteem.
Wara li tajt din l-informazzjoni naħseb li l-Onor. Membru jaqbel li min issuġġerilu r-raba' mistoqsija huwa zbaljat ħafna u ma jixtieqx il-ġid tat-tfal.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-Gvern Malti dwar l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta għal nuqqas ta' osservanza tar-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22351 dwar inċentivi għall-industrija tal-manifattura f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid għaliex is-sussidju qed idum sa sitt snin biex jitħallas? Għaliex il-flus ivvotati għas-sena 2007 lanqas ikopru t-talbiet kollha għas-sena 2004 li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise? Meta huma mistennija jitħallsu t-talbiet li diġa' huma approvati mill-Malta Enterprise u li l-Ministru nkludiet fit-tweġiba tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-inċentivi msemmija jdumu ma jitħallsu minħabba li l-kumpaniji nfushom ma jibgħatux t-talbiet tagħhom lill-Malta Enterprise immedjatament kif tagħlaq is-sena finanzjarja tagħhom kif ukoll li wara li jintbagħtu t-talbiet dawn ikunu iridu jiġu vverifikati li f'ħafna każi jieħu ż-żmien minħabba li jkollha tintalab aktar informazzjoni għall-iskop tal-verifika. Pagamenti imbagħad isiru skond il-fondi allokati .
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22754 dwar it-tender tat-triq mir-Rabat għal San Lawrenz fejn hija rrifjuta li tagħtini l-iskeda tal-kwantitajiet (Schedule of Quantities) tax-xogħlijiet fuq din it-triq għax qalet li din l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali. Taf il-Ministru li din l-informazzjoni hija ta' natura pubblika u ta' interess pubbliku ħafna aktar u akbar milli hija ta' natura kummerċjali? Taf li din l-informazzjoni ssoltu tingħata u ma tinżammx mistura mill-iskrutinju tal-parlament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li talab fil-mistoqsija parlamentari numru 22754 kienet ta' natura kummerċjali u għalhekk ma ngħatatx. B'differenza l-informazzjoni mitluba f'din il-mistoqsija hija ta' natura pubblika u għalhekk qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħidli meta huwa mistenni li jiġu approvati d-dokumenti ta' programmazzjoni għall-perijodu 2007-2013 tal-UE? Meta hu mistenni li jibda l-proċess ta' l-għażla tal-proġetti? Fiex se jkun jikkonsisti l-proċess ta' l-għażla skond il-proċeduri stabbiliti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġibiet ta' mistoqsijiet parlamentari 22318 u 22760 u speċifikament dwar il-proġett ta' titjib tat-Triq San Lawrenz/Rabat, tista' jekk jogħġobha l-Ministru tirrispondini u tagħtini t-tagħrif kollu li jiena tlabtha fil-mistoqsija parlamentari 22318 u li hi baqgħet ma tagħtulix fit-tweġiba tagħha f'mistoqsija parlamentari 22760 u cioe':
*X'inhu x-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dan ix-xogħol ġie nkluż fl-istima oriġinali? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dan ix-xogħol ma ġiex inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dan ix-xogħol relatat ma' din it-triq li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kien stmat oriġinarjament li jiswa dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa issa?
*X'inhuma x-xogħlijiet relatati ma' servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Fit-tweġiba li tatni f'mistoqsija parlamentari 22318, dawn ix-xogħlijiet relatati mas-servizzi ġew inklużi fl-istima oriġinarli? Jekk le, għaliex? Tista' tgħidli għaliex dawn ix-xogħlijiet ma ġewx inkluż fl-ispiża mistennija? X'inhuma l-ispejjeż ta' dawn ix-xogħlijiet relatat mas-servizzi li ma ġewx inklużi fl-ispiża mistennija? Kemm kienu stmati oriġinarjament li jiswew dawn ix-xogħlijiet u kemm hu mistenni li jiswew issa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Malli l-informazzjoni kollha tkun miġbura, din titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22756 dwar il-biċċerija t'Għawdex, tista' l-Ministru tgħidli fid-data tar-risposta x-xogħol kien jonqos isir fuq il-bini ta' estensjoni u mmodernizzar u kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol li għadu jrid isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li x-xogħol li kien jonqos isir fuq il-bini tal-biċċerija jikkonsisti minn tqegħid ta' madum fil-parti diġa mibnija u bini ta' xi kmamar oħra fejn parti mix-xogħol mistenni jsir mill-ħaddiema tal-gvern. Jiena nfurmata ukoll li dan ix-xogħol li jonqos fuq il-bini huwa stmat li ser jiswa Lm24,161.
Junior Lyceum Sta. Tereża — Għalliema ta' l-Istudju Soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-għalliema fl-iskola J.L. Santa Tereża Mrieħel li jgħallmu l-Istudju Soċjali? F'liema sena jgħallmu? Xi kwalifiki għandu kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm erbgħa għalliema kwalifikati jgħallmu l-Istudju Soċjali mill-Form I sa Form V fl-iskola imsemmija. Il-kwalifiki huma B.Ed (Hons) jew B.A. flimkien mal-P.G.C.E.
Jista' l-Ministru jgħid x'servizz qed jingħata mill-berġa tal-Fgura u meta? Kull meta jkun hemm tabib u għalkemm ħin ikun preżenti? Jista' jgħid ukoll kemm ilu magħluq l-uffiċċju tas-Sanita' fl-istess lokalita'? X'inhi r-raġuni li dan jinsab magħluq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tas-Sanita' tal-Fgura ilu magħluq għal madwar sitt snin. Dan ingħalaq flimkien ma' uffiċini oħra tas-Sanita' madwar Malta, meta saret sistema ta' ċentralizzazzjoni sabiex ir-riżorsi jintużaw b'mod aħjar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22059, jista' l-Ministru jgħid mill-ammont li kien committed kemm ġew imħallsa skond kull każ? Jista' jgħid ukoll meta tħallsu? Jista' jgħid ukoll x'xogħol sar f'kull item li hemm imniżżel fil-paper laid għat-tweġiba msemmija aktar qabel?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba diġa mogħtija għal PQ22059.
Jista' il-Ministru jikkonferma li Triq Ġużeppi Ellul, f'Ħal-Luqa kienet se ssir mill-Gvern Ċentrali mingħajr ma l-kunsill lokali joħroġ ċenteżmu spejjeż? Jista' jikkonferma li l-kunsill lokali ta' Ħal-Luqa beda x-xogħol fuq l-istess Triq Ġużeppi Ellul wara li din diġa' kienet ikkonfermata li ssir mill-Gvern Ċentrali? Huwa veru li l-kunsill qiegħed iħallas ix-xogħol fuq din it-triq mill-fondi tiegħu? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħata mill-kunsill lokali ta' Ħal-Luqa biex dan qed jonfoq flus allokati lill-kunsill fuq proġett li kien se jħallas il-gvern?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23376.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-fuels tal-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2006, in-nefqa tal-fuels tal-Ministeru għal Għawdex u tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali għal kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm73,410. Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm117,723 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm3,772.80.
Matul is-sena 2006, tista' il-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għal Għawdex,dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għal Għawdex u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali f’mobile phones fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm Lm29,931.49. Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm16,217 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm9,758.36.