Tista' l-Ministru tivverfika jekk il-prezz tax-xiri tad-dar tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex koretta għax jidher li f'dan il-każ il-persuna minkejja li hi pensjonanta ma ngħatat l-ebda sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma kkwalifikatx għal sussidju fuq il-prezz tal-bejgħ tar-residenza tagħha għax ma kienetx tissodisfa l-kundizzjoni dwar l-assi tagħha kif stabbilita f’iskema relevanti.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk hemmx xi leakage fil-main ta' l-ilma fi triq ġdida fi Triq id-Dielja, Tar-Rabbat Housing Estate, Hamrun (in-naħa tal-garages) peress li hemm nixxija ta' ilma ċar fil-basements tad-djar tal-madwar?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jindika b'mod aktar preċiż it-triq li qed jirreferi għaliha għax skond ma jien infurmat ma jirriżultax li hemm Triq id-Dielja , Tar-Rabbat Housing Estate, Ħamrun.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju li għandu bħalissa d-direttur ta' l-Institute of Information and Communication Technology fl-MCAST Main Campus? Meta ġie fis-seħħ dan il-kuntratt u meta mistenni jiskadi?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm spiċċaw suldati mill-armata, u wara reġgħu kienu ngaġġati bħala suldati fl-istess armata? Is-snin li jkunu għamlu qabel jigu kkonsidrati wara r-ri-ingaġġ jew jibdew jgħoddu mill-ġdid? Fl-aħħar snin, kien hemm xi każ fejn ingħaddewlhom flimkien, jew kollha kellhom jibdewlhom mill-bidu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mit-twaqqif tal-Forzi Armati ta’ Matla fl-1970 kien hemm żewġ uffiċjali u sbatax-il suldat li spiċċaw mill-Forzi Armati u wara reġgħu ġew ingaġġati fl-Armata. Bħala regola s-snin li membru ta’ l-Armata jkun għamel qabel ma jkun spiċċa mis-Servizz ma jgħoddx wara r-ringaġġ. Kien hemm każ wieħed biss li r-ringaġġ tiegħu kien ġie kkunsidrat li kien fl-interess tas-Servizz u għaldaqstant ittieħed in kunsiderazzjoni u ġie magħdud mat-tieni ingaġġ tiegħu fis-Servizz wara li ġie awtorizzat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq prepaid top up mobile cards fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum separatament u xahar b'xahar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x'ċilindrata għandha l-karozza f'kull każ separtament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid, jekk ġewx mikrija/leased karozzi għal użu tiegħu bħala Ministru minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, x'tip ta' karozza inkriet/leased, kemm hi r-rata li biha nkriet/leased il-karozza kull ġurnata u għal kemm żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta ta' PQ 28344.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-manutenzjoni tal-karozza tiegħu bħala Ministru u s-second car separatament minn Jannar 2007 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ispiża għall-manutenzjoni/repairs tal-karozza uffiċjali tiegħi minn Jannar 2007 sa l-lum kienet dik ta' Lm1,803.46. Infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda spiża simili fuq is-second car tiegħi għaliex din hija karozza tal-kiri.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjal jew għal użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu minn Jannar 2007 sal-lum u f'każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x'tip ta' karozza, l-prezz u x'ċilindrata huma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim dwar il-prezzijiet li l-Gvern iffirma ma' importaturi sa Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn l-Osservatorju ta’ Ewro fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi u numru ta’ importaturi flimkien ma’ lista ta’ prodotti koperti minn dan il-ftehim.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li kuntrarju għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, il-kontenut ta’ dan il-ftehim ilu pubbliku mill-ġurnata li fiha ġew iffirmati. Il-lista tal-prodotti ġiet ukoll ippubblikata mill-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Ewro u tinsab għand il-mezzi kollha tax-xandir.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Gvern Malti qed iħares lejn il-kunċett ta' EU watchdog dwar is-servizzi finanzjarji li ċerti pajjiżi jixtiequ jaslu għalih filwaqt li oħrajn bħar-Renju Unit huma xettiċi dwaru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab tal-fehma li għadu kmieni u prematur li wieħed jikkunsidra l-ipotesi li jitwaqqaf regolatur uniku sabiex iservi bħal watchdog għas-setturi kollha tas-servizzi finanzjarji għall-Unjoni Ewropea kollha. Għalkemm idejat simili ġieli jissemgħew f’eżerċizzji akkademiċi, sa issa kull membru ta’ l-Unjoni Ewropea seta’ jżomm l-arranġamenti superviżorji tiegħu f’dawn is-setturi, u ma jirriżultalniex li hemm xi ħsieb konkret sabiex din il-pożizzjoni tinbidel. F’dan il-kuntest, wieħed għandu jiftakar ukoll li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jista’ jagħmel it-twettiq ta’ dan il-ħsieb ħafna aktar diffiċli. Fi kwalunkwe każ, pass bħal dan jieħu ż-żmien għax ikun jeħtieġ mhux biss kunsens politiku mill-istati membri imma anke studji estensivi u fil-fond sabiex jingħarfu sew il-vantaġġi u l-iżvantaġġi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28767 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim dwar il-prezzijiet li l-Gvern iffirma ma' importaturi sa Marzu 2008?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 28767.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru inspections mill-Monte di Pieta fuq deheb biex ikun iċċekkjat u nbullat xahar b'xahar matul l-2007?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ spezzjonijiet, xahar b’xahar li saru mill-Monte di Pietà fl-2007 fil-ħwienet li jbiegħu oġġetti tad-deheb jew fidda biex jiġi ċċekjat il-boll fuq dawn l-oġġetti qed jidher fit-tabella mmarkata Dok ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħidli jekk meta impjegat tal-gvern jingħata flus arretrati ta' diversi snin għall-promozzjoni li jkun ħa b'lura, għall-fini ta' taxxa fuq id-dħul, dawn l-arretrati jitqiesux kollha bħala dħul f'sena waħda jew jitqassmu fuq is-snin minn meta tkun ingħatat il-promozzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta mpjegat jingħata flus arretrati għal promozzjoni li jkun ħa b’lura, għall-fini tat-taxxa fuq l-income l-arretrati jitqiesu bħala dħul f’dik is-sena li l-impjegat jirċevihom.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn ħames għalliema li għamlu sentejn kors fl-Univerista' ta' Malta li jismu Post Graduate Diploma in Education (Inclusion and Individual Education Needs in Primary Schools) ġaladarba mhux se jiġu maħtura fis-sejħa li saret? Kemm se jintgħażlu għax instab li kienu ineleġibbli minħabba klawsola fis-sejħa li saret? Kemm se jintgħażlu INCOs u kemm applikaw? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt li dawn it-talin flimkien ma' għaxar għalliema oħra kienu ġew mitluba jiffirmaw sabiex jagħmlu dan il-kors imsemmi hawn fuq u li kien ffinanzjat mill-UE?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-post ta' INCO applikaw 17. Minnhom kienu eliġibbli 11 u dawn kollha ġew intervistati. Meta joħroġ ir-riżultat jiġu assenjati skond il-ħtiġijiet tas-servizz. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ffirmaw dawk kollha li ngħataw borża ta' studju.
Informat ukoll li l-ħames għalliema li għamlu sentejn kors fl-Universita' ta' Malta li jismu "Post Graduate Diploma in Education (Inclusion and Individual Education Needs in Primary Schools)" ħadu t-taħriġ tagħhom matul il-jum u għaldaqstant huma marbutin li jservu lid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi skond l-esiġenzi tas-Servizz għall-perjodu ta' ħames snin skond kif inhu indikat fil-kuntratt.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali tas-sena 2006 flimkien ma' l-audited accounts?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali tippubblika rapporti bi-annwali għal-kull waħda mit-tliet Aġenziji li jaqgħu taħtha. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ l-aħħar rapporti ppubblikati. Ninsab infurmata wkoll li r-rapport bi-annwali li jkopri s-snin 2005-2006 ta’ l-Aġenzija Sedqa qiegħed fl-aħħar fażi biex jiġi ppublikat.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-
Audited Accounts
tal-Fondazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-użu fil-preżent tal-kumpless Robert Sammut Hall ġewwa l-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kumpless Robert Samut Hall fil-Floriana kiseb post importanti fl-għazla mill-awtoritajiet edukattivi, Ministeri, aġenziji pubbliċi u NGO's bħala post għal seminars, konferenzi, wirjiet u attivitajiet kulturali. Barra minn hekk jintuza wkoll għal inizjattivi ad hoc kif qed isir bħalissa fit-tħejjija għat-twaqqif tal-Kunsill ta' l-Għalliema.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie magħżul is-Sur Mauro Pace Parascandolo biex imexxi l-EUPA?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sur Mauro Pace Parascandolo ġie 'detailed' bħala Uffiċjal Pubbliku mal-European Union Programme Agency b'effett mill-4 ta' Mejju 2007 għal perjodu indefinit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ex-Direttur Ġenerali Dr Cecilia Borg ġietx mogħtija xi kariga, rwol jew xogħol wara li spiċċat bl-eta'? X'inhu dan ix-xogħol li ġiet mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dr Cecilia Borg, l-ex Direttur Ġenerali, nħatret Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu ħsieb dak kollu li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni ta' l-ewwel elezzjoni ta' l-erba' għalliema reġistrati kif titlob il-liġi u cioe' Taqsima III ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni kif emendat fl-2006 li tipprovdi għat-twaqqif ta' Kunsill dwar il-Professjoni ta' l-Għalliema.