Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpanniji joperaw fir-Ricasoli? Issa li l-post se jintuża għal skop ieħor, fejn intbagħtet kull kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ġo Ricasoli kien hemm 18-il Kumpanija.
Minn dawn, 11 ġew rilokati għal Bulebel
3 ġew rilokati għal Marsa
1 ġiet rilokata għal Ħal Far
1 ġiet rilokata għal Kordin.
Żewġ Kumpaniji oħra ma kienx hemm il-ħtieġa li jkunu rilokati.
Jikkonferma l-Ministru li student fil-Form 5 ta' skola tal-Knisja li isimha qed jingħata separatament, tkeċċa mill-iskola din il-ġimgħa minħabba każ ta' bullying li nġibed ukoll fuq il-video tal-mobile ta' l-istess tifel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda student ma ngħatalu 'expulsion' mill-iskola msemmija. Din il-problema għadha qiegħda tiġi kkunsidrata u nvestigata. Ser isir laqgħa mal-ġenituri ta' l-istudenti konċernati.
Informat ukoll li dan ma kienx każ ta' 'bullying' u l-video ma ttiħidx la min mobile phone u lanqas mill-istudent innifsu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna matul is-sena 2006 lil għaqdiet sportivi biex jagħmlu testijiet kontra d-doping? Liema kienu dawn l-għaqdiet? X'għajnuna ngħatat u kemm swiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx fl-uffiċċju, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-rank ta' spettur fil-Korp tal-Pulizija? Meta hemm il-ħsieb li jsir l-eżami biex dawn jimtlew? Jista' jgħid kemm spiċċaw spetturi mill-korp matul is-sena li għaddiet u x'kienet ir-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-futur ser tkun ippublikata sejħa għall-applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra ma kienx hemm Spetturi li spiċċaw mill-Korp.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fil-preżent? Kemm minnhom qed iservu sentenza? Kemm minn dawn huma taħt-il 25 sena? Kemm minn dawk issentenzjati qegħdin fit-taqsima taż-żgħażagħ tal-ħabs? Dawn ta' l-aħħar jista' jgħid x'xogħol jingħataw jagħmlu? Għandhom faċilita' li jistudjaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fl-4 ta' Frar 2007 kienet ta' tlett mija u tnejn u tmenin (382), li minnhom, mitejn u ħamsa u sebgħin (275), qed jiskontaw sentenza.
In-numru ta' dawk taħt il-25 sena hu ta' tnejn u għoxrin (22), li minnhom, sittax (16) qed jiskontaw sentenza u sitta (6) qegħdin taħt arrest preventiv.
Dawk li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena irrispettivament humiex sentenzjati jew arrestati jinżammu fit-taqsima taż-żagħżagħ.
Fis-sezzjoni taż-żgħażagħ il-priġunieri jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni fil-bini tal-blokka tagħhom kemm internament u ukoll fuq barra. Jieħdu ukoll ħsieb l-indafa tas-sezzjoni kollha. Kultant jingħataw ukoll xi xogħol li jinġieb mill-fabbrika tal-Playmobile.
F'din is-sezzjoni jingħata tagħlim fil-malti, ingliż, computer u artiġjanat. Isiru ukoll laqgħqat bejn il-priġunieri fejn jiġu mgħallma lifeskills.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23435, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-espert tal-qorti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Kemm jitħallas dan l-espert fis-siegħa?
Response (BORG, TONIO)
Kif għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23435, huwa l-Maġistrat Inkwerenti jew il-Qorti li tagħżel persuna biex isservi bħala 'espert tal-Qorti'. Huwa l-istess Maġistrat li jkun sodisfatt mill-kwalifiki u esperjenza tal-persuni magħżula biex tippresta s-servizzi tagħha ta' espert fil-materja li l-Maġistrat Inkwerenti jew il-Qorti jkollha bżonn.
L-espert li d-dettalji dwaru ngħataw separatament ma jitħallasx fis-siegħa. Bħal kull espert ieħor ir-Reġistratur jiddiskuti miegħu s-servizzi li huwa jkun ppresta, jittieħdu ċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-ħatra, eg meta, fejn, il-ħin, kemm dam l-inkarigu u l-urġenza tax-xogħol, u wara ssir it-tassazzjoni 'arbitro boni viri'.
Stabbilimenti ta' l-ikel — Ħruġ ta' imwejjed barra
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'policy u/jew proċedura teżisti biex operatur jew sid ta' stabbiliment ta' l-ikel u x-xorb ikun jista' joħroġ imwejjed barra fuq bankina jew fi triq? Min hu responsabbli għall-ħruġ tal-permessi u lil min jitħallsu d-drittijiet? Hu minnu li qed issir distinzjoni bejn bankini li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dipartiment ta' l-art u dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-awtorita' dwar it-trasport?
Response (BORG, TONIO)
Il-proċedura sabiex jingħata permess sabiex jitpoġġew imwejjed u siġġijiet fuq bankina jew fi triq hija li wieħed jissottometti applikazzjoni għand l-Awtorita' tat-Turiżmu fuq formola apposta li kienet ġiet ippreparata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Din il-formola tista' tinġieb mingħand l-istess Awtorita' jew inkella minn fuq il-
website
tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern f'http:
www.gpd.gov.mt
taħt is-sezzjoni '
services
'. L-istess formola tagħti spjegazzjoni dwar liema dokumenti huma meħtieġa li jiġu sottomessi kif ukoll dwar il-proċedura meħtieġa. Dettalji oħra jinstabu wkoll fil-
website
tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Ta' min wieħed iżid li wara li l-Awtorita' tat-Turiżmu tagħmel il-kunsiderazzjonijiet meħtieġa mill-lat ta' regolatur tal-liċenzji ta' l-operaturi, din tirreferi l-każ lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li tikkunsidra l-applikazzjoni mill-lat ta' sid il-proprjeta'. Dan għaliex ġeneralment il-bankina tkun proprjeta' tal-Gvern. Il-permess għall-okkupazzjoni ta' bankini li jkunu proprjeta' tal-Gvern jingħataw mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u l-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandha x'taqsam xejn ma' dawn il-permessi. Il-ħlas dovut isir lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Minn naħa l-oħra it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha x'taqsam xejn ma' bankini li ma jkunux tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsiru xi culverts jew sistema għad-drenaġġ ta' l-ilma tax-xita ġo Triq E.B. Vella, l-Mosta, liema triq tkun mgħerrqa fuq kull darba li tagħmel ħalba xita ġmiela? L-iktar naħa li tegħreq fil-fatt hija n-naħa tal-bankina li tmiss mas-Sgħajtar.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin miżmuma f'ħabsijiet f'pajjiżi oħra, kemm ilhom u għal-liema raġuni? Jista' jgħid ukoll ma' kemm-il pajjiż jeżistu ftehim ta' ripatriazzjoni ta' priġunieri biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jiskontaw is-sentenza tagħhom f'pajjiżhom minflok fil-pajjiż fejn ikunu nstabu ħatja ta' reat? F'każ li jeżistu dawn il-ftehim, hemm Maltin li nstabu ħatja f'pajjiż ieħor u qegħdin jiskontaw is-sentenza tagħhom f'Malta?
Response (FRENDO, MICHAEL)
B'riferenza tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23612, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija numru 23126.
Inżied ukoll li Malta għandha ftehim ta' ripatrijazzjoni ta' priġunieri ma' żewġ pajjiż li huma l-Eġittu u l-Libja.
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess biex jibda jitwettaq il-proġett ħalli tonqos il-problema akuta ta' l-għargħar fl-inħawi ta' l-Iklin, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida? Fiex se jkun jikkonsisti dan il-proġett, kemm hu stmat li se jiswa u kif se jkun finanzjat? Jista' jgħid ukoll jekk it-tħejjija ta' dan il-proġett hijiex tieħu f'konsiderazzjoni x-xogħol li mistenni jsir din is-sena biex tinbena mill-ġdid il-parti tal-bypass ta' Birkirkara minn ħdejn ir-roundabout ta' Ħal-Lija sar-roundabout ta' ħdejn il-Vodafone? Jista'jgħid ukoll jekk xogħlijiet li saru f'dawn l-aħħar ftit snin f'Birkirkara biex tonqos din il-problema ħallewx ir-riżultati mixtieqa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi wara li sar feasibility study fuq il-kunċett li kien imħejji mill-Ministeru, qed ikunu studjati kuncetti ohra flimkien ma' dawk proposti minn esperti li qed jagħmlu Storm Water Masterplan għal Malta u Għawdex. Imbghad ser isir Cost Benefit Analysisu tintgħazel l-aħjar soluzzjoni. Wara dan irid isir Environment Impact Assessment u wara li jinħareġ il-permess tal-MEPA, l-proġett ikun jista' jittieħed għall-approvazzjoni finali mill-Kummissjoni Ewropeja biex jinħarġu l-offerti għax-xogħol ta' kostruzzjoni.
Stimi li saru s'issa jindikaw li l-proġett ser ikun jiswa madwar 70 miljun euro, li l-parti l-kbira ser jittieħdu mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. Rigward il-kompozizzjoni tal-progett, wiehed irid jistenna l-evalwazzjoni u l-istudji li qed isiru biex b'hekk wara jkunu jistghu isiru d-disinji tal-progett attwali.
Ix-xogħol tat-toroq li hemm maħsub li ser isir bejn ir-roundabout ta' Ħal-Lija u dik ta' ħdejn il-Vodafone qed ikun ikkunsidrat u ser ikun integrat fil-proġett.
Ix-xogħlijiet li saru f'dawn l-aħħar snin f'Birkirkara biex tonqos il-problema ta' l-għargħar ma' kienux bizzejjed biex tissolva l-problema f'xita qawwijja u dan kien wiehed mill-fatturi ghaliex qed ikun imfassal dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żewġ impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li wieħed minnhom, dak fl-inħawi tal-Mellieħa, diġa' qed jitwettaq, u l-ieħor li se jsir fin-naħa t'isfal ta' Malta? X'mistenni jkun l-investiment f'dawn iż-żewġ impjanti u kemm minnu se jkun finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Barra minn dawn it-tnejn, jikkonfermax ukoll li se jsir xogħol infrastrutturali kbir biex tiġġedded il-pumping station tal-Marsa? Fiex jikkonsisti dan il-proġett, kemm se jiswa u jekk dan hux se jkun finanzjat mill-UE wkoll? Hemm xi upgrading ta' pumping stations oħra xi jrid isir b'konnessjoni maż-żewġ impjanti tat-tisfija msemmija qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess marbut mat-twaqqif ta' windfarms fuq il-baħar f'Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onoreovoli Interpellant li l-proposti li ntbagħtu b’risposta għall-Expression of Interest ġew analizzati u l-Gvern qed jikkonsidra d-deċizjonijiet li jridu jittieħdu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu biex il-maħżen li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jinsab fil-Marsa u fi stat battal u ta' abbandun u ġieli qed jintuża għal skopijiet immorali, jgħaddi f'idejn dilettanti tal-Karnival biex jarmaw il-karrijiet tagħhom fih? Dan il-maħżen hu adjacent ma' maħeżen ieħor li diġa' qed jintuża għall-armar tal-karrijiet.
Response (BORG, TONIO)
Infurmat li l-maħżen li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant uffiċjalment huwa f'idejn Fondazzjoni privata.
Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati mas-servizz pubbliku Għawdxin li kienu jaħdmu f'dipartimenti Malta ġew trasferiti lejn Għawdex bejn is-sena 1999 sal-lum, sena sena, separatament u f'liema dipartiment/uffiċini ġew posted f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija hawn taħt:
Sena
1999 30
2000 28
2001 30
2002 29
2003 44
2004 34
2005 32
2006 37
2007 sallum 2
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew arrestati u mressqa persuni Għawdxin f'dawn l-aħħar ħames snin in konnessjoni ma' traffikar tad-droga u jindika l-etajiet tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 15-il persuna residenti f'Għawdex li tressqu l-Qorti fuq akkużi li kienu jinkludu traffikar ta' droga. L-iżgħar fosthom kien ta' 20 sena, filwaqt li l-akbar wieħed kellu 55 sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu ittri u kawżi għal separazzjoni personali fil-Qorti ta' Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn, kull xahar separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher hawn taħt:-
2005 2006
Noti / Ittri - MedjazzjoniKawżiNoti / Ittri – MedjazzjoniKawżi
Jannar3xejn5xejn
Frar6141
Marzu5212xejn
April9142
Mejju2xejn5xejn
Ġunju6xejn6xejn
Lulju5xejn13
Awissu4xejn31
Settembruxejnxejn3xejn
Ottubru5131
Novembru513xejn
Diċembru1231
Total518529
Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri ttieħdu f'Għawdex sabiex jiġu megħjuna l-vittmi tal-vjolenza domestika wara li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-vjolenza domestika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
It-Taqsima Ħidma Soċjali fil-Ministeru għal Għawdex kull darba li jiġi riferut lilha każ ta’ vjolenza domestika, tiproċedi billi:
· Tgħaraf issolvi l-krizi immedjata, u dan tagħmlu billi tisma lil parti vittimizzata sabiex ittaffi s-sitwazzjoni u b’hekk l-persuna tkun tista’ aktar tagħraf id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu
· Tispjega r-riżorsi eżistenti f’Għawdex, fir-rigward ta’ kenn temporanju, u anke dak fit-tul
· Tispjega lill-vittma l-proċeduri soċjali u legali li jridu jittieħdu u jekk ikun meħtieġ social worker jakkompanja lill-vittma f’dawn il-proċeduri
· Il-kaz jibqa’ jigi segwit mis-social worker għall-perjodu li jkun hemm bżonn
Ta’ min jinnota li fuq il-Bord Nazzjonali maħtur dwar il-vjolenza domestika, hemm persuna minn Għawdex, Ms Maria Attard.