Legislature:
Category:
Reset
Active:

Teachers Council

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaqqaf it-Teachers Council u dan skond il-ftehim li ntlaħaq ma' l-union ta' l-għalliema l-MUT?

Response (GALEA, LOUIS)

It-Teachers Council ser jitwaqqaf bl-Att dwar l-Edukazzjoni kif emendat f'Lulju 2006. Beda l-proċess għall-elezzjoni tal-membri tiegħu.

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-canteen fl-isptar Mater Dei li hu miftuħ għall-pubbliku huwiex permess bejgħ ta' xorb alkoħoliku?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fil-Visitors Restaurant ta' l-Isptar Mater Dei, il-kuntrattur huwa permess li jbiegħ xorb alkoħoliku skond kif tippermetti l-liġi u r-regolamenti tal-liċenzja tiegħu mill-Malta Tourism Authority. Dan il-kuntratt ġie negozjat mill-Ministeru tal-Finanzi.

Trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma (anke wara li jivverfika ma' datatrack) li t-trakkijiet tad-dipartiment bin-numri GVH-024 u GVH-101 intużaw biex nhar is-Sibt 24 ta' Novembru ġarrew materjal tal-kostruzzjoni minn sit f'Tas-Silġ, Marsaxlokk? Jikkonferma li dan is-sit hu proprjeta' privata ta' wieħed mill-assistenti diretturi? Jekk fl-affermattiv, x'miżuri se jittieħdu kontra dan l-abbuż?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa Pubblika kellhu bżonn ta' materjal ta' kostruzzjoni (inert waste) biex jiġi livellata area għal skopijiet ta' parkeġġ ta' l-inġenji fil-precincts tad-Dipartiment li jinsab ġewwa Kordin. Dan ix-xogħol sar is-Sibt 24 ta' Novembru 2007 bl-iskop li x-xogħol regolari tal-Cleansing Department ma jitħarbatx fil-ġranet normali tax-xogħol tal-ġimgħa ta' wara. Ninsab infurmat ukoll li kull materjal extra li ma ntużax għall-iskopijiet imsemmija ntbgħat ġol-landfills tal-Wasteserv. Il-miżata dovuta lis-sid tal-landfill kif ukoll ħlasijiet oħra marbuta mal-ġarr ta' l-istess materjal ġew imħallsa mill-individwu li pprovda l-materjal skond rati stabbilliti. Kopji ta' l-irċevuti tal-ħlas qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li inkarigajt lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tas-Servizzi sabiex jinforma lid-Diretturi tad-Dipartimenti fi ħdan l-istess taqsima sabiex kemm xiri jew akkwist ta' materjal mingħajr ħlas (bħal ħamrija, ġebel tas-sejjieħ, scarifyed material eċċ) għal użu tad-Dipartimenti konċernati għandu jsir skond il-proċeduri stabbiliti u, fil-każ ta' akkwist ta' materjal mingħajr ħlas mingħand terzi persuni, dan isir bi ftehim bil-miktub minn qabel u b'approvazzjoni tad-Diretturi konċernati.

Karozzi tal-kiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri fi ħdan il-ministeru u awtoritajiet li jaqgħtu taħtu? Minn min huma mikrija dawn il-karozzi u x'inhi r-rata tal-ħlas għal kull ġurnata? Kemm ilhom li ngħataw dawn il-kuntratti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informażżjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ilma mal-ħitan tal-mini

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhu jikkawża t-tnixxija ta' l-ilma mill-ħitan tal-mini ta' fejn il-pont Manuel Dimech fi Triq Reġjonali, liema ilma jidher li żdied b'mod sostanzjali matul iż-żmien li qegħdin isiru x-xogħlijiet fuq il-pont?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li din il-problema ha tkun riżolta meta jsir mill-ġdid id-dekorażżjoni tal-mini is-sena d-dieħla. Id-dawl wkoll sa jkun mibdul. Ix-xogħlijiet fuq il-pont Manwel Dimech ma huma bl-ebda mod relatati.

Arbli

Question

Jista' l-Ministru jivverfika meta se jinqalgħu ż-żewġ arbli ta' l-Enemalta li qegħdin fi Triq il-Gandlora c/w Triq Hali, Żebbuġ liema talba għall-qlugħ ta' l-arbli saret f'Awissu 2007 (D 484/07)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-talba oriġinali (taħt l-applikazzjoni D484/07) kienet għat–tneħijja t’arblu wieħed. Ix-xogħol tal-linji fuq dan l-arblu sar ġimgħat ilu. Wara li sar dan ix-xogħol, saret talba verbali biex jitneħħa arblu ieħor. Ix-xogħol fuq it-tieni arblu għandu jitkompla fi żmien qasir.

Eżami ta' l-EO's

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa ta' l-EO's? Fhiex wasal il-proċess u kemm ser jingħataw dan il-grad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm 1097 applikant għall-aħħar sejħa ta’ l-eżami ta’ l-Executive Officer. Il-proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu u l-ħatriet jingħataw skond l-esiġenzi tas-Servizz.

Zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jara li jinżebgħu z-zebra crossings li hemm ħdejn il-posta ta' Bormla, kif ukoll oħrajn li hemm fil-main roads fil-Kottonera li huma responsabbilta' tal-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT ha tkun qed tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tifriska ż-żebgħa f’dawn iż-żebra crossings.

Studenti Post-Sekondarji

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29052 u jgħid x'kien it-total ta' studenti post sekondarji li temmew l-edukazzjoni tagħhom fi żmien is-sena skolastika 2006-2007? X'inhu t-total ta' studenti post sekondarji li ressqu għall-eżamijiet tal-Matsec f'xi waħda jew oħra mis-sezzjonijiet tal-Matsec ta' din is-sena u kemm għaddew studenti f'kull suġġett f'dawn is-sezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti post-sekondarji li resqu għall-eżamijiet tal-MATSEC f'Mejju u Settembru 2007 hu hekk :- F'din it-tabella insibu studenti li resqu għall-eżamijiet għaliex kienu Narrowly Failed, jew kien jonqoshom xi Special Course Requirement, jew kienu studenti fil-kors tal-Banking fl-MCAST. Il-Kandidati Privati setgħu xorta kienu qed jattendu xi skola post-sekondarja. Reġistrazzjoni Skejjel Post Sekondarji Kandidati Privati Total Mejju 2007 Settembru 2007 Mejju 2007 Ċertifikat tal-Matrikola 2377 1167 155 2532 Livell Avvanzat (Single Subject) 150 33 882 1032 Oħrajn 18 2 229 247 Informazzjoni dwar ir-riżultati fil-Livell Avvanzat u fil-Livell Intermedju f'Mejju u f'Settembru 2007 separatament ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawk l-istudenti li ġabu gradi A,B,C,D u E għaddew mill-eżami.

Installazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid fhiex waslet l-applikazzjoni għall-installazzjoni tal-lift fi blokk ta' appartamenti, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li d-depożitu dwaru sar fil-1 ta' Settembru 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata mill-MEPA. Ninsab infurmata wkoll li hekk kif l-Awtorita’ tad-Djar tirċievi l-permess meħtieġ tkun tista’ tibda tipprepara s-sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet.

Xiri ta' Chair Lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji tal-Housing Authority dwar sussidju fuq xiri ta' chair lifts f'residenzi privati fejn hemm każi mediċi ġustifikati? Kemm ilha fis-seħħ din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tibbenefika minn sussidju għax-xiri ta’ chairlift taħt Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar trid tippreżenta evidenza, permezz ta’ ċertifikat mediku, għall-ħtieġa ta’ tali apparat. Kriterji oħra biex jingħata dan is-sussidju huma li l-post fejn ikun ser jiġi stallat iċ-chairlift ma jridx ikun wieħed substandard u l-assi ta’ l-applikant ma jridux jaqbżu Lm10,000, jekk l-applikant ikun is-sid tal-post. Ninsab infurmata wkoll li din l-iskema daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 1999.

Hamrun — Nies bil-kartuna r-roża

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies fil-Hamrun li għandhom 'il fuq minn 65 sena bil-kartuna r-roża? Jista' jgħid ukoll kemm hemm nies fil-Hamrun li għandhom 'il fuq minn 75 sena bil-kartuna r-roża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

OOPS — Operazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 28937 u 29042 jista' l-Ministru jikkonferma jekk ma sarux operazzjonijiet ġo OOP3 fl-iSptar San Luqa madwar xahar ilu minħabba li ma kienx hemm bolts ta' l-istainless steel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul il-ġimgħa ta' bejn il-ħamsa u l-ħdax ta' Novembru 2007 kien hemm total ta' erba' (4) operazzjonijiet ta' Dynamic Hip Screw li ġew posposti għal jumejn fit-Teatri ta' l-Ortopedija minħabba nuqqas temporanju ta' screws.

Pulizija mara

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li pulizija mara li kienet għadha kemm ġiet reklutata u kienet qegħda tattendi l-Akkademja tkeċċiet mill-Korp għaliex ħarġet tqila?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi rekluta mara li kienet qed tattendi t-taħriġ bażiku fil-kors ta' kuntistabbli fl-Akkademja tal-Pulizija, kienet ippreżentat ċertifikat mediku li hija ma' setgħetx tkompli t-taħriġ fiżiku minħabba li kienet ħarġet tqila. Stante li t-taħriġ fiżiku kif ukoll taħriġ ieħor ta' strapazz huwa parti integrali mill-kors ta' taħriġ ta' kuntistabbli, din l-istess rekluta kienet twaqqfet milli tkompli r-reklutaġġ.

Sejħa għall-offerti

Question

B'referenza għat-twegiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 28913, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm offerti ta' anqas minn Lm 10,000 jiġifieri l-ammont massimu stipulat f'dan it-tender skond paragrafu 3.5 f'dan id-dokument?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Le, ma nikkonfermax għax l-ammonti ta' l-offerti, inkluża l-VAT, jaqbeż l-Lm10,000.

Kappara

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkunsidrat is-servizz tat-trasport pubbliku li jaqdi r-residenti tal-Kappara li joqogħdu fl-inħawi ta' Triq l-Isponsun minħabba l-mixja twila li llum qed ikollhom jagħmlu biex jinqdew b'dan is-servizz?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Mistoqsijiet waqt estimi tal-budget

Question

Jista' l-Ministru gentilment iwiegeb dawn il-mistoqsijiet li qajjimt fl-intervent tiegħi dwar l-estimi tal-budget li jirrigwardaw il-Ministeru tiegħu u li baqgħu bla twegiba: - X’inhi r-reazzjoni tal-Gvern għall-fatt li skond il-Eurostat fejn jidħlu żgħażagħ Maltin bejn is-16 u 24 sena għandna fost l-aktar ranking baxx fost il-pajjizi tal-UE kemm fejn jidħol użu tal- Internet fuq medja ta’ mill-inqas darba fil-gimgħa kif wkoll fejn jidħlu żgħażagħ ta’ l-istess eta’ li huma meqjusa li għandhom computer skills għoljin? - Meta mistenni l-Ministru jippublika lista waħda sħiħa u komprensiva ta’dawk it- tenders kollha kbar tal-ICT ta’ miljuni ta’ liri li il-Kap tas-Segretarjat Privat tieghu serva fuq l- adjudication jew evaluation boards tagħhom u f’ċerti każi anki bhala Chairman ta’ uħud minn dawn il- boards ? - Jista' jippublika lista sħiħa tat- targets tal-pjan strategiku tal-informatika 2004-06 li ma ġewx milħuqa sa tmiem il-pjan? - X’wassal il-Gvern biex jagħti il-kuntratt tal-informatika tal-Mater Dei b’ direct order lill-kumpanija li la tipprovdi hardware jew software u li hija semplici outsourcing company li tfittex providers għas-servizzi jew prodotti meħtiega ‘ at a cost ’ bil-Gvern Malti igorr in-nefqa addizzjonali a spejjez tat- tax payers Maltin u Għawdxin? - Kif jispjega il-fatt li wieħed mill- modules fil-Mater Dei li gie msejjah STATE OF THE ART huwa identiku għal wiehed li id-dipartiment tas-Sigurta’ Socjali jridu jwarrbu għaliex iqisuh antikwat? - X’wassal biex tender dwar Schengen li il-MITTS kienet ħarget u ippublikat fuq il- web site tagħha, għeb wara ftit minkejja li it- Technical Adjudication Panel ikkonkluda l- Adjudication Report u għaliex ir- recommended bidder dwar l-istess tender gie irrifjutat mill- isteering committee ? - Fhiex wasal l-IT Leasing Tender u għaliex il-PCs godda fid-dipartiment tal-Gvern ma issemmew fl-ebda mod fid-diskors tal-Budget jew fl-intervent tal-Ministru? - Huwa minnu li meta sar il- financial analysis ta’ dan it- tender tal- leasing instab li ma kienx jinkludi items li jirrigwardaw l- implementation u l- installation tasks ? - Filwaqt li ntenni l-awguri tieghi li Malta giet ikklasifikata it-tieni fl-informatika tal-Gvern minn CAP GEMINI f’isem l-Unjoni Ewropea, huwa minnu li l-Licensing and Testing li rebħu ħafna punti lill-Gvern lanqas kellhom is-sistemi jaħdmu meta saret l-evalwazzjoni, l- application kienet għadha under construction mill-kumpanija ALERT SUPPLIERS? - Kemm kien hemm vehicles irregistrati on line sa qabel ma sar l-istess benchmarking exercise ? - L-istess jghodd għall-evalwazzjoni li saret dwar eVAT. Kemm saru e-VAT transacations sakemm sar din il- benchmarking ? - Kif u fejn intefqu il-Lm20m imwiegħda f’infieq minn Microsoft f’pajjizna billi fl-intervent tiegħu il-Ministru ikkonferma li dawn il-flus mwiegħda intefqu kollha fiz-zmien stipulat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informażżjoni mitluba.