Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidju fuq dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' sussidju fuq dawl u ilma ta' persuna li tgħix bil-pensjoni ta' l-invalidita' li qed jitlob li s-sussidju li kien jieħu fuq il-post fejn kien joqgħod jiġi trasferit għall-post ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ambaxxaturi u Konsli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jikkonċernaw in-nomina jew tneħħija ta' persuna fdata bil-kariga ta' ambaxxatur, konslu, eċċ.? L-eta' hija kriterju? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema hi dik l-eta' illi fiha tali persuna jkollha tirtira?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Dawn l-għażliet jibqgħu diskrezzjonali - naturalment wieħed iżomm quddiem għajnejh l-interess ta` Malta u l-idoneita` tal-persuna għall-kariga, partikolarment in vista tal-Miri Strateġiċi tal-politika Barranija ta` Malta.

Siġġiewi — Triq ġdida fi Triq it-Tank - culvert

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 19810, 20708 u mistoqsijiet oħra, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri biex jinbena culvert fi Triq il-Ġdida, fi Triq it-Tank, Siġġiewi? Jista' jagħmel kull mezz biex dan ix-xogħol jinbeda mill-aktar fis possibbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kawża ta' separazzjoni kienet introdotta fl-aħħar sena fil-Qorti f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll xi żviluppi kien hemm fil-Qorti tal-Familja matul l-2005 u l-2006 u x'riżultati nkisbu partikolarment b'riżultat tal-medjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Malta fis-sena li għaddiet kien hemm 998 każijiet ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 329 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 120 li pproċedew f'kawża quddiem il-Prim'Awla. Għar-rigward ta' Għawdex, kien hemm 47 każ ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 13 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 9 każijiet li proċedew f'kawża. Minn dawn il-figuri jidher li hemm tnaqqis kull sena tal-każijiet, kif ukoll li l-proċess tal-medjazzjoni qiegħed jitħaddem sewwa.

Tipjip f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar it-tipjip f'postijiet miftuħin għall-pubbliku u kemm, minn dakinhar 'il hawn, inqabdu nies ipejpu f'postijiet pubbliċi, kemm minnhom tressqu l-qorti, kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2006, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 1,020 persuna.

Riabilitazzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta bdiet tingħata l-għajnuna għar-riabilitazzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ? Kemm kien hemm bdiewa, individwi jew għaqdiet li bbenefikaw minn din l-għajnuna? Kemm kienet tammonta din l-għajnuna kull sena? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Leg 10 PQ #23582 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Maltin jaħdmu f'istituzzjonijiet tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hawn Maltin jaħdmu lllum f'kull waħda mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u kemm hu kkalkulat li kien hemm qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent, skond informazzjoni miġbura mir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta lill-Unjoni Ewropea, in-numru ta' Maltin li qed jaħdmu f'istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea huwa kif ġej: Kummissjoni Ewropea 92 Parlament Ewropew 58 Kunsill Ewropew 43 Bank ta' l-Investiment Ewropew 01 Bank Ċentrali Ewropew 05 Qorti ta' l-Awdituri Ewropew 06 Qorti tal-Ġustizzja Ewropea 32 Kumitat tar-Reġjuni u Kumitat Ekonomiku u Soċjali 03 _____ 240 Rigward it-tieni parti, ma hux possibbli li tingħata l-informazzjoni peress li mhix disponibbli. Qabel ma dħalna membri persuni ta' ċittadinanza Maltija ma kienux eleġibbli.

Leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlet fis-seħħ il-leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u kemm, minn dakinhar 'il hawn, tressqu persuni l-qorti? Kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi? X'kien l-ammont ta' flus li dwaru ħarġu l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Att ta' l-1994 dwar Money Laundering (Att Nru. XIX ta' l-1994) bdew iseħħu fit-23 ta' Settembru, 1994 (Avviż Legali Nru. 120 ta' l-1994). Infurmat illi sa l-aħħar tas-sena l-oħra kien hemm għoxrin persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering li tinvolvi s-somma ta' ftit aktar Lm2,400,000 liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

ADT — Managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju mill-fatt li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-awtorita' dwar it-trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali? Jista' jara li dawn l-indifferenzi jiġu eliminati ħalli l-affarijiet ikunu jidhru li qed isiru b'aktar ġustizzja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-Awtorita' dwar it-Trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru. Ma teżisti ebda differenza fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali. L-Awtorita' dwar it-Trasport sejra tniedi job evaluation exercise u fuq dak li jirriżulta minn dan l-eżerċizzju sejra tibda proċess sabiex kemm jista' jkun jiġu eliminati d-differenzi li jeżistu.

Ħal Qormi — Triq l-Armal

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-bini ta' Triq l-Armal f'Ħal Qormi peress li kienet waħda minn dawk it-toroq li suppost kellhom jitlestew fis-snin li għaddew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 23378 f'seduta numru 487.

Policy & design guidance 2005

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jidħlu fis-seħħ l-emendi għal policy and design guidance 2005 sabiex jiġu kkoreġuti l-anomaliji li nħolqu permezz tal-ħruġ tal-pjani lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsultazzjonijiet mal-Kamra tal-Periti ntemmu, wara li kienet l-istess Kamra tal-Periti li talbet estensjoni ta’ żmien. Issa trid issir l-evalwazzjoni tar-risposti kollha u jingħaqad id-dokument finali.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol fuq it-toroq: il-Ġiżi, il-Veduta, Esprit Barthet, Markiż Scicluna u Manuel Agius fil-lokalita' tal-Madliena, Ibraġġ u Swieqi għaddej u meta dawn se jitlestew? Jista' jgħidilna kemm se tkun l-ispiża ta' kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol fuq it-toroq: il-Ġiżi, il-Veduta, Esprit Barthet, Markiż Scicluna u Manuel Agius fil-lokalita' tal-Madliena, Ibraġġ u Swieqi għaddej u meta dawn se jitlestew? Jista' jgħidilna kemm se tkun l-ispiża ta' kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Care and repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-Bormliż anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-inizjattiva care and repair għal tibjid u ħteġijiet oħra fil-fond li fih jabita?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair. Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.

Każ dwar housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' xebba Bormliża li ngħatat post temporanju fil-Belt u tħoss li qed tiġi njorata għat-talba tagħha biex tirritorna f'xi fond fil-Kottonera? X'passi qed jieħdu l-awtoritajiet tal-housing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21443 f’Seduta 449, dwar l-istess persuna fejn infurmajtu li din il-persuna kienet ġiet offruta post f’Bormla f’Ottubru 2006, liema post hi rrifjutat.

Każ dwar housing

Question

Tista' l-Ministru tara li persuna Bormliża li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha kanċer, u għamlet talba quddiem l-Awtoritajiet tal-Housing tiġi milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Tarzna — Fairmount ships

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 23461 u jgħid: (1) min għamel il-kuntratt għan-naħa tat-tarzna fuq il-fairmount ships? (1a) Jista' jgħid min għamel dan il-kuntratt għadux it-tarzna? (1b) Jista' jgħid kemm hu l-estimated profit fuq dan il-proġett tal-fairmount ships?

Response (GATT, AUSTIN)

1. Ninsab infurmat li minn naħa tat-Tarzna iċ-Chief Executive Officer iffirma l-kuntratt tal-Fairmount Ships. 1a. Iva din l-istess persuna għadha mpjegata t-Tarzna. 1b. L-informazzjoni hi ta' natura kummerċjali u ma naħsibx li nkun qed nagħmel ġid lit-Tarzna jekk nagħti l-informazzjoni mitluba.

Birkirkara — Triq Giuseppe Xuereb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Giuseppe Xuereb, Birkirkara hijiex imdaħħla fil-lista tat-toroq li għandhom isiru bit-tarmac?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Santa Venera — Scouts group

Question

Billi l-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera baqagħlu biss ħames snin biex jagħlaqlu l-kuntratt mad-dipartiment ta' l-artijiet, jista' jiġġedded għall-perjodu ħafna itwal minn 16-il sena?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-grupp ta' l-Iscouts ta' Santa Venera qiegħda tiġi kkunsidrata.