Legislature:
Category:
Reset
Active:

Portal turistiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex id-dipartiment tal-kuntratti ta l-permessi meħtieġa biex il-portal turistiku li ġie jiswa Lm30,000 ngħata l-permess li biex isir, jitħaddmu proċeduri li huma 'l barra mit-tendering process pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Numru 23502 f’din l-istess seduta billi jirriżulta li, f’dan il-każ, fit-termini u kif ukoll hu permess bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Kuntratti Pubbliċi (AL Nru 177 ta’ 2005), ma kienx involut id-Dipartiment tal-Kuntratti.

Xogħol ta' sprayer

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-garaxx li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistax jagħmel xogħol ta' sprayer fil-pubbliku kif kien qed jagħmel illum 29 ta' Jannar, 2007 f'ħinijiet differenti tad-9.15 a.m. u t-3.30 p.m.? X'passi ttieħdu kontra din l-illegalita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fuq il-garaxx imsemmi mill-Onorevoli Interpellant hemm liċenzja ta' welding, mekkanik u żebgħa bl-ispray. Għalhekk ix-xogħol irid isir ġewwa. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija indagat dwar l-allegat xogħol ta' spray li kien qed isir fil-pubbliku nhar id-29 ta' Jannar 2007, pero' is-sid kategorikament ċaħad li huwa għamel hekk, la dakinhar u lanqas qatt qabel. Għaldaqstant fin-nuqqas ta' provi għall-kuntrarju, il-Pulizija ma tistax tipproċedi aktar.
Leg 10 PQ #23505 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħija għall-mistoqsija parlamentari 23105, jista' jiġi vverifikat it-tagħrif mogħti peress li fl-istess perjodu għalqu mill-inqas 3 lukandi oħra li ma jissemmewx fil-lista mogħtija? Jista' jgħid liema huma dawn it-tliet lukandi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-lista mgħotija fit-tweġiba għall-mistoqsija Nru 23105 ma tinkludix lukandi li huma magħluqin temporanjament, kemm dawk magħluqin għax-xitwa, kif ukoll dawk magħluqin għall-ristrutturar.

Xogħol ta' spraying — Tinġis fl-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-permessi meħtieġa biex garaxx li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jagħmel xogħol ta' spray u jniġġes l-inħawi u l-arja tal-ġirien? Jista' anke xogħol ta' spray isir barra kif jindika r-ritratt li qed jintbagħat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet irċeviet rapport fuq bdil ta’ użu fil-fond numru 3, Triq il-Kubrit, Gżira, f'Awissu 2005. Wara investigazzjoni mill-ispettur ikkoċernat kien irriżulta li l-fond in kwestjoni ilu lliċenzjat mis-snin 80 u allura qabel ma daħlet fis-seħħ il- liġi dwar l-Ippjanar ta' 1992. Wara aktar stħarriġ mal-pulizija, kien ikkonfermat li din il-liċenzja kienet titħallas sa mill-1984. Kopja tagħha kienet ġiet ippreżentata lill-uffiċjal tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għaldaqstant, min-naħa tas-sezzjoni ta' l-Infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma tista’ tittieħed ebda azzjoni ulterjuri dwar l-użu ta’ dan il-fond.
Leg 10 PQ #23507 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Portal turistiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-proċess dettaljat tat-tendering għall-portal turistiku, tal-kumpannija li ttenderjaw u ta' kif saret l-għażla u fuq liema kriterji ġie magħżul il-kuntrattur li bena l-portal?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara diskussjonijiet li saru bejn l-MTAC, MFIN u l-MIIT, fl-1 ta’ Awissu 2006, l-Awtorita’ tat-Turiżmu stiednet lil tnax-il kumpanija lokali sabiex jitfgħu l-proposti tagħhom għall-iżvillup ta’ l-E-Portal. Ħames kumpaniji minnhom issottomettew proposta fiż-żmien mogħti lilhom. Il-kumpaniji kienu: 6pm Limited Alert Communications Limited Choosemalta.com HB-ex.com HWS Web Systems/Altanova L-għażla aħħarija saret minn Bord appuntat għal ta’ l-apposta, li kien jinkludi ufficjali mill-MTA, l-MTAC u l-MIIT. Kull kumpanija li sottomettiet proposata ingħatat punti skond kif ġew klassifikati l-kumpaniji, skond 10 kriterji dettaljati, li ġew żviluppati speċifikament biex jirriflettu l-eżigenzi tal- Portal. Imbagħad, ġew imnegħdija laqgħat mat-tliet kumpaniji l-ogħla klassifikati. Il-kuntrattur magħzul, u li bena l- Portal , kien dak li ġab l-akbar numru ta’ punti fit-tieni stadju tal-proċess tal-għazla.

Tarxien — Rotta tal-Karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jara li r-rotta tal-karozza tal-linja terġa' tkompli tgħaddi minn Triq id-Dejma u Triq Santa Marija, f'Hal Tarxien, kif kien isir sa ftit ilu, peress li hemm diversi anzjani (u le) li qed ikollhom mixja twila għall-eqreb stage?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li dan it-tibdil sar peress li minn Triq Santa Marija mhux permess jgħaddu xarabanks (vetturi tqal) u d-distanza li qed jirreferi għalija l-Onorevoli Interpellant hija waħda raġonevoli.

Servizz tal-ħelikopter

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21517 dwar is-servizz tal-ħelikopter f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jiġri a rigward ta' dan is-servizz peress li ormai ilna bla servizz tal-ħelikopter għal diversi xhur?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parlamentari nru.22700.

Pulizija Għawdxin

Question

Peress li qed isiru lamenteli minn membri tal-korp tal-pulizija Għawdxin li jsuqu lill-priġunieri mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għal Għawdex u lura, għaliex l-ispejjeż tat-traġitt tagħhom u tal-vann qed joħorġuhom il-pulizija minn buthom u mhux qed jiġu rifużi lilhom? Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi filwaqt li kien hemm xi dewmien biex isir il-ħlas għall-ispejjeż li saru matul Diċembru, dan il-ħlas dovut issa sar kollu u ma fadalx pendenzi.

Pulizija Għawdxin — Ħlasijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħlasijiet dovuti lill-pulizija Għawdxin tal-ħdud li għad hemm pendenti jitħallsu, peress li dawn ilhom dovuti diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħlas tal-Ħdud lill-Pulizija normalment isir mat-tieni paga li taħbat wara x-xahar li fih ikunu nħaddmu l-Ħdud. Dan huwa meħtieġ sabiex issir il-proċedura ta' kif isir il-ħlas. Fil-każ tad-Distrett t'Għawdex ninsab infurmat illi l-ħlas dovut għall-Ħdud maħduma sa Settembru kien sar, pero' r-returns għax-xahar ta' Ottubru ma waslux fil-ħin sabiex jidħlu fil-paga ta' Diċembru u għalhekk ġew inklużi fil-paga ta' Jannar 2007, flimkien mal-Ħdud maħduma matul Novembru, biex b'hekk ma fadal l-ebda ħlasijiet b'lura aktar minn dak li hu normali.
Leg 10 PQ #23525 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Decompression chamber

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm staff allokat biex titħaddem id-decompression chamber, x'tip ta' taħriġ ingħataw u minn min kif ukoll kemm-il darba ġiet imħaddma u x'tip ta' każijiet qed jiġu trattati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Bħala staff allokat biex titħaddem id-Decompression Chamber hemm tobba, nurses u technicians li ngħataw taħriġ kemm minn kumpanija li ħadet tender għal dan it-taħriġ kif ukoll mill-istess kumpanija li ssuplexxiet id-Decompression Chamber. Bħalissa qed isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex fil-ġejjieni qarib il-ħaddiema magħżula jibdew jagħmlu simulation exercises biex b’hekk ikollhom aktar taħriġ hands on.

Qorti ta' Għawdex — Proċessi ta' l-appelli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-proċessi ta' l-appelli deċiżi ta' kawżi Għawdxin jiġu rimessi fl-arkivju tal-Qorti f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċessi ta' l-appelli deċiżi ta' kawżi Għawdxin għandhom ikunu għand ir-Reġistratur tal-Qrati Maltin li għandhom ir-responsabbilita' taż-żamma ta' kull proċess ta' kawżi deċiżi fil-qrati ta' Malta. b'danakollu is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Membru qiegħed jiġi kkunsidrat sabiex possibilment ikun hemm kopja tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-konsulenti legali f'Għawdex fejn dawn jintalbu.

Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati s-segretarju parlamentari responsabbli mill-anzjani? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat peress li fil-Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariatma tingħatax din ir-risposta kompluta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23012.

Pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tara x'pensjoni se tieħu l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' l-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandha ebda talba pendenti għall-pensjoni mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment informa lil din il-persuna bil-miktub dwar il-każ.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija separata li ma tieħux manteniment, m'għandhiex flus il-bank jew xi dħul ieħor u qiegħda tirreġistra, tibda tibbenefika minn xi tip ta' benefiċċju soċjali? Tista' din il-persuna tiġi nformata direttament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sptar San Luqa — Persuni li ddaħlu b'overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni b'overdose bejn l-24 ta' Diċembru 2006 u t-2 ta' Jannar 2007? Jista' jaqsamhom skond il-ġurnata u l-eta' li kellhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba li n-numri għal kull jum huma żgħar qed nagħti informazzjoni globali. Fil-jiem indikati kien hemm 6 każi ta' overdose fejn 3 kienu rġiel u 3 kienu nisa.

Tobba ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu fl-isptarijiet tagħna? X'inhi l-funzjoni tagħhom, f'liema sptar jaħdmu u kemm hu s-salarju tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba dwar it-tobba barranin li jaħdmu fl-isptarijiet fid-Diviżjoni tas-Saħħa hija kif ġej: Grad Funzjoni Nru. Salarju Consultant Neurosurgeon 1 Lm10,811 (Skala ta' Salarju Nru.4) Consultant Cardiac Surgeon 1 Lm10,811 (Skala ta' Salarju Nru.4) Consultant Haematologist 1 Lm10,811 (Skala ta' Salarju Nru.4) Consultant Histopathologist 2 Lm10,811 (Skala ta' Salarju Nru.4) Senior Registrar (Anaesthesia) 25 (5 b'salarju ta' Lm8,460 fis-sena, u 20 b'salarju ta' Lm7,910) Senior Registrar (Orthopaedics) 5 (2 b'salarju ta' Lm8,460 fis-sena, u 3 b'salarju ta' Lm7,910) Senior Registrar (Obst. & Gynae.) 1 Lm7,910 Senior Registrar (Medical Imaging) 8 Lm7,910 Senior Registrar (Surgery) 3 Lm7,910 Senior Registrar (Paediatric Surgery) 1 Lm7,910 Senior Registrar (ENT) 1 Lm7,910 Medical Officer (Radiotherapy) 1 Lm6,526 (Skala ta' Salarju Nru. 8) Senior House Officer (A & E Dept.) 1 Lm6,526 (Skala ta' Salarju Nru. 8) Houseman 2 LM6,135 (Skala ta' Salarju Nru. 9) TOTAL 53 St Luke's Hospital - 47 Paul Boffa Hospital - 1 Gozo General Hospital - 5