Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f'Għawdex? Kemm ġej jiswa l-proġett u kemm tħallsu l-kuntratturi s'issa? Meta suppost tlesta l-proġett u meta fil-fatt hu maħsub li jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bint koppja Maltija li huma emigranti l-Awstralja u li allura għandha ċ-ċittadinanza Maltija tistax tiġi sena Malta u taħdem hawn Malta biex eventwalment tiddeċiedi jekk tridx tibqa' hawn Malta għal kollox?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi persuna li għandha ċ-Ċittadinanza Maltija u li tirrisjedi barra minn Malta tista' tiġi tgħix u taħdem f'Malta.
Għandha mezz id-diviżjoni tas-saħħa tiċċekkja kemm suppost jinbiegħ il-prodott Corega Ultra 40g li hu gum glue għad-dentaturi minħabba li wasluli ilmenti li dan qed jogħla ta' spiss u f'xahar għola għal Lm1.36c, jiġifieri żieda ta' 6c fix-xahar? Billi dan il-prodott jintuża minn għadd ta' pensjonanti fost oħrajn, hemm xi mod kif jiġi verifikat il-prezz proprja tiegħu u jekk hux vera dan qed jogħla minn barra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
X'passi ħadet il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma rigward il-każ tal-persuna mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat bl-ilma dieħel fid-dar tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jidher li din kienet problema fis-sistema tal-plumbing interna tal-konsumatur.
Fil-fatt, il-konsumaturi msemmija kkonfermaw li l-ilma li kien qed inixxi fid-dar tagħhom waqaf xi ġranet ilu.
Tista' l-Ministru tara li l-anzjana minn Ħaż-Żabbar li tbati bid-dimesia tibbenefika mill-inizjattiva care and repair, minħabba li l-kamra tal-banju tagħha mhix adattata għall-ħtiġijiet tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Ħaż-Żabbar ikollha l-pensjoni tagħha aġġornata u dan minħabba li qed ikollha tnaqqis ta' Lm16 inġustament? X'passi se jittieħdu mid-dipartiment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru huwiex se jipparteċipa fir-Royal Welsh Agricultural Show li se ssir fl-aħħar ġimgħa ta' Lulju 2007 ġewwa l-Builth Wells Powys, f'Wales?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23622.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta kellhiex stedina mill-organizzaturi tar-Royal Welsh Agricultural Show u jekk il-Ministru hux qiegħed jipprepara biex jagħmel xi stand biex jippromwovi l-agrikoltura ta' Malta ġewwa Builth Powys f'Wales?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ma kellu ebda stedina għar-Royal Welsh Agricultural Show.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju qegħdin jiġu ttapjati (rekordjati) telefonati ta' nies u dan speċjalment meta jkunu qegħdin jiddiskutu l-politika avversarja tal-gvern? Jaf li fil-fatt dawn qegħdin iseħħu u jarax li jekk huwa l-każ dan huwa ksur lampanti tad-demokrazija f'pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Interċetazzjoni ta' telefonati jsiru kif stabbilit fl-Att dwar is-Servizz tas-Sigurta', wara li jinħareġ mandat mill-Ministru tal-Ġustizzja u ta' l-Intern jew mill-Prim Ministru. Interċetazzjoni ta' telefonati ma jsirux għall-iskopijiet li semma l-Onor. Interpellant iżda għal dawk elenkati fl-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta'.
Kull min għandu xi ilment dwar l-operat tas-Servizz jista' japplika quddiem il-Kummissarju mwaqqaf bil-liġi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23386, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-Finance Section hux se jiġi trasferit ukoll il-Belt għax dan se joħloq inkonvenjent lill-membri tal-pubbliku li ta' spiss imorru biex iħallsu ċnus, eċċ. f'dan id-dipartiment? Jikkonsidra li l-Finance Section jibqa' Sa Maison fejn hu aktar konvenjenti għall-pubbliku anke għax hu post ħafna aktar faċli biex tipparkja?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' għidt fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23385, ma hemm l-ebda Finance Section fl-Uffiċċju Konġunt. Rigward is-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera, din ser tiċċaqlaq għall-uffiċċji ġodda fil-Belt Valletta mal-kumplament ta' l-Uffiċċju Konġunt. Mhux possibli li din is-sezzjoni tibqa' waħedha f'Sa Maison minħabba raġunijiet ta' loġistika kif ukoll, għax hemm deċiżjoni tal-Kabinett li din is-sezzjoni tiġi amalgamata fis-Sezzjoni tal-Ġbir tal-Kera li diġa' teżisti fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Artijiet. F'din is-sezzjoni diġa' jsiru 'il fuq minn 30,000 pagament ta' kirjiet u ċnus bil-mezzi moderni li daħlet fis-seħħ it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern.
Jista' jitmexxa l-każ ta' ġuvni li applika għall-benefiċċju tal-wens peress li ommu għandha 85 sena, nieqsa mid-dawl u tinsab f'wheelchair u fil-kapaċita' tiegħi nħoss li għandu jibbenefika minn dan il-benefiċċju minħabba s-servizz li jagħti lill-ommu? Jista' dan il-ġuvni jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
X'inhi l-pożizzjoni tal-liġi dwar koppja li tissepara bonarjament u tagħmel kuntratt bonarju iżda jibqgħu joqogħdu fl-istess dar, għax id-dar tkun tagħhom?
Jekk din il-koppja tkun għalqet is-60 sena, xi drittijiet għandha l-mara mic-cheque tal-pensjoni li jirċievi r-raġel? La darba jkun hemm kuntratt bonarju ta' separazzjoni approvat mill-qorti, il-mara tista' tapplika biex nofs ic-cheque jaqa' fuqha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija tirrigwarda l-għoti ta’ Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmata li, fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, il-koppja tista’ tikkwalifika separatament għall-Għajnuna Soċjali kemm il-darba ġġib provi għas-sodisfazzjon tad-Direttur li l-koppja tkun veru qed tgħix separatament u m’għandiex mezzi.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li jekk iż-żewġ partijiet ikunu jikkwalifikaw għall-Pensjoni ta’ l-Eta’ mhux kontributorja, fil-każ indikat, kull parti tirċievi l-pagament separatament. Jekk persuna mill-koppja jkollha dritt għall-pensjoni kontributorja, il-persuna l-oħra trid tagħmel rikors il-Qorti biex id-Direttur jaqsam l-ammont dovut f’porzjonijiet skond kif jiġi ordnat mill-Qorti, sakemm l-ammont tal-porzjonijiet ma jkunx diġa’ ġie ndikat fil-kuntratt tas-separazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' meningite bejn Settembru 2006 u Jannar 2007? Kemm minnhom kienu fatali u x'kienu l-etajiet ta' dawk milquta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' meningite bejn Settembru 2006 u Jannar 2007 li jinkludu l-etajiet ta' dawk milquta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli A u B li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar kemm ħarġu Direct Orders fis-sena 2006 mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi rispettivament.
Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-fuels tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li n-nefqa globali tal-fuels tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura nkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006, kienet ta’ Lm 254,829.01ċ.
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni relatata man-nefqa tal-fuels mill-2002 sa l-2006
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali għas-safar fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm211,294.10 (li minnhom Lm82,925.34 jiġu rifużi mill-Unjoni Ewropea u entitajiet oħrajn). Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm78,290 (li minnhom Lm20,399 ġew rifużi mill-Unjoni Ewropea) filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm12,414.03.
Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni, dipartimenti, dekasteru, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.