Fejn se jiġi proċessat il-gass li se jittella' mill-Magħtab?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-gassijiet li bħalissa qed jiġu ġġenerati mill-miżbla tal-Magħtab ser jiġu miġbura permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet imħaffra fl-art. Dawn il-pajpijiet ser ikunu imqabbdin ma` sistema ċentralizzata tal-ġbir tal-gassijiet minn fejn jgħaddu għall-impjant installat fuq il-miżbla tal-Magħtab stess li jitratta dawn il-gassijiet.
Għal xiex se tintuża l-mina li tħaffret minn Wied iż-Żiju l/o Sant'Antnin sal-power station ta' Delimara? Meta beda x-xogħol ta' tħaffir tal-mina li mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin Wied il-Għajn twassal għal power station ta' Delimara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-sussidju ma' l-awtorita' tad-djar u wara li l-awtorita' aċċettat xi flus, qalulha li hi mhijiex intitolata għax xtrat dar oħra? Tista' din il-persuna tiġi nformata direttament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Waħda mill-kundizzjonijiet biex tibbenefika taħt Skema Z (Sussidju fuq Xogħlijiet ta’ Rranġar u Titjib f’Residenzi Privati Okkupati minn Sidien) hi li l-applikant ma jkollux fil-pussess tiegħu proprjeta’ mmobbli oħra fit-tlett snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni.
Ninsab infurmata li n-notifika ta’ l-Awtorita’ tad-Djar lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant kienet tindika ċar li l-għoti tas-sussidju li minnu setgħet tibbenefika kien indikattiv u mingħajr preġudizzju peress li kien suġġett għall-ipproċessar u l-approvazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li l-flus li tħallsu min din il-persuna kienu dwar l-applikazzjoni u spejjeż tar-riċerki meħtieġa. Minn dawn ir-riċerki rriżulta li l-applikanti kellha proprjeta’ mmobiljari oħra fit-tlett snin qabel id-data ta’ l-applikazzjoni u għalhekk l-applikazzjoni ġiet miċħuda.
Il-persuna konċernata ġiet infurmata b’dan permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Jannar 2006.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet pendenti mal-MEPA skond it-tagħrif mogħti għall-mistoqsija parlamentari 18274 ġew proċessati, approvati u/jew miċħuda? Jista' f'kull każ jgħid ir-raġuni għala l-MEPA ħadet tali deċizjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li mil-lista li poġġejt fuq il-mejda tal-kamra għal Mistoqsija Parlamentari Nru 18274 ġew deċiżi żewġ applikazzjonijiet. Dawn kienu approvati għax kienu konformi mal-policies u l-guidelines u mal-pjan lokali taż-żona. Applikazzjoni oħra kienet irtirata mill-applikant.
Jista' l-Viċi Ministru jgħid kemm hemm kawżi civili u sentenzi pendenti mill-Qorti tal-Appell, li ilhom għal deċizjoni minn dik l-Qorti għall-aktar minn ħames snin?
Jista' wkoll jgħid x'passi ħadet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tali kawzi jiġu deċiżi mingħajr aktar dewmien u b'hekk tiġi evitata l-probabbilta' li tali kawzi jiġu riferiti għad-deċizjonijiet fil-Qorti Ewropea għal drittijiet fundamentali tal-bniedem bi ksur tal-konvenzjoni dwar nuqqas ta' smiegħ xieraq u smiegħ fi zmien raġonevoli?
Response (BORG, TONIO)
Il-kawżi ċivili pendenti quddiem il-Qorti ta' l-Appell huma s-segwenti:- 865 quddiem l-Appelli Superjuri u 284 quddiem l-Inferjuri.
Ninsab infurmat ukoll li ma hemm ebda kawża fl-Appell li ilha iktar minn ħames snin għas-sentenza.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk Triq Dobbie f'Paceville għadhiex imnizzla bħala triq residenzjali fil-pjan lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mappa PV1 tal-Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana turi li Triq Dobbie hija indikata għal użu residenzjali skond il-policy NHHO01. Skond il-policy NHPV14, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tista’ tikkunsidra wkoll użu li jikkumplimenta l-attivitajiet fil-viċinanzi basta dan ikun ta' skala żgħira, ta' impatt ristrett u limitat għall-pjan terran biss. Dan jiġi assigurat billi l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) timponi kundizzjonijiet stretti biex tilħaq dawn l-għanijiet. Użu li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-residenzi tal-madwar ma jkunx ikkunsidrat b'mod favorevoli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Il-katuniera ta' Triq Dobbie ma’ Triq Paceville taqa’ fiż-żona indikata għal żvilupp ta' lukandi skond policy NHPV04.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li din l-informazzjoni hija diġà aċċessibbli pubblikament.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx data stabilita għall-bidu ta' xogħol fuq skola ġdida f'Pembroke, kemm hija l-istima ta' dawn ix-xogħlijiet u jekk hemmx data proviżorja ta' ftuħ ta' tali skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qegħda tiġi proċessata t-tender mill-kumitat tal-kuntratti biex tiġi pubblikata. Meta din tiġi pubblikata tkun tista tingħata tweġiba eżatta ta' meta se jibda x-xogħol. Marbut magħha hemm ukoll il-permess tal-MEPA.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 23010, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-proċess wasalx biex jiġi konkluż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 22927. Nixtieq inżid li l-proċess issa qiegħed jiġ magħuq. Fadal biss numru ta' konfermi mill-aġenziji li jipprovdu s-servizzi infrastrutturali u dettalji dwar kemm ikunu u kif isiru l-ħlasijiet għas-servizzi ta' infrastruttura. Jekk ma jinqalgħux kumplikazzjonijiet, nittama li sa l-aħħar ta' Frar is-sistema tkun f'postha biex jibdew jiġu determinati l-parametri ta’ l-ippjanar. Dawn iservu ta’ bażi biex ikunu jistgħu jiġu pproċessati applikazzjonijiet fuq l-artijiet li ġew approvati għall-inklużjoni fiż-żoni ta' l-iżvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kors tal-Masters in Marine Studies għall-istudenti li jkunu temmew il-kors ta' kaptani jibdiex isir hawn Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx fl-uffiċċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Dar Malta fi Brussell? Jista' jgħid preċiżament kemm se jiġi jiswa dan l-embellishment u min ħa t-tenders għal tali proġetti? Jista' jgħid meta u kemm se ddaħħal il-Kaxxa ta' Malta mill-kirjiet imsemmija mill-gvern mill-istess proprjeta' fi Brussell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Dar Malta fi Brussel wasal fl-istadju finali. Ix-xogħolijiet fuq ġewwa qegħdin fl-istadju finali wkoll.
Tender għas-servizzi ta’ support fuq il-proġett ġie maħruġ minn Martin Xuereb & Associates.
L-ispiża kollha tax-xogħolijiet ta’ tisbiħ huma fl-istess linja tar-rispons tal-passat, b’eċċezzjoni għall-indiċi ta’ l-inflazzjoni, li issa qed tiġi applikata skond il-kuntratt tal-kuntrattur Belġjan.
Il-kuntratti tal-kiri għadhom ma ġewx negozjati u figuri tad-dħul għadhom m’humiex disponibbli għalissa.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Servizzi tat-telephones
Question
Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-nefqa għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni u dipartimenti, dekasteri li jaqgħu taħtu huwa kif ġej:
Incurred by
Amount (LM)
Ministry
28,583
DCS
3,694
Revenue Unit
4,676
Consumer & Competition
17,591
Commerce Division
18,951
Civil Aviation Department
8,209
Malta Maritime Authority
56,979
Malta Communications Authority
6,845
Malta Standards Authority
5,193
Total
150,721
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-fuels tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn studenti l-universita' llum? Kemm huma Maltin? Minn fejn huma l-oħrajn u x'inhu l-kors akkademiku li qed jattendu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li jattendu l-Universita' huwa ta' 9,522 u fosthom hemm 8,922 Maltin.
Informazzjoni dwar in-nazzjonalita' u l-kors li qed jattendu ta' l-istudenti barranin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.